1. Tul il-ġimgħa li għaddiet id-dinja semgħet bil-laqgħa li ssir kull sena, fejn il-mexxejja varji tad-dinja jingħaqdu ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York sabiex jindirizzaw l-Assemblea Ġenerali u jressqu l-viżjoni tagħhom dwar dak li jkun għaddej. Huwa interessanti li wieħed isegwi għax minn dik il-laqgħa joħorġu ġabra ta’ ideat u linji ta’ strateġija. F’ċertu sens, ġabra u firda. Kull Stat jafferma lilu nnifsu. F’ħafna, il-linja tkun immirata lejn il-paċi u l-istabilità, dejjem fi ħdan id-dritt pubbliku internazzjonali. Għax hemm liġi li l-Istati huwa mistenni minnhom li jirrispettaw. Liġi li ħadet il-proċess tagħha u sa ftit ilu kienet rispettata sew.
Dak li għaddejna minnu
2. L-esperjenza tat-Tieni Gwerra Dinjija wasslet għal ħafna żvilupp f’dan, u f’ħafna, il-Ġnus Magħquda hija l-ġebla tax-xewka. Ħafna nbidel ta’ taħt fuq, l-imperjaliżmi passati spiċċaw u twieldu oħrajn f’forom differenti. Fl-aħħar tmenin sena rajna bidliet kbar b’kumplikazzjonijiet varji. Imma fil-maġġor parti kienet żona ta’ influwenza li b’xi mod assigurat il-paċi. Dawk li ssejħu ‘superpotenzi’ kibru. Fid-dell tagħhom, oħrajn. Hemm proċessi ta’ bidu u ta’ tmiem fi proġetti ta’ kontroll internazzjonali. Daqqa żviluppi ta’ żoni ta’ influwenza, oħrajn marbuta ma’ dawk militari u oħrajn aktar intelliġenti marbuta ma’ rabtiet kummerċjali u soċjali. Il-globalizzazzjoni ekonomika, fil-forom varji tagħha, għexet u nfluwenzat. Kemm hija fid-deklin għandi dubju. Affermat ruħha f’ħafna. Ħadmet u issa jonqos min imiss jiddominaha jew imexxiha ’l quddiem. Forsi aktar, il-ġlieda hija bejn dawk li jaħsbu li fil-politika hemm full stop, fresh line u dawk li għandhom l-għarfien li hemm dejjem kontinwità.
Fejn sejrin illum
3. F’dan wieħed irid iġib quddiem għajnejh dak li rajna fl-aħħar laqgħa li saret fi ħdan il-Ġnus Magħquda. Ħadu sehem diversi kelliema, b’dawk Ewropej, l-iktar membri fl-Unjoni Ewropea, b’dikjarazzjoni favur ir-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan. Dikjarazzjoni xejn faċli, u li tiġi f’kuntest fejn l-attakki fuq Gaża mhumiex jieqfu. Imma kull mexxej u rappreżentant żamm mal-ħin mogħti, salv il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, li minflok dam kważi siegħa sħiħa. Preċedent xejn tajjeb u ma kienx proprju l-aħjar li jitkellem daqshekk fit-tul. Il-kliem lanqas għall-avukati mhu tajjeb, aħseb u ara għall-bnedmin li għandhom daqshekk saħħa politika. Forsi kien mument ta’ glorja, inkella ta’ debbulizza.
Kritika
4. Diskorsu kien mimli tifħir, kritika u dikjarazzjonijiet żejda. Il-pożizzjoni tiegħu dwar it-tibdil fil-klima li din mhijiex minnha kienet żbaljata. L-istess dwar il-Green Deal Ewropew. Daqshekk ieħor fuq l-immigrazzjoni irregolari li kull pajjiż fl-Oċċident jifhem li għandu bżonn. Kif kienet aktar mhux f’postha d-dikjarazzjoni tiegħu li huwa jobgħod lil dawk li jikkunsidra bħala l-għedewwa tiegħu. Kien hemm lista ta’ dawk li naqsuh. Però, għalkemm rajt ċertu xettiċiżmu, almenu kellu kliem li żammew għolja d-demokrazija Amerikana. Bħal meta ddikjara: “Together let us defend free speech and free expression. Let us protect religious liberty including for the most persecuted religion on the planet today.” (Flimkien ejjew niddefendu l-libertà tal-kelma u l-libertà tal-espressjoni. Ejjew nipproteġu l-libertà reliġjuża, inkluża dik ir-reliġjon li hija l-iktar ippersegwitata fid-dinja llum.)
Forsi wkoll
5. Forsi f’dan ukoll wassal sabiex jieħu pożizzjoni, iktar ’il quddiem matul il-ġimgħa, ma’ Benjamin Netanyahu. Almenu hemm forma ta’ pjan ’il quddiem u li l-Istati Uniti qed jieqfu sabiex dak li hu għaddej jintemm. Tul dawn il-ġimgħat rajna iktar atroċitajiet. Mhux biss, imma ma jistax jiġi aċċettat li Gaża tmur f’idejn Iżrael jew li partijiet mit-territorju jgħaddu f’idejh u b’hekk jispiċċa l-proċess li jwassal għall-ħolqien ta’ żewġ stati. F’dan hemm effettivament sinjal li lanqas l-Istati Uniti ma jistgħu jinjoraw: il-fatt li tant Stati rrikonoxxew l-Istat Palestinjan kien u għadu messaġġ qawwi, anke jekk fil-preżent għadu jidher biss fuq il-karta.
Inħarsu ’l quddiem
6. F’dan xorta wieħed irid iħares ’il quddiem. Il-politika hija differenti min-negozju. Fiha inqas diskors u aktar azzjonijiet effettivi li jwasslu sabiex ikun hemm is-soluzzjonijiet. S’issa, f’dawn ix-xhur, il-pożizzjonijiet fl-Ukrajna u ġewwa Gaża komplew jikkumplikaw ruħhom. Ma jistgħux, ċertament, jiġu solvuti b’diskors ta’ siegħa imma b’ferm iktar attenzjoni u preċiżjoni. F’dan nittamaw li jirbaħ is-sewwa u li dawk li għandhom ir-responsabbiltà politika jifhmuha fil-qies sħiħ tagħha.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
IL-KALKARA - RINELLA - RESTAWR FIL-ĦAJT FIL-KUMPLESS TA’ BIGHI
31333. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġ...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment