1. Waħda mil-lezzjonijiet politiċi li mhux dejjem jittieħdu, anzi, li jiġu njorati hija proprju din. Nisimgħu b’ħafna diskors fuq kemm ittieħdu deċiżjonijiet mgħaġġla, proprjament tifħir. Imma fihom nagħrfu wkoll in-nuqqas ta’ preċiżjoni u attenzjoni li kull deċiżjoni politika timmerita. F’dak li meta wieħed iqis sew ikun ukoll iktar attent għal dawk li ser jintlaqtu u wkoll għal kif din ser issarraf verament f’effikaċja biex issolvi problema. Aktar ma tkun immirata u kkalkulata kif għandha, tant aħjar. Aħjar milli wieħed jitkaxkar f’toroq fejn ma jistax idur lura minnhom għax qabadhom mingħajr ma kkalkulahom minn qabel.
Baqgħu l-istess?
2. F’mumenti huwa minnu li popli jkunu eżasperati b’sitwazzjoni soċjali li kull soluzzjoni tispiċċa tajba: l-aqwa li tibdel. Anki jekk aktar ’il quddiem isibu li mit-taġen ikunu qabżu dritt fin-nar. Forsi f’ħafna anki dak li hu għaddej minn Gaża għal Iżrael huwa f’dan. Storiku Amerikan, Charles Lock Mowat (1911-1970), wara ż-żewġ Gwerer Mondjali kien kiteb hekk: “The war had both changed things and left them the same. Some changes soon ceased to be remarkable or were absorbed into the system.” (Il-gwerra sija bidlet ċerti affarijiet kif ukoll ħalliethom l-istess. Ċerti tibdiliet ta’ malajr ma baqgħux notevoli jew ġew mixruba lura mis-sistema.) F’dan wieħed irid jistaqsi fejn ser inkunu wara l-ftehim li ġie mħabbar sabiex il-kunflitt u l-attakki li kienu għaddejja, jieqfu.
Ħarġet mill-idejn
3. F’ħafna, u għal raġunijiet varji, is-sitwazzjoni kienet ħarġet mill-kontroll. Il-proċess sabiex tirbaħ il-vuċi tas-sewwa u tipprevali l-paċi kienu f’kollox mitlufa u kważi abbandunati. Kien hemm bżonn sforz qawwi li jidher li fl-aħħar sar. Konna sejrin lejn anarkija totali u inkontrollabbli. Bnedmin li għandhom, u li huma kapaċi jsibu soluzzjoni ġiebu ruħhom fil-pożizzjoni fejn waħedhom ma jistgħux u għaldaqstant iridu l-għajnuna ta’ oħrajn. Meta l-vjolenza tipprevali u l-kawtela titwarrab, kull naħa ssir ugwali. Għandha x’għandha fl-istorja tagħha. Għandhiex demokrazija vera jew ċiviltà twila ssir l-istess meta ma tagħrafx li hemm mument meta trid tiġbed lilha nfisha lura u tieqaf.
Ħarsa fit-tul
4. Il-politiku veteran Lord David Howell (1936) din is-sena ppubblika ktieb ieħor ġdid bit-titolu Avoiding the Coming Anarchy. A short book for optimists in dangerous times biex jiggwidana. Huwa jgħid hekk: “Great dangers lie ahead, but they are not inevitable. Avoidance is possible. Tables can be turned. Powerful undercurrents, often little understood or discussed, can be harnessed at least to stave off catastrophe, or even to take us in the direction of better times and a safer world.” (Quddiemna hemm perikli kbar, iżda mhumiex inevitabbli. Jistgħu ma jseħħux. Il-pożizzjoni tista’ tinbidel. Kurrenti qawwija minn taħt, ħafna drabi ftit mifhuma jew diskussi, jistgħu jiġu kkontrollati almenu sal-punt li tinżamm lura katastrofi, li wkoll jistgħu joħduna fid-direzzjoni ta’ żminijiet aħjar u f’dinja iktar sigura.) Din hija l-pożizzjoni li għandha tiżviluppa. F’dan, it-tama tagħna hija proprju fil-ftehim li seħħ u li nittamaw li ser jiġi attwat sal-punt li hemm bżonn.
Ħriġna minn annus horribilis?
5. Skont dak li seħħ u dak li ġie maqbul bejn il-partijiet u l-Istati Uniti, il-Qatar, l-Eġittu u t-Turkija u diversi pajjiżi oħra kollox idur ma’ dawn il-jiem li ġejjin. Nittamaw li jseħħ li l-ostaġġi Iżraeljani ħajjin jiġu verament rilaxxati u l-mejtin identifikati u mgħoddija lil qrabathom kif ukoll, fuq in-naħa l-oħra, il-priġunieri u d-detenuti Palestinjani. Dan huwa parti minn dan il-ftehim ta’ seba’ punti li jrid jitwettaq fi tnejn u sebgħin siegħa. Huwa pass ’il quddiem fil-ħidma li l-politika barranija Amerikana mmexxija mill-Presidenza ta’ Donald Trump wettqet. Jista’ jkun hemm min huwa xettiku u sakemm jara l-paċi verament ma jemminx. Hemm min ukoll ma jarax dan bħala pass li sar fi żmienu, li seta’ sar qabel. Iktar u iktar li dan seħħ taħt id-direzzjoni ta’ persuna li għadu kif iddikjara li jobgħod l-għedewwa tiegħu u li f’pajjiżu għaddejjin wisq azzjonijiet politiċi ħżiena ta’ tpattija. Però, hu x’inhu, illum dan il-ftehim sar u ser ikun hemm l-effett tiegħu.
Konsegwenzi
6. F’dan, il-kawtela politika titlob attenzjoni imma almenu jidher li hemm triq li tista’ tmexxina lura lejn il-paċi. It-tama tagħna hija dik li din tagħlaq darba għal dejjem il-kwistjoni ta’ żewġ stati li jgħixu flimkien u li nafu li ilha ġejja u sejra. Konsegwenza wkoll tal-fatt li numru ta’ stati, tagħna inkluż, irrikonoxxew issa l-Istat Palestinjan. Hemm punti ta’ konverġenza politika li issa jafu jiftħu fl-immedjat kif ser issir ir-rikostruzzjoni ta’ Gaża. F’dan pajjiżna tilef ftit punti fl-abbiltà tiegħu li jkun vuċi kostanti għall-paċi, spalla ma’ spalla ma’ oħrajn.
Forsi aktar
7. Stajna forsi sostnejna aktar sija qabel lill-Papa Franġisku, kif ukoll illum lill-Papa Ljun. Fi proċess ta’ awto-kritika naħseb li stajna konna iktar viċin, u użajna aktar il-vuċi tagħna biex ninsistu kontra kull kurrent li l-paċi setgħet tinkiseb. Stajna konna aktar ġenerużi milli konna u emminna lkoll li ftehim jista’ jseħħ. F’dan aktar fejn nomini għan-Nobel ma tantx huma proprju f’posthom. Kemm għalhekk ser inkunu parti attiva fil-bini mill-ġdid tal-post u kemm ser ikun hemm ftuħ għall-Malta f’dan irridu naraw. Nittama però li ser nikkontribwixxu verament aktar lil dawk li abbandunajna qabel, f’din li tista’ tkun paġna ġdida.
Eudaimonia
8. Il-Griegi, u speċjalment il-filosfu eċċellenti Aristotli (384-322 QK) jikteb fuq dan il-kunċett. Kif tibni nazzjon li jkun suċċess fl-abbundanza. Kif fih ikollok dak il-pedament ta’ virtujiet fundamentali, moralità, fejn hemm sens u skop veru fil-ħajja tal-bniedem. Proġett li għandu jkun hemm għal kull poplu. Dak Palestinjan, iktar issa li qiegħed forsi fil-bidu ta’ ħajja demokratika ġdida. Dak li għandu bżonn għajnuna soda, mhux neċessarjament lezzjonijiet, sabiex jibni aktar lura lilu nnifsu fil-paċi. F’dawn is-sentejn kien hemm wisq imwiet u dan kien kollu żball kbir proprju minħabba l-attakk mill-iktar kundannabbli tas-7 ta’ Ottubru. F’dan nittamaw fil-kawtela tal-kattari li l-paċi tirrenja u l-ġid jitwettaq.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
16.10.25
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
IL-KALKARA - RINELLA - RESTAWR FIL-ĦAJT FIL-KUMPLESS TA’ BIGHI
31333. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġ...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment