13.11.18

Il-ġustizzja soċjali tnebbaħ riformi




1.    Hemm partiti li jitwieldu malajr u ma tantx idumu biex jispiċċaw.  Hemm oħrajn li jibqgħu attivi u ħajja fiż-żmien.  Daqqa jkunu fl-aħjar tagħhom, daqqa le.  Daqqa jkunu fil-poter, u oħra fl-Oppożizzjoni.  Daqqa jkollhom viżjoni, u oħra jitilfuha.  Daqqa jżommu mas-sejħa oriġinali tagħhom, u drabi oħra jippruvaw imorru għal dak li mhumiex.  Proċess li wieħed irid jifhem u janalizza sabiex jifhem ir-rilevanza, jew le, ta’ ħidmet partit jew ieħor.  F’dan, iktar u iktar ċar, hemm responsabbiltà u piż ikbar għal dawk li jiġu deskritti bħala ‘l-partiti l-kbar’.

Partiti popolari

2.    Il-partiti jibdew kważi bl-istess mod, però mhux bl-istess bażi politika jew ideat.  Jibqgħu, imma, fiż-żmien jeżistu u jiġbru l-voti għax il-bnedmin li jmorru jivvutaw jerġgħu jagħtuhom il-vot tagħhom.  F’dawn il-gżejjer hemm żewġ partiti li ġabru dan il-kunsens.  Il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, f’dan l-aħħar seklu baqgħu rilevanti fir-rappreżentanza parlamentari minħabba dan il-proċess.  Baqgħu jaraw kandidati tagħhom jiġu eletti fil-Kamra tad-Deputati.  Mhux dejjem fl-istess numru, ċertament, u anqas f’dak li huma ideat politiċi.  Imma huma partiti popolari.

Strument ta’ bidla tajba

3.    Mhux dejjem wieħed jinduna li min ikun qed jivvota jkun qed jagħmel dan għax jaqbel mal-ideat u l-viżjoni li sawru partit.  Dak li jiġu msejħa ‘għeruq’, huma fil-fatt dawk li jħarsu lejn u  jippretendu minn dawk eletti li jmexxu u jiggwidaw ruħhom fuq numru ta’ prinċipji.  Fil-konsiderazzjoni tal-proċess politiku, għandi l-impressjoni li l-votant taż-żewġ naħat iħares lejn il-partit bħala strument ta’ ġustizzja soċjali.  Huwa dan il-kunċett li jiġi nterpretat u għandu linji ta’ differenza bejn dik demokratika kristjana u dik soċjalista jew soċjal-demokratika.  Imma l-fatt jibqa’ li l-maġġoranza tal-poplu tivvota għall-paċi u stabilità, li huma bażati fuq ġustizzja fost il-bnedmin fis-soċjetà.

Kapaċità tar-riforma

4.    Hemm dejjem għajta għall-ugwaljanza u s-sewwa li sostniet l-importanza u l-eżistenza tal-partiti l-kbar.  Imma, u dan jitlob iktar attenzjoni, partiti li jkunu iktar rilevanti skont kemm kapaċi jirriformaw lilhom infushom.  B’dan li r-riforma ma tfissirx bdil fl-ideal politiku, imma fl-abbiltà li wieħed jibni programm differenti, ġdid, ta’ ħidma bażat fuq il-prinċipji politiċi ta’ dak il-partit.  Il-bidla riformatriċi mhix dik ideoloġika, imma fil-kapaċità li tagħmilha iktar u iktar rilevanti.  Il-poplu, minkejja li kien hemm attentati u dixxipli varji wera, fl-eżami elettorali, li ma jħossx li l-kunċetti etiċi li jsostnu l-liberaliżmu huma alternattiva jew in sostituzzjoni ta’ dak li jirrappreżentaw il-partiti l-kbar.

Lezzjonijiet Sovjetiċi

5.    Vittorio Strada, fil-ktieb tiegħu ‘Impero e rivoluzione (Russia 1917-2017), jiddiskuti fit-tul u ċar il-proċess sħiħ ta’ bidliet, u janalizza wkoll ir-raġunijiet għat-tmiem tal-ħakma Komunista fir-Russja.  Fost dawn jindika, b’mod ċar, l-inabilità li l-partit-Stat sab biex jirriforma lilu nnifsu, u jerġa’ jwieġeb għas-sejħa li seta’ kellu fil-bidu.  Mikhail Gorbachev fehem dan, imma kien tard wisq biex jiftaħ lura dak li maż-żmien kien intilef kompletament.  Tul is-snin, il-poplu kien qata’ qalbu milli jara l-affarijiet jinbidlu u kkonvinċa ruħu li l-Unjoni Sovjetika kien spiċċa żmienha.  Ktieb li tajjeb li jinqara u jiġi analizzat fl-ideat u l-analiżi tal-kultura politika prevalenti llum f’dak il-pajjiż.

“Aktar riformi”

6.    Kitbet dan l-awtur Taljan għandha forsi tkun lezzjoni għalina wkoll fuq din il-gżira.  Ngħid dan għax fost id-diskors tal-Ministru tal-Finanzi, l-Onor. Edward Scicluna, f’parti partikolari, stranament taħt it-titolu “Aktar Riformi”, kien hemm din is-sentenza.  Waħda li tista’ tidher maqtugħa, imma għalija rilevanti ħafna.  Hemm jingħad hekk: “L-għajta li dan il-Gvern jibqa’ l-aktar wieħed riformista fl-istorja politika Maltija, għadha tgħodd.  Kienet sena fejn komplejna naħdmu biex pajjiżna jagħmel qabża liberali oħra ‘l quddiem bil-fatti.”  Indikazzjoni evidenti li, għall-Gvern, ir-riforma tiġi mhux mill-ġustizzja soċjali, imma minn sistema ta’ politika li l-poplu ma jagħrafx fil-Partit Laburista.

Komdu ma’ dawk li għandhom

7.    F’dan huwa iktar ċar li l-Partit Laburista għamel riformi f’direzzjoni oħra.  Dak li permezz tagħhom qiegħed ibiddel il-bażi ideoloġika tal-Partit.  Tentazzjoni politika kbira, speċjalment fid-dinja dominata minn mezzi mmexxija minn min għandu l-flus.  Waħda li hawn irrendiet ruħha mhux sempliċement fil-ħajra, imma fil-bżonn li wieħed jagħmel dikjarazzjoni u stqarrija ċara.  Ċertament, ma kienx hemm xi bżonn partikolari tagħha, imma ntqalet xorta waħda.  Impostazzjoni ideoloġika li qegħda twassal, biċċa biċċa, biex il-Gvern ikun komdu aktar ma’ dawk li għandhom ħafna, milli ma’ dawk li ma għandhomx.

Maġġoranza siekta

8.    Dawn huma indikazzjonijiet u lezzjonijiet li għandna nagħrfu.  L-elettorat Malti u Għawdxi, fil-maġġoranza tiegħu jħares lejn l-abbiltà tat-tmexxija li taqbeż għal min huwa, jew sab ruħu isfel.  Hija dik il-maġġoranza siekta li tbiddel l-idejn tal-poter.  Huma dawk il-bnedmin li jagħrfu kemm huwa importanti li fil-libertà jkun hemm il-ġustizzja soċjali.  Riformi jistgħu jsiru.  Uħud jistgħu jkunu ekonomiċi, li jmissu ma’ ċertu setturi u jinżlu tajjeb ma’ min għandu f’idejh il-finanzi, imma r-riformi veri li jridu n-nies jitwieldu mit-tqassim ġust tal-ġid komuni.  Dawn huma l-aktar riformi li l-poplu kollu jrid li jsiru.  Dawn huma dawk li l-Gvern mhuwiex jara u dawk li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jifhem dejjem iktar li hemm bżonn li jipprepara ruħu biex iwettaq.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...