11.6.19

Il-manuvrar tal-opinjoni popolari dwar l-Affarijiet Barranin





1.   Meta nitkellmu fuq il-politika barranija ta’ Stat, aktarx inkunu nitkellmu fuq il-politika li jfasslu l-gvernijiet u li mbagħad iħaddmu permezz tad-diplomatiċi tagħhom, kemm fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, kif ukoll fl-ambaxxati barra mill-pajjiż meta jittrattaw ma’ nazzjonijiet oħra.  Barra minn din il-forma, suppost mgħoddija mill-għarbiel ta’ ħafna ħsieb, u frott tal-għasir ta’ interessi ekonomiċi kif ukoll politiċi, u ta’ tradizzjonijiet flimkien ma’ studji, hemm imbagħad dik tal-atteġġjamenti popolari lejn nazzjonijiet oħra, li ma tissejjaħx formalment ‘politika barranija’ (foreign affairs, politica estera), iżda li tinfluwenza dik uffiċjali, li jiddikjaraw il-gvernijiet.

Atteġġjament popolari

2.   F’demokrazija, l-atteġġjamenti popolari huma importanti ħafna, mhux biss għaliex jinfluwenzaw il-mod ta’ kif in-nies tivvota, iżda wkoll għaliex jagħfsu wkoll fuq il-politika uffiċjali, anki fiż-żminijiet twal bejn elezzjoni u oħra.  L-atteġġjamenti popolari wkoll li jissawru minn interessi, ġudizzji u preġudizzji.  Għalhekk huwa għaqli li wieħed jirrifletti fuq l-interessi ta’ pajjiżna, u li din ir-riflessjoni tkun pubblika, u suġġetta għad-dibattitu pubbliku.

Reserved matters

3.   Mill-Indipendenza ‘l quddiem, pajjiżna sar responsabbli direttament għall-politika barranija tiegħu.  Qabel l-1964 konna suġġetti għall-politika barranija tar-Renju Unit, jew aħjar kif kienet tissejjaħ, il-Gran Brittanja.  Il-kwistjonijiet ta’ politika barranija kienu ‘reserved matters’.  Mhux aħna konna niddeċiedu ma’ min jaqblilna jkollna relazzjonijiet ta’ ħbiberija u ta’ kummerċ.  Konna parti mill-Imperu, u konna nitmexxew kif kienu jitolbu l-interessi imperjali.  Mal-Indipendenza, l-ewwel Gvern Nazzjonalista ta’ Ġorġ Borg Olivier beda jwaqqaf fuq saqajh korp diplomatiku li jħaddem politika ma’ nazzjonijiet oħra, li issa bdiet tinħadem għal kollox fuq linji li jħarsu l-iktar lejn l-interessi tal-Maltin, mingħajr ma jwarrbu ħbiberiji siewja, u prinċipji li barra milli sewwa, jwasslu wkoll għall-ġid.

Il-bidla li seħħet

4.   Meta ma kellniex rajna f’idejna, l-atteġġjament popolari lejn nazzjonijiet oħra kien kultant jiġi immanuvrat biex ikun jaqbel ma’ dak li jkunu l-interessi u l-prinċipji ta’ min kien jaħkimna.  L-istorja, naturalment, kellha dejjem sehem qawwi fil-formazzjoni ta’ dan l-atteġġjament.  Ngħidu aħna, għal sekli sħaħ wara l-Assedju l-Kbir, żammejna, bħall-Kavallieri tal-Ordni, lit-Torok Ottomani bħala l-għedewwa u t-theddida għas-sigurtà tagħna.  Wara li l-Maltin qamu kontra l-Franċiżi, niesna damu s-snin jaraw theddida minn Franza u l-prinċipji revoluzzjonarji repubblikani.  Billi konna tlabna lill-Gran Brittanja tgħinna u tiddefendina, u l-Ingliżi kellhom interess li jiftħu l-kummerċ mal-Lvant, wara ftit aħna wkoll insejna t-theddida tat-Torok u bdejna nikkumerċjaw mal-Imperu Ottoman.  Xi negozjanti Malti stagħnew; anzi, beda jifforma ruħu l-kapital Malti fil-banek.  L-interessi tagħna bdew jikkoinċidu ma’ dawk Brittanniċi.  L-artijiet li qabel kienu tal-Ottoman, saru artijiet fejn il-Maltin bdew imorru jikkumerċjaw u anki jikkolonizzaw: Tripli, Lixandra, Tuneż, l-Alġier, iżda anke Smirni.

Ħbiberija ma’ Franza

5.   Meta l-Gran Brittanja għamlet ħbiberija ma’ Franza, dawk il-pajjiżi Għarab li waqgħu taħt Franza fl-Afrika ta’ Fuq, bħal Tuneż u l-Alġerija, saru wkoll pajjiżi ta’ opportunità.  Il-preġudizzju kontra l-Franċiżi batta.  La t-Torok u lanqas il-Franċiżi ma baqgħu ta’ theddid.  Posthom bdew jeħduh l-ewwel il-Ġermaniżi, speċjalment wara r-rebħa tal-Prussjani fuq Franza, li ġiet wara li kienu rebħu fuq l-Awstro-Ungerija, u li allura qegħdet lill-Imperu Ġermaniku fil-quċċata tal-qawwa militari fl-Ewropa.  L-opinjoni pubblika Maltija dawret il-kanuni kontra dawn l-għedewwa, għalina ‘l bogħod.

Il-Gwerra l-Kbira

6.   Imbagħad, fl-1914 faqqgħet il-Gwerra l-Kbira, u sibna ruħna kontra l-Ġermaniżi u t-Torok.  Battaljun ta’ Maltin marru jiġġieldu u jgħinu lil min kien qiegħed jiġġieled, f’Gallipoli.  Żewġ bastimenti tal-gwerra Tedeski kienu jduru fil-Mediterran jaraw liema bastimenti tal-Ingliżi, tal-Franċiżi, imbagħad anke tat-Taljani kienu sejrin jaħbtu għalihom u jgħarrquhom.  Diversi feruti spiċċaw ikkurati għandna.

L-Italja Faxxista

7.   Meta tela’ Mussolini fl-Italja wara l-1922, u beda jfarfar rixu u jhedded li jrid jiddomina l-baħar tagħna, li huwa sejjaħ bil-Latin “Mare Nostrum”, l-għadu saret l-Italja faxxista.  Mhux biss kellna gwerra ħarxa magħhom (il-Ġermanja u l-Italja) u batejna l-bumbardamenti u l-ġuħ, talli mbagħad konna l-aħħar tarġa li minnha l-Alleati setgħu jibdew l-invażjoni li ħadet lura l-Italja u biċċa, biċċa l-Ewropa kollha u qerdet lin-Nażi-Faxxiżmu.  Fil-moħħ tal-poplu tagħna l-għadu, għal ħafna snin, kienu dawn.  Meta spiċċat il-Gwerra l-Kbira taħraq, bdiet imbagħad il-gwerra bierda kontra l-Komunisti.  L-għadu prinċipali saret ir-Russja Sovjetika.  Mill-1948 sal-1989 (u l-laqgħa f’Malta bejn Bush u Gorbachev), l-għadu kienu l-Komunisti Russi u oħrajn.  Gazzetti u films hekk kienu juru, u l-atteġġjament tal-popli tal-Punent kollu hekk kien orjenta ruħu.

Unjoni Ewropea

8.   Illum, wieħed irid jeżamina sewwa x’inhu jiġri fl-atteġġjament popolari fil-konfront tal-Unjoni Ewropea.  Il-Partit Nazzjonalista, mill-ewwel wera li nduna li l-għaqda man-nazzjonijiet l-oħra Ewropej kienet taqbel: hekk kienu jitolbu l-interessi ekonomiċi, l-interessi tas-sigurtà.  L-ideali u l-prinċipji wkoll kienu jaqblu ma’ tagħna.  Il-Partit Laburista dam ma nduna.  Għall-ewwel kien kontra, iżda fl-aħħar mill-aħħar issa jidher li aċċetta.

Jisfrattaw

9.   Irridu noqogħdu attenti għaliex għad hawn ħafna forzi fid-dinja li għandhom interess jisfrattaw din l-Unjoni.  Hemm ċerti kumpanniji kbar fl-Istati Uniti u fir-Renju Unit, kif ukoll oħra ġodda Russi, disposti jonfqu l-flus fi propaganda kontra l-Unjoni.  Il-partiti msejħa ‘populisti’ jirċievu għajnuna minn taħt biex jimmanuvraw l-opinjoni pubblika kontra l-Unjoni.  Il-kumpanniji sopranazzjonali ma jaqblilhomx li l-Unjoni jkollha s-saħħa li trażżanhom, timmultahom sew.  Fin-nazzjonijiet, u mhux biss fiż-żgħar bħal Malta, aktarx li dawn il-kumpanniji jkollhom is-saħħa li jiddominaw: iktar diffiċli tiddomina l-Unjoni sħiħa.

Difetti Ewropej

10. L-Unjoni u l-burokraziji tagħha għandhom elf difett: xogħol l-Istati Membri huwa li jirfinaw ħafna ħwejjeġ fl-Unjoni.  Iżda, bla dubju ta’ xejn, l-interess tal-poplu tagħna u tal-popli kollha Ewropej huwa li l-Unjoni tissaħħaħ.  Forsi anke d-deċiżjoni tal-Brexit kienet żbaljata u kontra l-interess tal-poplu ‘komuni’ fir-Renju Unit.  Żgur li minn dak kollu li qegħdin naraw, il-Brexit ma jaqbilx għall-poplu tal-Irlanda, fuq u isfel, għal dak tal-Iskozja u dak ta’ Wales.

Attenzjoni

11. Illum ma naħsbux li f’pajjiżna għad fadal partit li għandu f’rasu li jerġa’ jpinġi ikrah lill-Unjoni.  Jista’ jkun hawn forzi barranin li jixtiequ jerġgħu jitfgħu dawk ikrah fuq l-Unjoni.  Jista’ jkun li hemm forzi ġodda preżenti fil-Mediterran li għandhom aġendi differenti minn tagħna.  Jista’ jkun li l-immigrazzjoni irregolari tiġi strumentalizzata għal dan il-għan.  Imma dawn huwa l-isfidi l-ġodda tagħna fil-politika barranija li qegħda ssir dejjem iktar dinamika u mimlija attenzjoni.  Jeħtieġ iktar tfassil ta’ linja politika nazzjonali – waħda li l-partiti prinċipali jaqblu fuqha.  Jeħtieġ, fuq kollox, li ma nħallux lil min jerġa’ jifridna u jonsobna.




No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...