2.11.15

Appella għal aktar ħidma biex il-Whistle Blower Act tipproteġi lill-ħaddiema minn prattiċi mhux xierqa fil-post tax-xogħol.





Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici appella lill-Gvern, lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż u lill-unions joħorġu b'saħħa biex ikun hemm biżżejjed għarfien, l-aktar għall-ħaddiema, biex l-Att għall-Protezzjoni tal-Informatur, magħruf bħala l-Whistle Blower Act, iħalli l-impatt mixtieq  biex il-ħaddiema jiġu protetti minn il-prattiċi mhux xierqa fl-ambjent tax-xogħol.
Meta l-Parlament iddiskuta l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Carmelo Mifsud Bonnici ressaq diversi kunsiderazzjonijiet ta' numru ta' ħaddiema li dwarhom bħala pajjiż mhux qed naġixxu biżżejjed biex nipproteġuhom. Fost dawn hemm in-nies li jaħdmu part-time u nies li jaħdmu f'kundizzjonijiet tas-saħħa li mhumiex dawk li tindika l-liġi. Sitwazzjonijiet ta' sfruttament li qed jaqbżu ċertu limiti bil-ħaddiema jibqgħu fis-silenzju għax jibżgħu li jitilfu x-xogħol.
Semma li l-Att għall-Protezzjoni tal-Informatur, magħruf bħala l-Whistle Blower Act, weħel biss fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u mhux qed iħalli l-impatt fuq l-ambjent tax-xogħol li kellu jħalli.
Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li l-Liġi hi għodda importanti li l-ħaddiem għandu jkun infurmat dwarha. M'hemmx biżżejjed għarfien lanqas mill-unions u min iħaddem biex il-prattiċi mhux xierqa jiġu protetti.
Appella lill-istituzzjonijiet demokratiċi joħorġu aktar b'saħħa biex jagħtu l-informazzjoni tal-att u tħajjar lill-ħaddiema jitkellmu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol meta dawn ma jkunux rispettati u meta min qed jimpjega ma jipproteġihomx.
Irrimarka li l-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Informatur m'għandiex tibqa' taħt il-Ministru tal-Ġustizzja iżda taħt il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Libertajiet Ċivili u Drittijiet tal-Kosumatur.
Sejjaħ għal ħidma effettiva  mal-unions biex jieħdu f'idejhom u jagħmluhom taghhom id-drititjiet tal-ħaddiema bis-saħħa li tagħtihom din il-liġi għaliex hi strument progressiv u avvanzat fiż-żminijiet tal-lum.
Carm Mifsud Bonnici saħaq li dan l-appell għandu jintlaqa' b'idejn miftuħa fi żminijiet meta qed jingħad li hawn anqas membri msieħba f'unions.
Appella wkoll biex il-Gvern jirrevedi l-att li jirregola r-relazzjonijiet industrijali u jeżamina x'kien l-effett pożittiv u negattiv tiegħu, u b'mod partikolari fejn jidħol it-triq 'il quddiem tas-sistema t-Tribunal Industrijali, u lil fejn irridu nwasslu dan it-Tribunal.
Fost il-kunsiderazzjonijiet li jridu jsiru, semma l-kwisjtoni dwar jekk it-Tribunali Industrijali jkunux quddiem l-Imħallfin jew Maġistrati, jew quddiem it-Tribunal Ammiistrattiv. Irrifera għal din id-deċiżjoni bħala l-maltempata li qed nistennew għaliex ħaddiema bi kwistjonijiet quddiem it-Tribunal se jsibu ruħhom f'sitwazzjoni xejn feliċi.
Hemm ukoll il-kwistjoni fl-Att marbuta mal-kwistjoni tat-trade unions u d-diffikultajiet ta' union li tersaq qrib wisq lejn il-politika. Dan għandu jiġi indirizzat b'emendi fil-liġi biex il-ħaddiem ikollu union ta' fiduċja li tiddefendih.
Carm Mifsud Bonnici semma l-ġlieda tal-unions illum kontra l-prekarjat – marbuta  l-aktar mal-ħadidema part-time. Jirriżulta li hemm madwar 60,000 persuna f'pajjiżna li b'impjie part-time, li 23,000 minnhom li l-impjieg tagħhom marbut mal-part-time. Il-kumpalment li huma dawk li l-part-time hu l-uniku impjieg. Hu hawn fejn jeħtieġ aktar attenzjoni
Tkellem ukoll dwar l-Organizzazzjoni Internazzjonali  tax-Xogħol (ILO) u appella biex dokumenti tajbin jibdew jiġu diskussi fil-Parlament permezz ta' mozzjonijiet jew f'laqgħat fil-Kumitati Parlamentari.

No comments:

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid x’dire...