13.11.18

Gwerra u Paċi




1.    Min ikun qiegħed jgħix waqt li tkun għaddejja gwerra jħares u jittama b’qawwa li jiġi żmien il-paċi.  Min, wara, jgħix fil-paċi, jibqa’ grat u jiftakar dak li għadda minnu.  Min jitwieled u jgħix fil-paċi ma jafx b’dan.  Anzi, kif  naraw, kif jibda għaddej iż-żmien, jinsa u jittraskura dik l-esperjenza li għaddew minnha oħrajn.  Fl-Ewropa kellna ngħaddu proprju minn dan.  F’din l-art, li hija magħrufa għal diversi żviluppi mill-isbaħ, rajna traġedji kbar.  Il-gwerra bejn l-istati ġiebet magħha mewt u distruzzjoni li l-umanità qatt qabel ma kienet rat bħalhom.

Mitt sena ilu

2.    Illum għandna nieħdu ħsieb nieqfu u niftakru f’dawk li għaddew minn dan, f’dik li ġustament insejħu l-“Gwerra l-Kbira”.  Mitt sena ilu preċiżi ġiet dikjarata l-paċi bejn stati li kienu ilhom jikkumbattu lil xulxin fix-xejn.  Fil-ħdax ta’ filgħodu tal-11 ta’ Novembru tal-1918, ġie ffirmat il-waqfien f’nofs foresta f’Compiegne, fil-parti ta’ fuq ta’ Pariġi, bejn rappreżentant tal-Gvern provviżorju Ġermaniż u l-Ġeneral Franċiż Ferdinand Foch.  Huwa dmirna li nwettqu dan il-mument ta’ waqfien.  Dawk li tilfu ħajjithom, li għamlu l-ikbar sagrifiċċju, għandna naraw li ma jiġux injorati, imma mfakkra.  L-Ewropa tallum għandha tibqa’ grata għas-snin li ġejjin għal dawn il-bnedmin.

Sagrifiċċju uman

3.    Il-kotba tal-istorja jgħallmu.  Dak li wassalna biex nidħlu f’kunflitt bħal dak huwa suġġett għal dibattitu.  Li huwa ċert hu li d-dinja nbidlet.  Il-prezz kien għoli ħafna.  Tul il-gwerra mietu madwar sitt’elef ruħ kull ġurnata, tul elf u ħames mitt jum.  Iktar minn disa’ mitt suldat Franċiż u elf u tlett mitt Ġermaniż mietu kuljum tul erba’ snin.  Intbagħtu jikkumbattu mill-partijiet kollha madwar erba u sebgħin miljun suldat, li minnhom, tmintax-il miljun nafu li mietu jew ġew feruti.  Kull naħa tal-kumbattiment mill-iktar imdemmi sofriet il-konsegwenzi fil-ħajjiet ta’ dawk li sabu ruħhom fit-trunċieri, jum wara jum jikkumbattu bnedmin oħra bħalhom.

Dawk li baqgħu ħajjin

4.    Dawk li reġgħu marru lura għall-ħajja normali tagħhom baqgħu mmarkati għall-bqija tal-eżistenza.  Ħafna li kienu ġew feruti ġarrew is-sofferenza tagħhom għal iktar snin warajhom.  Sofferenza xejn faċli u  mill-iktar diffiċli.  Diversi spiċċaw il-jiem li kien għad fadlilhom fi sptarijiet għall-veterani.  Ħafna tilfu jdejhom u riġlejhom.  Bnedmin li spiċċaw f’kundizzjonijiet umani mill-iktar iebsa u ħżiena.  L-Ewropa kellha effetti mill-iktar negattivi wara.  Naqsu dawk li setgħu jaħdmu, l-ekonomija marret lura, l-istat ħallas iktar f’pensjonijiet u benefiċċji lil dawn il-bnedmin, u r-rata tal-twelid naqset sew.  Dan kien il-prezz li għaddew minnu ta’ qabilna li m’għandniex ninsew.

Jum il-Pepprina

5.    Diversi jilbsu l-pepprina fuq il-pavru ta’ ħwejjiġhom.  Din il-pjanta, li nsibuha deskritta hekk fid-dizzjunarju tagħna: “xtieli jwarrdu aħmar fir-Rebbiegħa kultant imsejħa aħrax, magħduda b’velenużi, jikbru fir-raba’ iżda magħrufa wkoll bħala xaħxieħ/tal-loppju/papavru” tfakkarna fl-għelieqi li dawn is-suldati kellhom quddiemhom.  Tfakkarna wkoll fil-kefrija ta’ dik l-esperjenza umana.  Fuq naħa l-isbuħija tal-kuluri, fuq l-oħra l-għarfien li fiha fiha nfisha velenuża.  Simbolu tal-velenu li diversi, b’xi mod, kellhom iduqu.  Dik is-sustanza li fil-ħajja tmissek u diffiċli li tneħħiha minn ġewwa fik.

Ċimiterji tagħna

6.    Għandna evidenza qawwija quddiemna ta’ din il-Gwerra l-Kbira.  Li ngħaddu forsi minn quddiemha mingħajr ma nirriflettu dwarha.  F’pajjiżna nsibu numru ta’ ċimiterji b’qobra ta’ ħafna suldati li tilfu ħajjithom.  Dawk li nġiebu f’pajjiżna jew biex jiġu kkurati, inkella biex jindifnu.  Bnedmin li kienu qed jikkumbattu f’Gallipoli jew fuq il-baħar sabu ruħhom miġjuba hawn.  Kull sena, iċ-ċimiterji li għandna fil-Kalkara, fil-Pietà, u Ta’ Braxia jaraw pellegrinaġġi ta’ viżitaturi li jqegħdu kuruni u jitolbu għall-erwieħ tagħhom.  Postijiet fejn insibu diversi Maltin u Għawdxin, li huwa wkoll tilfu ħajjithom.  Għandna marka u rabta ma’ dak li seħħ.

Il-paċi llum

7.    Ikun ċertament żball kbir jekk nonqsu milli nieqfu u niftakru.  Żball ikbar li ma naqrawx minn dak li għaddew minnu ta’ qabilna.  Żball li b’xi mod nirrepetu l-eżempji ħżiena li mexxejja politiċi u militari ħallew warajhom.  Il-gwerra nkwiet u distruzzjoni biss issarraf. Ma jikber xejn minnha u d-dinja, flok tavvanza, tmur iktar lura.  F’dan il-jum niftakru li dik l-esperjenza umana kissret diversi bnedmin bħalna.  Niftakru li qed ingawdu dawn is-snin ta’ paċi proprju minħabba s-sagrifiċċji tagħhom u l-esperjenzi qarsa passati.  Nassiguraw li ma nkunux parti minn fost dawk li għadhom, fl-injoranza tagħhom, jimmaġinaw li l-gwerra hija soluzzjoni jew strument ta’ progress u riforma.  Nassiguraw li nibqgħu dejjem iktar forza ta’ paċi u sewwa, li tikkumbatti l-veleni umani u soċjali.  Strumenti li jagħtu sehemhom sabiex dak li seħħ ma jibqax jirrepeti ruħu.





No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...