2.11.15

Fejn Wassalna.


1.      Iċ-ċirkostanzi li bnew il-baġit din is-sena huma uniċi.  Il-kalendarju nbidel għal darb’oħra, u huwa evidenti li hemm min qiegħed jipprova jieħu vantaġġ politiku minnu.  Sar tul Ottubru meta s-soltu jseħħ iktar tard.  Biss din is-sena, f’Novembru l-Gvern ser ikun impenjat  b’numru ta’ attivitajiet li huma rari, li jidher li xprunawh biex jaqbad il-linja li qabad.  Hemm quddiem uħud il-kuntrast bejn dak li seħħ is-sena li għaddiet u għalhekk hemm id-determinazzjoni li wieħed ma jitlifx minn dak li baġit, li huwa reċepit bħala wieħed tajjeb mill-poplu, jista’ jagħti.  Flok jinżel ‘l isfel, il-ħsieb huwa li jitla’ biss ‘il fuq, speċjalment matul ix-xhur ta’ Diċembru u Jannar.  Biss kif rajna qabel, l-eventi politiċi ftit jistgħu jippreveduhom, iktar u iktar meta tipprova tikkontrollahom.

2.      It-termini, l-kanali ta’ ħsieb li qed imexxu lil min għandu l-poter f’idejh ma humiex ispirati milli li wieħed iwettaq dak li huwa minnu nnifsu sewwa, iżda fid-dawl ta’ dak li l-propaganda tista’ tagħti u ssarraflu.  L-eżerċizzju tal-baġit ma kienx, iktar u iktar din is-sena, wieħed ta’ dikjarazzjonijiet, ta’ strateġiji ekonomiċi, iżda ta’ kemm il-Gvern jista’ jirbaħ lura mill-fiduċja li beda jitlef.  Dan nistgħu nifhmuh.  Kemm huwa indikat għal pajjiż bħal tagħna, fejn min imexxi għandu jappella għas-sena komun u jagħmel użu mir-raġuni hija ħaġa kompletament differenti.  Proprju f’dan, il-Gvern qed juri ruħu li ma huwiex iwieġeb għas-sinjali taż-żminijiet, anzi li jrid imur lura fil-passat li jista’ jaħseb li huwa kapaċi jikkontrolla.

3.      Proprju għalhekk li nhar it-Tlieta li għaddew rajna u smajna diskors tal-Prim Ministru li kien kollu demagoġija.  Kien kollu indirizzat mhux lill-Parlament, l-istituzzjoni demokratika li kien qiegħed jitkellem fiha, imma għal dawk is-segwaċi li kienu d-dar jisimgħu.  Kien wisq ovvju li kien hemm min ried jirriafferma ruħu u dan dehem b’ton, bil-ġestikulazzjoni u, jekk tippermettuli, bil-volum wisq għoli.  Id-diskors stona ħafna u għal diversi persuni bħali bagħat messaġġi żbaljati fis-sitwazzjoni politika tal-lum.  Dan għax nafu li meta mexxej politiku jaqbad dik it-triq ikun qiegħed jieħu eżempji ħżiena mill-passat.

4.      Ħafna jiftakru d-diskorsi li kienu saru minn mexxejja oħra, senjatament minn kap ieħor tal-Partit Laburista li ddomina x-xenarju politiku.  Żgur mhux forsi, kien attentat biex jiġi imitat.  Kien sforz sabiex min għandna llum ikun imqabbel tajjeb ma’ min kien hemm qabel.  Indikazzjoni ċara li qed isir tqabbil intern li għalih il-kap preżenti jħoss li għandu jwieġeb billi juri li huwa “bħalu”.  Biss, bir-rispett, jagħmel x’jagħmel min għandna llum qatt ma jista’ jittrasforma ruħu f’dak li kien hemm qabel.  L-ewwel għax iċ-ċirkostanzi nbidlu, u t-tieni għax hemm ġenerazzjoni ta’ bnedmin f’dawn il-gżejjer li rreaġixxew kontra u bil-qawwa u t-tielet, għax il-karattru u t-trobbija huma kompletament differenti.  Aħjar wieħed ikun li huwa milli jipprova jimita dak li qatt ma jista’ jkun.

5.      Min iridha tal-moderat, tal-progressiv u tad-demokratiku llum ma jużax dawn l-istrumenti biex iwassal il-messaġġ tiegħu.  Apparti l-fatt li, sa fejn naf jien, ftit huma d-deputati li huma nieqsa mis-smigħ u ma kienx hemm bżonn li flok wieħed juża r-raġuni jibda juża l-għajjat u l-aggressività politika żejda.  Kien tant ċar għal ħafna li l-Prim Ministru ried il-ħin kollu jidħol ġewwa l-kamera tal-mezzi tax-xandir biex f’moħħu jaċċerta ruħu li l-udjenza qegħda tħossu u b’hekk huwa qiegħed jikkontrolla u jimponi ruħu fuqhom.  Kien hemm wisq “tejatrini” li jaqbżu l-limitu ta’ persuna li suppost għandha jkollha l-kunfidenza li titkellem u tipperswadi bl-argumenti iktar mill-istrumenti użati b’terġa l-bqija tal-grupp parlamentari Laburista li jħoss li jrid isostnih b’tisbit kontinwu.  Ma naħsibx li min għandu rasu fuq għonqu kien wisq impressjonat b’din l-imġieba u smajt b’dawk li bdew u ma spiċċawx l-udjenza.  L-aggressività, il-kontroll idejqu lill-poplu.

6.      Diversi mexxejja Ewropej, wara t-tmiem tat-tieni gwerra mondjali ħadu ħsieb li jidħlu biex jindirizzaw lill-poplu mingħajr demagoġija, mingħajr il-ġestikular tal-mexxejja tiranni u dittaturi li raw lill-Ġermanja u l-Italja.  Kien punt fundamentali ta’ bnedmin bħal Alcide de Gasperi jew Konrad Adenauer li r-rispett lejn l-istituzzjonijiet u l-ispirtu demokratiku ta’ stat lajk kien jitlob minnhom.  Punt fundamentali rispettat rigorożament sija fl-ispirtu, kif ukoll fil-metodu.  Ebda eżempju passat; il-poplu għax minnu jiġi l-poter u minnu jitlaq, irid ikun infurmat u persważ minn dak li jkun qiegħed isir bir-raġuni u mhux b’mezzi oħra.

7.      Id-demokrazija mhix dgħjufija, anzi hija l-linja tal-irġulija u l-umiltà li kull politiku li jrid iservi ta’ ġid irid juża.  Mhux biss, imma fi ħdan dan jispikka iktar l-individwaliżmu, l-egoiżmu kontra dawk li jaħdmu f’daqqa u f’altruwiżmu.  Id-demokrazija hemm min illum jaħseb li mhix suġġett interessanti.  Hemm min jimmaġina li l-importanti huma l-flus u l-lagħqiżmu proprju għax diversi lesti li jintremew sabiex javvanzaw.  Sfortunatament hemm minnhom, però konvint li l-maġġoranza tal-poplu dan ma tridux, anzi temmen fil-kontra.  Minn dak li qed joħroġ jidher ċar li l-linja politika meħuda mill-Gvern turi li qegħda tinsa l-lezzjonijiet tal-istorja.  Proprju għalhekk wieħed jifhem dejjem iktar fejn qed iwassalna dan il-metodu ta’ tmexxija.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...