2.11.15

Triq lejn is-sewwa



1.      Nikteb b’ferħ, b’entużjażmu però mingħajr ma nitlef mill-pajjiż li ngħix fih wara l-ħatra tal-Arċisqof Charles Scicluna.  Ngħid dan għax, kif diversi saru jafu, kelli x-xorti li f’ħajti gawdejt il-kumpannija, il-ħbiberija u l-intelliġenza tiegħu tul iż-żmien li konna flimkien fil-kors tal-Liġi.  Minn meta kont nafu, anke meta rajtu iktar tard, sibtu b’dik it-tbissima fuq wiċċu.  Kapaċi jifhem pożizzjonijiet differenti malajr u kapaċi jagħti tweġiba f’postha.  Jiġbor dak li jingħadlu u, hu min hu l-interlokutur, ser jisimgħu.  Ġie mbaskat tajjeb ħafna, però lkoll nafu li għad fadallu fejn jieħu iktar fil-fran tal-ħajja.  It-tafal uman irid jgħaddi mill-iebes biex jibqa’ jipprova l-kapaċità u l-utilità tiegħu għall-ġid tal-bniedem.

2.         Ma jinix ser nagħmel taqbiliet ma’ bnedmin oħra li qablu okkupaw l-istess pożizzjoni.  Kull wieħed ġie u daħal bit-talenti tiegħu.  Kull wieħed sab l-iebes, il-kumplikazzjonijiet, il-kontestazzjonijiet u l-armadju sħiħ li l-ħażen jisserva bih.  Min jinseġ, l-Id tas-sewwa li tmexxi, għażel il persuna li għandu jkun hemm fil-mument li l-ħajja, id-dinja tkun għaddejja minnu.  Min joqgħod lura u jħares ftit jifhem ferm iktar, bi ftit riflessjoni milli b’deċiżjonijiet ta’ malajr.  L-aħħar tlett Isqfijiet Mikiel Gonzi, Gużeppi Mercieca u Pawlu Cremona ħallew warajhom wirt li minnu ser jitlaq.  Deċiżjonijiet meħuda qablu f’xenarji differenti jitolbu attenzjoni, rispett u mhux kundanni bla sens.  Il-passat fil-Knisja huwa parti sħiħ minn żvilupp immirat lejn it-triq tas-sewwa.

3.         Charles Scicluna għandu quddiemu snin ta’ ħidma.  Għandu diversi sfidi li jrid jaffronta, sija fis-soċjetà tagħna li f’mumenti tidher li tilfet il-boxxla, kif ukoll ġewwa l-Knisja nnifisha.  Għandu quddiemu diversi li jaħsbu li huma tant bravi li jridu jgħidulu x’għandu jagħmel biex, skont huma, jkun tajjeb għalihom.  Għandu ħafna li qasmu t-triq u ħarġu mill-Knisja għar-raġunijiet partikolari tagħhom.  Għandu oħrajn li baqgħu ġewwa, jgħidu u jparlaw fix-xejn, jimmaġinaw ruħhom xi wieħed mid-dwal tal-Knisja moderna.  Ma humiex muntanji nsormontabbli; anqas ma huma kaġun ta’ abbandun tal-missjoni għas-sewwa li huwa msejjaħ għaliha.  Iktar ma jkunu kbar il-problemi, aktar joħorġu l-karattru u l-kwalitajiet tal-bniedem sod.

4.         F’dawn l-għoxrin sena li ġejjin, pajjiżna ser jgħaddi minn ħafna f’din is-soċjetà mimlija rwiefen.  Biss jidher liser ikun hemm fattur iktar qawwi fid-doża tal-istabbiltà umana.  Id-direzzjoni tiegħu ser tkun importanti.  F’ħidma diretta lejn li wieħed jafferma b’sempliċità l-vuċi tal-Knisja Kattolika.  Ħadd ma huwa jippretendi li f’daqqa waħda kull min telaq jiġi lura.  Anqas li ser ikun hemm xi ħsieb li wieħed jisforza lil min ma jridx.  Għax, jingħad x’jingħad kontra l-Knisja Kattolika, is-saħħa tagħha mhix fin-numri, wisq in qas f’xi armata, iżda qiegħed fl-użu sempliċi u dirett tar-raġuni.  Meta l-messaġġ nisrani jiltaq ‘il bogħod milli jipperswadi bis-sewwa u għas-sewwa, allura ma jibqax fit-triq.  Iktar u iktar illum meta hemm tant mexxi ta’ komunikazzjoni, tant iktar bnedmin li ġew edukati iktar u mgħallma.  Jiddependi fl-abbiltà intelliġenti li twassal il-messaġġ f’dak li huwa.

5.         F’ħafna sens, id-direzzjonijiet inbidlu.  Waqt li qabel kien hemm il-Knisja iktar mimlija stabilità f’sekli ta’ ħidma fis-soċjetà, issa għandek Stat li huwa b’saħħtu.  Hemm kuntrasti ġodda li qed joħorġu dan.  F’dawn is-snin, l-Istat ser ikollu jagħti iktar każ tal-vuċi tar-raġuni li ġejja mill-Knisja, aktar milli l-kontra.  L-intelliġenza, l-abbiltà, l-għaqal, l-għerf li hemm ser jinbidlu fil-mod li jersqu lura lejn is-soċjetà.  Il-prijoritajiet, bil-Papa Franġisku inbidlu.  Ir-rilevanza kibret u l-proċess ta’ tixrid tal-vuċi tas-sewwa kibru.  Għalkemm l-Istat, bħal diversi stati oħra speċjalment dawk marksisti jinterpretaw din il-ħidma mill-kejl u l-lenti tagħhom, fir-realtà dan m’huwiex.  Ħidmet il-Knisja Kattolika mhix lejn dak li jagħmel u jservi l-Istat għalih.  Ma hix Stat ġewwa Stat, imma mezz għas-sewwa.  Vuċi u ħaddiema fl-għalqa li minnha joħroġ il-frott it-tajjeb.

6.         Il-bnedmin li jiffurmaw il-Knisja Kattolika ser jgħaddu minn tiġdid.  Jifhmu iktar aħjar is-soċjetà, ir-rilevanza tagħhom u kif jibdlu l-metodi biex jaslu għas-sewwa.  L-Arċisqof Charles Scicluna, ma għandix dubju li dan ser jifhmu.  Iktar ma jsib kollaborazzjoni, iktar aħjar.  Dan għalih huwa bank ta’ prova qawwi.  Forsi minn qiegħed ġewwa dan ma jifhmux biżżejjed.  Biss, min huwa barra, min huwa kontra, dan diġà fehmu.  It-triq hija twila, ma hemmx dubju.  Biss hija triq għas-sewwa.  Waħda li żżomm vuċi soda u rilevanti għal dawk li jridu jisimgħuha, għal dawk li fil-libertà sħiħa tagħhom iridu jħaddnuha.  Ma għandix dubju li huwa l-bniedem li għandu l-kapaċitajiet it-tajba.  Dak li ser ikompli jimxi fuq ta’ qablu biex jifhem, jispjega, jipperswadi u jikkonvinċi.  L-esperjenza passata tiegħu ser tingħaqad ma’ dik li ġejja sbiex ikompli għaddej fit-triq tas-sewwa.


No comments:

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid x’dire...