4.11.15

Il-Boxxla Politika.





1.      Il-Gvern preżenti tela’ għal diversi raġunijiet.  Fil-kampanja elettorali però ħa ħsieb li jitkellem iktar milli kellu bżonn.  In-nies, għal raġunijiet differenti, kienu lesti li jidħlu għall-bidla fl-amministrazzjoni tal-pajjiż u għalhekk f’mument kien ftit iktar mis-soltu rrelevanti x’inhuwa jingħad.  Biss, dak li jingħad ikun ingħad u diffiċli toħroġ minnu.  Illum li ilna diġà b’sentejn skorruti ta’ din it-tibdila, dak li ngħad qiegħed jerġa’ jiġi quddiem diversi, sija dawk li vvutaw mod, kif ukoll dawk mod ieħor.  Il-pajjiż beda issa jqabbel bejn dak li ngħad li ser isir u dak li qiegħed attwalment isir.  It-tlellix u l-arja friska li soltu tiġi ma’ dan il-proċess illum diġà ntilfu, mertu ta’ dan id-diskors żejjed u mhux veritier.

2.      Il-baħrin fil-Mediterran, fis-sekli passati kellhom diffikultajiet biex jaqsmuh, biex isegwu d-direzzjoni t-tajba sabiex jaslu fil-port tad-destinazzjoni tagħhom.  Ħafna kienu jistrieħu fuq il-konoxxenza passata, jiftakru minn fejn u kif għaddew u oħrajn bdew jiddependu fuq kunsiderazzjonijiet oħra.  L-istilel kienu f’dan il-gwida l-iktar qawwija u ovvjament, sakemm kien hemm il-bnazzi, il-problemi jonqsu però meta jidħol il-maltemp l-affarijiet jinbidlu.  Il-qamar, l-istilel tajba imma mingħajrhom twieled, wara ħafna, il-kumpass.  Dak li jurik dejjem, ikun xi jkun it-temp, ikun x’ikun is-sħab, ir-riħ, ix-xita, il-forza u d-direzzjoni tal-baħar, fejn trid tmur u li żżomm lilek innifsek fuq it-triq it-tajba.

3.      Dan il-Gvern, fuq il-bankijiet tal-oppożizzjoni beda jitkellem ovvjament dejjem fi spirtu ta’ bilingwiżmu, fuq il-“road maps” u mela r-ras ta’ numru ta’ nies, speċjalment dawk li bi ftit diskors jaħsbu, fl-innoċenza onesta tagħhom, li dan huwa veru.  Fit-triq tal-Gvern illum sfortunatament diversi qed jagħrfu, sija ġewwa kif ukoll barra, li ma kien hemm assolutament xejn.  Ħafna diskors u l-agħar ideat li ilhom jiġru mas-saqajn li ma jistgħux jirnexxu.  Ma hemm xejn ġdid salv li dak li kien hemm qabel qiegħed jerġa’ jintbagħat lura lilna bħallikieku sar xi ħsieb ta’ barra minn hawn.  Ir-realtà tal-affarijiet, l-istat żviluppat u ta’ soċjetà moderna li qegħda tespandi jridu ferm u ferm iktar attenzjoni.

4.      Kif jiġri dejjem, meta dak li kien fid-dell iġġibu wara għad-dawl issib jekk wara l-faċċata, wara l-paraventi u l-bumbardament propagandistiku huwiex minnu jew le.  Ix-xemx issaħħan u tbaskat fl-istess ħin.  Meta dak li jinħareġ barra ma jkunx b’saħħtu, idub.  Hekk qiegħed jiġri f’dan il-mument partikolari.  Avolja għaddej iż-żmien, jidher ċar li għad hemm ħafna li saqajhom għadhom ma sabuhomx u fehmu, anzi, li dak li sar qabel irid jitkompla.  Jekk qabel kont qiegħed tagħti x’tifhem dak li ma huwiex, illum trid iktar u iktar tibqa’ għaddej bl-istess vena.  Meta taqbad ħafna ministeri ssib li prospetti ġodda veri u propri ma hemmx, imma hemm kontinwazzjoni ta’ dak li kien ippjanat qabel.  Iddur fejn iddur, il-pjan ta’ żvilupp u d-direzzjoni ekonomika huma biss tkomplija ta’ dak li kien hemm.

5.      Anki tul dan il-Baġit, fejn issa l-pajjiż stenna xi ħaġa differenti.  Differenti mhux fit-tqassim tal-ġid li qiegħed iseħħ proprju minħabba dak li ġie mfassal qabel, imma fil-prospetti futuri.  Fid-dinja tas-suq, f’dik tax-xogħol hemm l-istess servizzi, l-istess impjiegi fl-istess setturi u xejn verament ġdid.  Dan għandu jinkwetana.  Għax dak li ġie mfassal fil-passat verament reċenti, imma passat, ma huwiex it-tweġiba għal dak li għandna jew għal dak li ġej għalina.  Aġir preżenti skont linji li għaddew warajna.  Id-direzzjoni tal-Gvern li smajna ħafna refernza għaliha hija biss dik li tħalli l-affarijiet għaddejjin.  Tħalli l-eventi jseħħu mingħajr ma tipprova tiggwidahom jew tixprunahom lejn naħa jew oħra.  Hawn issa qed nersqu iktar u iktar biex inkunu bħala boxxla.

6.      Id-direzzjoni politika tal-lum mhix waħda bbażata fuq linja u viżjoni partikolari, imma ġiet imħollija għall-bnedmin li jokkupaw il-pożizzjonijiet f’dinja fejn hemm min huwa tajjeb u jaf x’inhuwa jagħmel u min huwa inkompetenti imma jaħseb li huwa kompetenti.  Taħlit li huwa destinat iġib l-inkwiet għall-Gvern, però l-iktar lill-pajjiż.  Min imexxi għandu jkollu linja; biss jista’ wkoll jitmexxa naħa jew oħra minn ta’ taħtu.  Illum il-politika f’pajjiżna qegħda titlef iktar mis-sustanza tagħha proprju għax la hemm ħaġa u anqas oħra.  Il-ħsieb huwa li ladarba qed  nikkuntentaw lil uħud mill-poplu, jekk qed niġu mfaħħra minn dawn, allura qed nagħmlu biżżejjed.  Biss, kull min għandu esperjenza ta’ tmexxija jifhem li jrid iħares fem iktar ‘il bogħod minn dan biex verament ikun qed jagħmel dmiru u jispiċċa jaħrab mir-realtà.

7.      Il-Gvern fuq dan, b’mod partikolari dik tad-dinja tax-xogħol, daħħal ruħu f’din il-mentalità u qiegħed jaħrab mir-realtà li qegħda tiżviluppa taħtu u li huwa m’huwiex jieħu passi dwarha.  Fuq naħa jgħid kemm qed jiżdiedu n-nisa li jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jinjora li dawk li daħlu marru l-iktar fis-settur tal-“part-time” u li l-għażla tax-xogħol tagħhom kien f’75% tal-każijiet f’dak li jissejjaħ “Services and Sales workers” u “Elementary Occupations”.  F’settur fejn huwa magħruf li l-kundizzjonijiet ma huma xejn tajbin u l-ħlas wisq inqas.  Jew fuq in-naħa l-oħra il-kwistjoni ta’ dawk li ma għandhomx xogħol, fejn il-“Labour Force Survey” jitkellem fuq 11,012 persuna mentri dak li jindika l-ETC huwa 5,894.  B’numru sew ta’ persuni, speċjalment żgħażagħ li ma jidhrux fuq il-figuri tagħna.  Jew il-pożizzjoni ta’ madwar 12,000 persuna ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew le li daħlu fis-settur tax-xogħol tagħna li qegħdin jaqilgħu ‘l barra ċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż b’detriment ieħor.  Quddiem dan naħseb li huwa leġittimu li wieħed jistaqsi: xi programm ta’ bidla qiegħed jitfassal fuq dan?

8.      Il-pajjiż għaddej minn fażijiet ġodda.  Ir-rimedji, ir-risposti, is-soluzzjonijiet iridu jkunu tal-preżent u mhux bażati: l-ewwel fuq il-passat, jew it-tieni fuq il-kunċett li s-suq ser jirregola l-affarijiet u jieħu ħsieb min qiegħed minn taħt, li lkoll nafu li ma jagħmilx.  Dawn il-pożizzjonijiet iridu jinbidlu għax mingħajr boxxla politika vera l-affarijiet jieqfu u nittieħdu lura fit-triq li għadna ma qbadniex.

No comments:

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA LI ĠEW IMPLIMENTATI

18540. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jista’ l-Ministru jgħid x’dire...