22.6.19

IL-FGURA – TRIQ IS-SUR - XOGĦLIJIET



10362. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru u huma previsti li jsiru tul din is-sena ġewwa Triq is-Sur il-Fgura jew hux se jsiru partijiet biss tagħha? Jista’ jindika l-ispiża approssimattiva jew definittiva?

03/06/2019

  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’sodisfazzjon ninnota li l-Oppożizzjoni qed tkompli tirrealizza l-bżonn li ninvestu bi sħiħ fit-titjib tat-toroq, wara li għal għexieren ta’ snin ma sarux l-interventi meħtieġa biex din l-infrastruttura tibqa’ tlaħħaq mal-ħtieġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-familji u n-negozji Maltin, waqt li ssostni b’mod sħiħ il-progress ekonomiku u soċjali tal-pajjiż. Ninnutaw ukoll li l-istess Oppożizzjoni, inqas minn sena ilu, ivvutat kontra t-twaqqif ta’ Infrastructure Malta. Nifirħu lill-Oppożizzjoni li issa mhux biss qed taqbel mat-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, iżda saħansitra qed tieħu interess fil-ħidma tagħha u taqbel li din l-aġenzija hija strumentali biex pajjiżna jkollu infrastruttura aħjar.

Il-Gvern dejjem poġġa t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna fuq quddiem nett tal-ħidma tiegħu. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta u Għawdex. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.

F’Jannar li għadda, Infrastructure Malta bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mil-lista tat-toroq residenzjali li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena ffinanzjati mill-investiment ta’ €700 miljun. Ħafna minn dawn it-toroq diġà tlestew jew waslu fl-aħħar xogħlijiet, u warajhom beda x-xogħol f’toroq oħrajn. Fl-istess waqt, tħabbret ukoll it-tieni sejħa għall-offerti li għadha fl-istadju ta’ aġġudikazzjoni, sabiex aktar tard din is-sena jibda l-bini mill-ġdid ta’ madwar 170 triq oħra.

Triq is-Sur fil-Fgura hija inkluża fl-ewwel kuntratt b’valur totali ta’ €53.5 miljun. Fil-lokalità tal-Fgura hemm ukoll Triq Ġdida fi Triq l-Għarnuq  fil-lista tal-ewwel 120 triq residenzjali li diġà tlestiet, Triq Buqexrem li qed tinbena mill-ġdid bħalissa u Sqaq Rjallu. Fit-tieni lista mbagħad hemm ukoll Triq l-Għarnuq u Triq San Xmun fil-Fgura.


Seduta  238
18/06/2019

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...