21.7.14

Il-kriżi finanzjarja tkompli



1.         Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex qegħdin nifhmu biżżejjed.  Dak li għaddejja minnu l-Greċja sab ruħu fuq il-faċċati ta’ quddiem tal-gazzetti Ewropej u internazzjonali, barra ta’ pajjiżna.  Wieħed jifhem dan għax mhux normali li pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandu s-sistema monetarja tal-ewro, jsib ruħu f’din it-triq.  Il-problemi li dan il-poplu qiegħed jara mhumiex biss tiegħu imma, f’ħafna sens, huma tagħna wkoll.  Dak li l-Griegi għandhom, il-mod ta’ kif ser isolvu l-kriżi hija parti mis-sistema finanzjarja u ekonomika li minnha tagħna tiddependi wkoll.

2.         F’din id-dinja li wieħed jaċċetta li verament ikkumplikat ruħha, t-truf mhux faċli ssibhom sabiex tħoll l-egħqiedi.  Parti ġġib oħra, kawża u effett jidħlu f’xulxin u ħaġa tiġbed u ġġib lill-oħra mingħajr ma wieħed ikun qed jinduna lejn fejn qed jonfoħ ir-riħ.  Tul dawn is-sentejn li għaddew, il-Gvern żamm prijorità importanti u determinanti – dik li hija marbuta max-xogħol.  Il-linja ta’ difiża u kontrattakk għall-kriżi ntrabtet esklussivamnt mal-bżonn li jiġu protetti l-postijiet tax-xogħol.  Fil-fatt, għal dawn l-aħħar xhur irnexxielna nżommu u nirreżistu għall-mewġ iebes, proprju minħabba l-għaqal ta’ ħidmitna.

3.         Il-bieraħ iċċelebrajna Jum il-Ħaddiem, fil-jum ta’ l-1 ta’ Mejju.  Nistgħu nkomplu nagħmlu dan proprju għax dan il-Gvern għażel bħala prijorità li jżomm lil kemm jista’ jkun ħaddiema jaqilgħu l-għixien tagħhom.  Il-bidliet li dħalna għalihom minħabba fid-diffikultajiet finanzjarji huma kollha passi fid-direzzjoni t-tajba, li nipproteġu x-xogħol.  Il-kundizzjonijiet ta’ fuq il-post tal-ħidma llum huma, fil-maġġoranza tagħhom, tajbin.  Il-ħaddiem mhuwiex kalpestat u lanqas iddisprezzat, għadu ġabra ta’ drittijiet li akkumulaw f’dawn is-snin, issa iktar u iktar li dħalna nagħmlu parti mill-Unjoni Ewropea, fejn hemm livelli ogħla.

4.         Il-garanziji li żviluppaw jagħmlu sens għall-ħaddiem, sija jekk ikunx raġel jew mara, għax għandu x-xogħol.  Mingħajr dan l-impenn ta’ kuljum, mingħajr l-opportunità li jagħti s-sehem tiegħu sabiex fuq naħa jikkontribwixxi għall-ġid tal-komunità u fuq in-naħa l-oħra jiżviluppa t-talenti tiegħu bħala bniedem, id-dinja tkun verament differenti.  F’dan il-pajjiż, anke jekk niġu akkużati b’neo-liberaliżmu, jew neo-kapitaliżmu fil-fatt bqajna nies marbuta mal-valuri tal-bniedem, tal-ħajja, dawk insara.  Proprju għax għamilna hekk li rnexxielna nieħdu passi tajba li flok bagħtuna lura mexxewna ʹl quddiem.  U proprju għalhekk li ma żrajniex żerriegħa ħażina imma tajba.

5.         Il-prinċipji etiċi li mexxewna fil-linja politika tagħna żammewna għaddejjin sabiex għażilna t-toroq li, permezz tagħhom, tajna riżultat.  L-għażla li Gvern jieħu meta jiġi sabiex jikkontrasta għawġ, jekk ma jkollux l-ankri tiegħu tajba, jkaxkar il-bastiment.  Ftit ilu ġejna kkritikati fuq il-fatt li aħna tkellimna politikament li l-pajjiż għandu tmexxija tajba, par idejn sodi.  Kien hemm min ħallat l-imħuħ bejn min qiegħed imexxi b’idejn fit-tmun tal-bastiment u l-maltemp innifsu.  Ħadd ma jista’ jikkontrolla l-eventi, dawk jiġu fuqek f’daqqa, imma huwa biss wara li trid turi l-abbiltà tiegħek.  U hemm il-Gvern ma ċediex għar-regoli neo-liberali ta’ dawk li jaħsbu li s-soċjetà ser issib ordni naturali spontanjament.  Anzi, jaf li dan mhuwiex minnu u għalhekk hemm bżonn l-intervent intelliġenti tal-Istat b’liġijiet li jiggarantixxu x-xogħol u l-ġustizzja soċjali.

6.         L-eventi ta’ dawn ix-xhur jagħtu kredtu lill-mod li permezz tiegħu mxejna.  Il-Gvern iħares lejn li jipprovdi l-ġid lil kull persuna fis-soċjetà.  Inħarsu lejn kulħadd, hi x’inhi l-pożizzjoni soċjali jew ekonomika tiegħu bħala parteċipant, ħaddiem fis-soċjetà, fl-Istat Malti tagħna.  Il-ġid komuni jitwettaq, jasal fil-port meta tara li l-attività lavorattiva tibqa’ għaddejja.  Ix-xogħol jgħolli d-dinjità tal-persuna umana.  Fih huwa jirrealizza aktar lilu nnifsu.  Dan il-Gvern Nazzjonalista, b’diffikultajiet xejn żgħar, irnexxielu jmexxina lkoll ʹil quddiem.  Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem għalhekk kienet għalija iktar importanti din is-sena minn snin oħrajn proprju għax iġġilidna għal dan id-dritt u rnexxielna nibqgħu niggarantuh.


Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tat-2 ta Mejju 2010.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...