2.11.15

Dak li għandna llum fis-suq tax-xogħol mhux biżżejjed għall-isfidi tal-futur.





Il-ħafna nies fil-part-time u fil-prekarjat jitlob ferm aktar miżuri minn dak li sar fil-baġit

Il-Gvern mhux jirrealizza li dak li għandna llum fis-suq tax-xogħol mhux biżżejjed għall-isfidi tas-snin li ġejjin għaliex ix-xogħol illum għadu jinħoloq f'niċeċ li twelldu mill-amministrazzjoni preċedenti.
L-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern tal-lum joħloq niċeċ u inizjattivi ġodda biex jilqa' għall-isfidi tal-prekarjat li għadu qawwi fost l-impjiegi part-time, u joħloq ix-xogħol għaż-żgħażagħ u għan-nisa fis-suq tax-xogħol.
L-appelli lill-Gvern biex is-suq tax-xogħol ikompli jikber fis-snin li ġejjin saru fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, fid-dibattitu dwar il-Ministeru dwar l-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Carm Mifsud Bonnici appella wkoll lill-Gvern jagħti garanzija fuq xiex għandna nibnu l-workforce tagħna għas-snin li ġejjin. Spjega li llum m'għandniex setturi ġodda li se jwelldu għelieqi ġodda ta' xogħol.
Semma li l-Gvern qed jikkuntenta bl-istatistika fis-settur tax-xogħol u appella biex iħarses lil hinn mill-propaganda politika u jwettaq  dak li wiegħed, bħalma hi l-wegħda li l-part-timers isiru full-time u l-pagi jogħlew daqs ta' pajjiżi oħrajn Ewropew.

Is-settur tax-xogħol għadu jaħsad mill-ideat tal-passat
Saħaq dwar l-importanza ta' aktar taħriġ u viżjoni għall-isfidi ta' għada. Is-settur tax-xogħol għadu jaħsad mill-ideat tal-passat quddiem il-bidliet qawwija li tant huma meħtieġa.
Irridu statistika sħiħa u li niddeċiedu fuq liema se nibbażaw il-viżjoni tagħna, jekk hix dik tal-ETC jew tal-Labour Force Survey. Irridu wkoll li dak li ma jidhirx fil-istatistika xorta jingħata tweġiba. Dan meta l-istatistika dwar in-nies  bla xogħol, il-Labour Force Survey jitkellem fuq 11,000 u dik tal-ETC 5,800.
Semma li hawn jaħdmu 6,000 persuni barranin mhux Ewropew u tal-anqas 6,000 oħra ċittadini Ewropej. Dan filwaqt fl-2013 instabu 130 persuna li nstabu jaħdmu bla ktieb tax-xogħol, u s-sena li għaddiet instabu 734 –  seba' darbiet aktar filwaqt li din is-sena jidher li hemm l-istess ammont.
Enfasizza l-ħtieġa li nifhmu dak li qed jiġri fis-suq tax-xogħol li sal-lum għadu jinħoloq fis-setturi li kellna fil-passat, bħal dak fil-kostruzzjoni u dawk li għadhom jikbru gradwalment, jew fiċ-ċaqliq fl-impjiegi bħama hu dak li qed iġri fis-settur tat-trasport.
Appella lill-Gvern jagħti garanzija fuq xiex għandna nibnu l-workforce tagħna għas-snin li ġejjin.

Il-prekarjat u x-xogħol part-time hemm baqa' u ma tneħħiex
Dwar il-prekarjat li hu evidenti ħafna fix-xogħol part-time, Carm Mifsud Bonnici qal li s-suċċess tal-Gvern ma kienx qawwi.
Ikkritika lill-Gvern li qed jaħrab mir-realtà meta l-Ministru tal-Finanzi qal li l-prekarjat qed jonqos. Ix-xogħol part-time hemm baqa' u ma tneħħiex.
Tkellem dwar il-pensjonanti li jibqgħu fis-suq tax-xogħol u rrimarka li bqajna b'6,000 xogħol primarju u 500 oħra li għandhom xogħol ieħor.
Is-settur tax-xogħol li jimxi mill-impjiegi part-time lejn il-full-time baqa' lura, bil-ħaddiema part-time baqgħu mingħajr żidiet fil-pagi. Appella lill-Gvern jieħu azzjoni biex dawn il-ħaddiema b'kuntratti ta' xogħol jiċċaqilqu 'l  quddiem.
Spjega wkoll li huma n-nisa li qed jibqgħu l-aktar imwaħħla f'xogħol part-time u appella lill-Gvern jieħu aktar miżuri li jħallu l-frott.
Id-Deputat Nazzjonalista rrimarka wkoll li l-ħolqin tax-xogħol għan-nisa li jfittxu li jidħlu fis-suq tax-xogħol hu l-aktar fil-kategorija tas-sales and services, u f'elementary occupations. Hu ċar li hawn bżonn ta' eżami veru tal-iskemi biex in-nisa jkkontribwixxu għas-settur tax-xogħol mingħajr ma jitiflu d-dinjità tal-mara u l-valur tal-familja.
Semma wkoll sitwazzjoni oħra li toħroġ mill-istatistika – dik li 1,170 persuna, jew 25% tan-nies li jispiċċaw mill-iskejjel, mhux qegħdin fix-xogħol u lanqas f'taħriġ. Fisser li dan hu ammont konsiderevoli li jeħtieġ attenzjoni u soluzzjoni.
Osserva wkoll li jkun hemm mas-17,000 notifka ta' postijiet tax-xogħol lill-ETC, u li jimtlew biss 3,300. Dan jagħti stampa ta' problema oħra mhux żgħira li qed tinħeba wkoll fiċ-ċifri tal-istatistika.
Carm Mifsud Bonnici rrimarka li hawn sinjali fis-suq tax-xogħol li juru li s-sistema hi aktar riattiva hekk kif il-Gvern daħħal kemm felaħ nies miegħu – liema deċiżjoni għad trid tħalli effett ukoll  fuq l-ekonomija.

Terz tax-xogħlijiet ġodda fl-ewwel marru fis-settur tal-kostruzzjoni
Jirriżulta wkoll, kompla d-Deputat Nazzjonalista, li terz tax-xogħlijiet ġodda fl-ewwel kwart tas-sena marru fis-settur tal-kostruzzjoni.
Semma l-isfida li rridu nilħqu l-miri fin-National Employment Policy li ntrabatna li sal-2020 ikollna 70% tal-employment rate f'pajjiżna waqt li appella li l-ħolqin tal-impjiegi hu imporanit li jkun ta' kwalità u li jagħti aktar dinjità lill-ħaddiema.
Li għandna ħafna nies fil-part-time u fil-prekarjat jitlob ferm aktar miżuri minn dak li sar fil-baġit. Hemm bżonn ta' programm ta' taħriġ aktar effettivi minn dak li għandna llum. Awgura li l-ETC tmur aktar lejn it-taħriġ lill-kategorija tan-nisa, fosthom dawk li diġà qegħdin fil-part-time.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni semma l-kwistjoni tal-workforce tal-lum li qed tavvanza fl-età u titlob għal aktar viżjoni li fil-preżent għadha ma evolvitx.
Ikkritika li qed nagħmlu servicing tal-istess bżonnijiet f'setturi li kien hemm qabel jew f'setturi tax-xogħol li baqgħu l-istess. Semma l-bżonn tad-dimensjoni tat-teknoloġja moderna, b'aktar dettal biex noħolqu niċeċ ġodda ta' xogħol.

No comments:

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid x’dire...