16.10.25

IDEAT

1. F’din il-parti ta’ din il-leġislatura huwa iktar determinanti dak li l-klassi politika qed timmira għalih. Id-dinja hija mimlija b’kumplikazzjonijiet tali li fir-realtà mhumiex jippermettu li jsiru l-iżvilupp u l-progress li l-paċi tippermetti. Hemm għarfien ta’ dan, ċertament fil-fatt li qed isiru sforzi varji sabiex il-kunflitti li qed ikissruna jieqfu. Dawk li huma l-iktar viċin tagħna jmissu l-istabilità u r-relazzjonijiet bejn l-Istati. F’dan, postna huwa iktar dak li nibqgħu ninsistu u nitkellmu li l-paċi hija possibbli u li hemm alternattiva għall-gwerer li għaddejjin. Nissudaw kull inizjattiva u ningħaqdu sabiex ngħinu għax mingħajr l-istabilità fir-reġjun ma nistgħux inħarsu lejn il-progress li ħaqqna.

Verament

2. Hemm f’dan ukoll sitwazzjonijiet politiċi li qed isibu d-diffikultà ulterjuri tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Huwa f’dan determinanti dak li Franza għaddejja minnu fil-preżent. Il-fatt li l-President Emmanuel Macron (1977) sab mill-ġdid li l-persuna li għażel biex jifforma gvern, Sébastien Lecornu (1986) ma rnexxilux, fiha x’wieħed jifhem. Il-mument politiku m’huwa faċli xejn. Fuq naħa President li għad għandu saħħa u piż internazzjonali kif rajna reċentement fil-Ġnus Magħquda, meta mexxa erbatax-il pajjiż sabiex jirrikonoxxu l-Istat Palestinjan u fuq l-oħra d-debbulizza politika interna bil-fatt li m’għandux maġġoranza flimkien mal-fatt li l-pajjiż jinsab iddominat minn partiti fl-esterm tal-lemin u tax-xellug. Il-pożizzjoni hija diffiċli ħafna u għad fadal tmintax-il xahar sabiex issir elezzjoni presidenzjali. Sa fejn ser tasal u anki jekk imur għal elezzjoni presidenzjali jew ġenerali, jew it-tnejn, hemm il-biża’ li l-pajjiż ser jibqa’ maqsum f’biċċiet li ma jippermettux stabilità.

Il-politika ta’ qabel

3. F’ħafna hemm l-għarfien li l-politika kif kienet issir minn bnedmin fis-seklu ta’ qabel naqset. Dik il-preparazzjoni, dik it-triq fil-ħsieb u d-dixxiplina nterna fil-bilanċ ta’ dak li hemm barra ma’ dak li hemm ġewwa l-bniedem ġiet abbandunata. Dawk li fis-snin li għaddew għamlu minn kollox biex ikissru din il-politika issa qed jieħdu l-konsegwenzi ta’ ħidmiethom. Sfortunatament wieħed irid jirrimarka wkoll li anki dawk li jieħdu ħsieb il-gazzetti, ukoll naqqsu mill-għarfien li jridu jirrispettaw lil dawn il-bnedmin u fl-istess ħin jaħdmu magħhom. Jekk fil-klassi politika Ewropea fil-preżent hemm kriżi, din, fil-parti l-kbira tagħha hija ġejja minn dan in-nuqqas ta’ formazzjoni. F’ħafna, f’dak is-sagrifiċċju li fil-ħajja huwa bżonnjuż sabiex wieħed ikun strument għas-sewwa u l-bidla t-tajba. Dan aktar mad-dożi ta’ dik il-vanaglorja inevitabbli.

Il-pożizzjoni


4. Il-pożizzjoni xorta tista’ tiġi salvata b’aktar għarfien li l-politika titlob mhux biss preżenza jew immaġini, imma sustanza. Dawk li fil-passat setgħu ħadmu jew ċapċpu għal dak li raw f’xi forma ta’ vantaġġ li l-ideoloġiji politiċi jispiċċaw forsi issa qed jifhmu kemm dan huwa żbaljat. Il-konsegwenzi tal-lum ġejjin proprju minħabba dan. Jekk hemm min qed jiddubita dwar il-proġett demokratiku li l-Unjoni Ewropea tirrappreżenta, jekk hemm min qed isib lilu nnifsu jammira lil min qiegħed jifrex l-awtoritarju allura sejjer lejn id-dittatorjali taħt is-sistema demokratika. Dan qiegħed jiżbalja u jmexxi lilu nnifsu fit-triq li minnha m’hemmx iktar loġika politika. Fil-fatt, quddiem dak kollu li hu għaddej, dan huwa l-punt ċentrali li wieħed irid jifhem.

L-Ordni fil-Ġustizzja


5. Id-dinja titlob l-ordni u titlob mill-bnedmin li jifformulaw proġetti politiċi li jġibu ġustizzja soċjali u jibnu fis-sewwa. F’ħafna qegħdin fil-pożizzjoni fejn m’għandniex aktar partiti politiċi li kapaċi jibgħatu l-messaġġ li jafu x’inhuma jagħmlu u jafu fejn iridu jmorru. Fil-passat kien hemm il-loġika ta’ dan, anki jekk kien hemm proġetti politiċi konfliġġenti, daqqa ħafna u daqqa inqas. Imma kien neċessarju sabiex wieħed jidentifika x’viżjoni tal-ħajja, tal-bniedem, tas-soċjetà, partit politiku kien jirrappreżenta. Il-manifesti politiċi kienu ċari fl-ideat tagħhom. Kemm kellhom raġun fuq kollox jew fuq il-ftit trid tgħidilna l-istorja, imma l-fatt jibqa’ li kien hemm fiduċja fil-politika, fil-politiċi u fl-istampa. Kien hemm dan għax il-poplu kien jaf u jafda li dak li kienu qed iwettqu kien qiegħed isir għax kienu jemmnu fi proġett politiku partikolari u mhux minħabba aġendi oħra.

’Il Quddiem b’Dinjità

6. F’dan, tul din il-ġimgħa kont preżenti għall-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb, b’inizjattiva tant tajba tal-kollega u Deputat tagħna, Ivan Bartolo. Wieħed li ħaqqu attenzjoni u qari. Kull paġna hija mimlija b’punti li jolqtuk. Fuq dan, fl-ewwel sentenzi huwa kiteb hekk: “Fil-qalba nett tal-viżjoni tagħna hemm il-prinċipju tas-solidarjetà bejn min hu b’saħħtu u min hu inqas b’saħħtu, bejn min għandu l-ġid u bejn min jinsab f’xifer il-faqar, bejn l-ixxurtjat u dak żvantaġġat. Dan il-proġett huwa stqarrija ta’ mpenn biex jinħoloq il-ġid f’pajjiżna u dan il-ġid jinfirex b’mod speċjali fost il-foqra.” Dan proprju li l-bnedmin f’din is-soċjetà qegħdin jippretendu. Din hija l-linja li l-poplu jrid sabiex wieħed jara l-progress fil-ġustizzja soċjali li tant għandna iktar il-bżonn tagħha.

Hemm min irid iżarma

7. F’partit bħal tagħna għandna għalhekk ferm aktar għad-dispożizzjoni tagħna wirt politiku li huwa preżenti u attiv. Dak li nkiteb qabel, u dak li sar qabel huwa f’idejna sabiex nagħrfuh u nimxu miegħu b’intelliġenza. L-ankri politiċi tagħna hemm jinsabu. Il-pedamenti huma diġà stabbiliti u m’hemmx bżonn li wieħed jipprova jibni mill-ġdid dak li huwa diġà f’postu. Hemm, iva, il-bżonn li wieħed jgħix fih mill-ġdid u jiftaħ l-aperturi tiegħu biex minnhom jgħaddi r-riħ it-tajjeb. Forsi wkoll, wieħed idur u jifhem l-inkwadri li hemm imdendla u l-għarfien li m’aħniex neqsin minn ideat jew proġetti politiċi veri. Pajjiżna għandu bżonn lura b’saħħa politika ta’ ideat. Politika ta’ sustanza li twieġeb għal dak li għaddejjin minnu, bil-loġika tal-ordni fil-ġustizzja li nħaddnu. Dan għax fl-istorja politika huma l-ideat dawk li jrebbħu jew iċekknu partit.


No comments:

IL-KALKARA - RINELLA - RESTAWR FIL-ĦAJT FIL-KUMPLESS TA’ BIGHI

31333. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġ...