30.6.19

AMBAXXATA F’BERLIN - ĦIDMA




10398. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fl-ewwel erba’ xhur tas-sena mill-Ambaxxata tagħna ġewwa Berlin?

05/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Bilaterali

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena (2019), l-Ambaxxata Maltija f’Berlin inizjat u/jew ikkordinat numru ta’ żjarat u laqgħat fil-Ġermanja li kienu jinvolvu Ministri u Segretarju Parlamentari, kif ukoll żjaratf’Malta minn Ministru tal-Gvern Ġermaniz u minn deputat mill-Bundestag.

Għall-ewwel darba, Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin fil-Konferenza dwar is-Sigurta’ li ssir kull sena fi Frar fil-belt ta’ Munich, il-“Munich Secuity Conference”.  L-Ambaxxata ħadet ħsieb li l-Ministru Carmelo Abela jiġi mistieden u ħejjiet il-parteċipazzjoni tiegħu f’diversi sessjonijiet li saru matul il-Konferenza fejn huwa għamel numru ta’ interventi. Il-Ministru kellu wkoll taħdidiet uffiċjali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Armenja, li miegħu iffirma Memorandum ta’ Ftehim, filwaqt li laqgħat bilaterali oħrajn saru mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Oman u tas-Sudan.  Matul il-konferenza (15-17.2.2019) il-Ministru kellu wkoll numru ta’ laqgħat ma’ Ministri u rappreżentanti għoljin mill-Ġermanja u minn pajjiżi ohra. L-Ambaxxatur akkompanja lill-Ministru waqt il-programm u l-laqgħat.

Fl-okkażjoni tal-Fiera tat-Turiżmu ITB li ssir kull sena f’Marzu f’Berlin, l-ikbar waħda tal-ġeneru tagħha fid-dinja u li fiha Malta tieħu sehem permezz ta’ “stand” u delegazzjonijiet mill-MTA, l-Air Malta, l-MIA u numru konsiderevoli ta’ rappreżentanti minn ditti privati, l-Ambaxxata organizzat – f’isem l-MTA – riċeviment għal madwar 100 ruħ mis-settur turistiku u tal-ivvjaġġar, ġurnalisti u rappreżentanti minn assoċjazzjonijiet u ditti involuti fis-settur.   L-istedina għal dan ir-riċeviment ħarġet, mill-Ambaxxatur u miċ-Chairman tal-MTA, li ndirizzaw lill-mistednin fil-bidu tar-riċeviment. It-turiżmu mill-Ġermanja lejn Malta żdied kull sena matul dawn l-aħħar snin. Apparti mill-ITB, l-Ambaxxata tagħti s-sostenn tagħha billi regolarment torganizza attivitajiet li juru l-attrazzjonijiet ta’ Malta u Għawdex, eż. l-“Europa Lounge” f’Berlin li fih ser tieħu sehem l-Ambaxxata (ara isfel fis-sezzjoni “Promozzjoni ta’ Malta”).

Fiera oħra importanti li ssir kull sena ġewwa Berlin f’Jannar hija l-‘Green Week’. Barra l-esibizzjoni ta’ prodotti agrikoli, matul il-Fiera jiġu organizzati numru ta’ seminars u laqgħat kif ukoll konferenza li fiha jieħdu sehem Ministri tal-Agrikoltura minn madwar id-dinja. L-Ambaxxata ħadet ħsieb it-tħejjijiet li saru għall-parteċipazzjoni tas-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri u għenet matul iż-żjara tiegħu f’Berlin. L-Ewwel Segretarja fl-Ambaxxata Sephora Gauci akkompanjat lis-Segretarju Parlamentari. 

F’April, il-Ministru Joe Mizzi ħa sehem fil-konferenza Energy Transition Dialogue: New Horizons li saret fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f’Berlin. L-Ambaxxata ikkordinat iż-żjara tal-Ministru filwaqt li l-Ambaxxatur akkompanjah fit-taħdidiet li huwa kellu mas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru Federali għall-Ekonomija u l-Enerġija, Thomas Bareiss.

L-Ambaxxata origanizzat iż-żjara f’Malta tad-deputat tal-Bundestag Dr. Christoph Ploss (CDU), li huwa r-‘rapporteur’ fuq Malta fil-Kumitat tal-Bundestag għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u membru fil-Kumitat tal-Bundestag għat-Trasport u l-Infrastruttura Diġitali. L-Ambaxxatur iltaqa’ ma’ Dr. Ploss darbtejn qabel dan ġie Malta. Waqt li kien Malta, Dr. Ploss iltaqa’, fost l-oħrajn, mal-Ministru l-Professur Edward Scicluna, mas-Segretarju Parlamentari Dr. Aaron Farrugia, ma’ rappreżentanti mill-MFTP, mal-Professur Stephen Calleja u Dr. Monika Wohlfeld mill-MEDAC.

Fit-18 ta’ Jannar l-Ambaxxatur kellu laqgħa twila mal-membri tal-Bundestag li jiffurmaw parti mill-grupp ‘Seenotrettung’ (Sea Rescue) dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati u tal-migranti fil-Mediterran. F’dan il-grupp hemm rappreżentati l-partiti kollha fil-Bundestag barra l-partit AfD. Il-grupp huwa mmexxi mid-deputat president (deputy speaker) tal-Bundestag, Claudia Roth. Matul il-laqgħa ġiet diskussa l-possibilta’ li s-Sinjura Roth u l-membri tal-grupp jiġu Malta biex jaraw b’għajnejhom is-sitwazzjoni diffiċli li tinsab fiha Malta u biex jaraw kif Malta tista’ tigi mgħejuna.

Kull darba li l-AFM kienu involuti f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ ta’ refuġjati jew migranti, l-Ambaxxata bgħatet l-informazzjoni rispettiva lill-media, lill-Uffiċċju tal-President Ġermaniz, lill-Uffiċċju tal-Kanċillier, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u diversi għaqdiet u persuni li jikkuntattjaw l-Ambaxxata dwar dan is-suġġett. Dan biex nagħmluha ċara li, f’dan il-qasam, kontra dak li kultant jiġi rrappurtat, Malta mhux biss dejjem wettqet l-obbligi tagħha iżda wkoll marret oltre. B’riżultat tal-inizjattivi tal-Ambaxxata, il-media Ġermaniża diversi drabi tat prominenza lix-xogħol tal-AFM.

Kull sena ir-reġjun ta’ Ahrweiler, viċin ta’ Bonn, jorganizza programm kbir ta’ attivitajiet mifrux fuq diversi gimgħat imsejjaħ “Ahrweiler Freiheitswochen” (Il-Ġimghat tal-Liberta ta’ Ahrweiler). Is-suġġett din id-darba kien il-Futur tal-Ewropa. Il-programm ta’ din is-sena sar taħt il-patruċinju tal-Ambaxxatur Malti fil-Ġermanja li fetaħ il-programm uffiċjalment waqt ċerimonja fl-14 ta’ Marzu fil-belt ta’ Remagen. B’hekk Malta ingħatat pubbliċita’ bi prominenza fil-media. L-Ambaxxatur kien mistieden iżur ir-reġjun fejn ta tlett taħdidiet, wieġeb domandi u kellu laqgħat ma’ diversi persuni distinti li kienu preżenti għad-diskorsi tiegħu, fosthom deputati mill-parlament tal-istat federali ta’ Rheinland-Pfalz (Rhineland Palatinate – belt kapitali Mainz) u s-Sinjura Barbara Genscher, l-armla tal-ex Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż, Hans-Dietrich Genscher. Huwa kellu wkoll laqgħa ma’ grupp kbir ta’ studenti minn tlett kulleġġi fir-reġjun li magħhom iddiskuta r-rwol ta’ Malta fl-Ewropa, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, kif ukoll l-qagħda soċjali fil-pajjiż. Fuq din il-laqgħa kien hemm rapporti estensivi fil-media.

L-Ambaxxatur kien involut f’taħdidiet li bdew fl-2018 u issiktaw fl-ewwel xhur ta’ din is-sena ma’ rappreżentanti mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja kif ukoll ma’ persuni mis-settur akkademiku sabiex il-Gvern Ġermaniz ikompli jiffinanzja il-katedra Ġermaniża fil-MEDAC (“German Chair in Peace Studies and Conflict Prevention”). Wara diversi sinjali li dan kien ser iseħħ, f’April waslet il-konferma uffiċjali li l-Ġermanja ser tkompli tiffinanzja din il-katedra għal sentejn oħra. Qed isiru kuntatti biex l-għajnuna Ġermaniża tissokta wara li jiġi fi tmiemu il-ftehim preżenti fl-2021.

Matul April saru preparamenti għaż-żjara f’Malta tal-Ministru Ġermaniż Hubertus Heil, il-Ministru fil-Gvern Federali għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali, li seħħet f’Mejju. F’Malta, il-Ministru Heil kellu taħdidiet uffiċjali u żar kumpaniji Ġermaniżi li joperaw f’Malta.

Saru wkoll il-preparamenti għall-parteċipazzjoni tal-Ministru Carmelo Abela flimkien mal-Ambaxxatriċi Prof. Simone Borg fil-Climate & Security Conference f’Berlin. Fil-fatt, il-konferenza saret f’Ġunju u fiha hadu sehem il-Ministru u l-Ambaxxatriċi. Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’din il-konferenza seħħet wara li l-Ambaxxata ħadet ħsieb takkwista stedina ufficjali.

L-Ambaxxata għenet ukoll fit-tħejjija għall-parteċipazzjoni tal-Prim Ministru Dr Joseph Muscat fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Karlu Manju 2019 “Charlemagne Prize 2019” li saret fil-belt ta’ Aachen.
Waqt l-ewwel erba’ xhur tas-sena, l-Ambaxxata kompliet tosserva l-iżviluppi politiċi fil-Ġermanja, kemm dawk domestiċi kif wkoll dawk li jirrigwardjaw il-politika barranija tal-pajjiż u rrappurtat dwarhom lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Kuljum, bħal ma tagħmel regolarment, l-Ambaxxata bagħtet Malta rapporti dwar artikli li jidhru fil-media Ġermaniża, u darba fil-ġimgħa bagħtet rapport iktar estensiv b’sezzjoni fuq Malta kif issemmiet fil-media Ġermaniża. Matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena intbagħtu wkoll, bħal ma jiġri regolarment, traduzzjonijiet ta’ artikli li kellhom x’jaqsmu ma’ Malta.

L-istaff tal-Ambaxxata ħa sehem u rrapporta fuq diversi konferenzi u seminars ta’ interess kif ukoll ‘briefings’ li saru fil-Ministeri Ġermaniżi qabel/wara il-laqgħat Ministerjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bħal FAC (Foreign Affairs Council), GAC (General Affairs Council), ECOFIN (Economic and Financial Affairs Council), AGRIFISH (Agriculture and Fisheries) u l-JHA (Justice and Home Affairs Council). Barra minn hekk, membri mill-Ambaxxata attendew ukoll ċerti debriefings li saru wara laqgħat li kellhom il-kanċillier jew Ministri tal-Gvern Federali ma’ interlokuturi minn pajjiżi oħra. 

L-Ambaxxatur kien preżenti f’attivitajiet li saru f’Berlin li jikkonċernaw l-UE, speċjalment,  fil-każ ta’ l-ewwel xhur tas-sena, dwar il-presidenza Rumena tal-Kunsill tal-UE. Dawn l-attivitajiet kienu jinkludu il-preżentazzjoni tal-Programm Rumen għall-Presidenza u diskussjoni li saru fir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Berlin,  il-“working lunches” mogħtija mill-Ambaxxatur Rumen fejn il-mistieden tal-unur ikun ministru federali, ministru tal-istat jew xi persuna distinta oħra, u attivitajiet kulturali.

Kummerċjali

L-Ambaxxatur kompla bis-sensiela ta’ taħdidiet pubbliċi u laqgħat li ilu għaddej bihom għal żmien twil u li fihom jittratta aspetti varji tal-kultura, l-ekonomija u l-ħajja soċjali f’Malta u kuntatti bejn Malta u l-Ġermanja.  Dawn l-attivitajiet komplew isiru, fuq medja ta’ 1-2 fix-xahar, kemm fl-Ambaxxata kif ukoll f’postijiet oħrajn barra Berlin. L-għanijiet ta’ dawn l-attivitajiet huma li Malta ssir iktar magħrufa fil-Ġermanja (l-iktar f’dawk ir-reġjuni fejn s’issa ftit hija magħrufa), u b’hekk jiżdied l-interess f’Malta biex jikber it-turiżmu, sabiex dawk li jattendu isiru jafu iktar dwar il-kuntatti li diġa jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi f’diversi setturi, jifhmu il-possibiltajiet ta’ “Doing Business in Malta”, u biex jiġu esplorati oqsma ta’ interess komuni.

Eżempji: Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena l-Ambaxxatur ta taħdita fil-belt ta’ Wittenberge, ltaqa’ ma’ 22 student tal-aħħar sena mill-Gustav Heinemann Oberschule  u ma’ l-għalliema tagħhom qabel ġew Malta fuq żjara edukattiva, u kellu laqgħa oħra ma’ grupp mid-distrett ta’ Teltow-Fläming, inklużi persuni fil-kummerċ (fosthom sidien ta’ katina ta’ supermarkets) immexxija minn Danny Eichenbaum MdL deputat tas-CDU fil-parlament tal-istat federali ta’ Brandenburgu. Matul April tlestew il-preparamenti għal żewg attivitajiet oħra ta’ dan it-tip, waħda għal nhar l-21 ta’ Ġunju fil-belt ta’ Köthen u oħra ftit iktar tard fil-belt ta’ Brandenburg an der Havel. Mhux l-ewwel darba li, wara dawn l-attivitajiet, jiġi ffurmat grupp biex iżur Malta jew jintwera interess f’xi qasam partikulari. Ngħidu aħna, fil-każ tal-grupp mid-distrett ta’ Teltow-Fläming, imsemmi hawn fuq, l-interess kien fi skambjar ta’ żgħażagħ għal skopjiet ta’ taħrig vokazzjonali - li diġà beda jseħħ. Fil-każ tat-taħdita f’Wittenberge, fejn hemm wieħed miċ-ċentri l-iktar attrezzati biex jitħarrġu l-għaddasa, l-interess kien f’Malta bħala destinazzjoni għall-għaddasa, settur b’potenzjal sinifikanti fil-Ġermanja.

Fi Frar, l-Ambaxxatur żar il-“Handwerkskammer” (Chamber of Skilled Crafts and Trades) ta’ Hanover, waħda mill-ikbar kmamar ta’ snajja speċjalizzati fil-Ġermanja. Hemmhekk iddiskuta mal-President Wilhelm Steinmann u s-CEO Peter Karst diversi ideat dwar kif jistgħu jikbru l-kuntatti ma’ Malta, kemm bħala lok għall-manufattura ta’ ċertu prodotti kif ukoll fis-settur tat-taħriġ ta’ żgħażagħ fi snajja speċjalizzati. Bħala riżultat ta’ din iż-żjara, is-CEO Peter Karst ġie Malta f’April u ltaqa’, fost oħrajn, mal-Ministru Bartolo. Is-Sur Karst għadu f’kuntatt mal-MEDE u talab laqgħa oħra mal-Ambaxxatur li se ssir fis-26 ta’ Ġunju fl-Ambaxxata.

Ta’ importanza kienet iż-żjara li għamel f’Malta ir-rappreżentant tal-“gtai” (Germany Trade and Invest). L-Ambaxxatur iltaqa’ ma’ dan ir-rappreżentant (Oliver Döhne) qabel ġie Malta, baqa’ f’kuntatt miegħu u għamillu l-appuntamenti neċessarji ma’ persuni li setgħu jagħtuh l-informazzjoni li xtaq (Malta Enterprise, Trade Malta, Bank Centrali, Chamber of Commerce, Industry and Enterprise). Ir-rapporti li jsiru mill-gtai (li hija aġenzija tal-Gvern Federali) fuq il-pajjiżi rispettivi huma kruċjali f’każ li investitur jew kummerċjant ikun qed jikkonsidra jinvesti jew jinnegozja ma’ pajjiż partikulari. Fir-rapport il-ġdid li ppublikat il-“gtai” din is-sena joħorgu ċari dawn il-fatti: il-qagħda b’saħħitha tal-ekonomija Maltija, ir-ritmu mgħaġġel li bih qed tikber, il-proġetti kbar ippjanati, u l-oqsma li investituri jew nies tan-negozju Ġermaniżi għandhom jikkunsidraw meta jħarsu lejn Malta. L-Ambaxxata tgħaddi lill-Malta Enterprise u istituzzjonijiet oħra f’Malta kuntatti jew talbiet għal informazzjoni minn persuni, kumpaniji jew aġenziji minn oqsma differenti li jistgħu ikunu ta’ interess.

Kulturali

F’Jannar, l-Ambaxxata irranġat programm għal żjara edukattiva f’Malta minn 24 student mill-Berlin Campus - Stanford University taħt it-tmexxija tal-Professur Uli Brückner. L-Ambaxxata ippreparatilhom programm intensiv li kien jinkludi laqgħa mal-Eċċellenza Tagħha il-President ta‘ Malta, viżita tal-bini tal-Parlament u laqgħa ma’ Mr Speaker Dr. Angelo Farrugia, u diskussjoni mal-Ministru Evarist Bartolo. Din kienet it-tieni darba li l-Ambaxxata ħadmet mal-Campus ta’ Berlin ta’ Stanford biex grupp ta’ studenti jżuru Malta; l-Ambaxxata kienet ikkordinat l-ewwel żjara fl-2015.

Fuq stedina tat-tmexxija tal-“Europaschule” (skola Ewropea) Kinderakademie der Johanniter  fil-belt ta’ Eberswalde fl-istat federali ta’ Brandenburgu, l-Ambaxxatur u l-Ewwel Segretarja fl-Ambaxxata żaru l-iskola u tkellmu mal-għalliema u ma’ ħafna mill-istudenti fil-klassijiet tagħhom. Saret talba għal kuntatt ma’ skola Maltija u biex jinstabu pen-friends Maltin għat-tfal tal-iskola. Dan qed isir fi ħdan il-MEDE. L-istedina biex l-Ambaxxatur iżur l-iskola saret wara li ftit qabel hu kien għamel żjara uffiċjali, ta taħdita pubblika fil-belt u kellu laqgħat mal-awtoritajiet inkluż is-sindku u t-tim tiegħu.

L-Ambaxxatur kien mistieden jieħu sehem f’diskussjoni – flimkien ma’ speċjalista fuq is-suġġett, ma’ membru tal-parlament Ewropew u flimkien ma’ professur tal-psikoloġija mill-Universita’ Humboldt – li saret f’ċinema ewlieni f’Berlin wara l-ewwel wirja tal-verżjoni Ġermaniża tal-film “The Erased Son” (titlu bil-Ġermaniż: ‘Der verlorene Sohn’). Il-film famuż jittratta il-problemi u t-tbatija li jgħaddu minnhom ġuvni Amerikan u l-familja tiegħu meta hu jiġi furzat jattendi kors ta’ “conversion therapy”. Malta kienet ippreżentata mill-organizzaturi bħala xempju ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet f’dan il-qasam, filwaqt li l-Ambaxxatur spjega s-sinifikat tal-liġi li tipprojbixxi din it-tip ta’ hekk imsejħa “terapija”.

Grupp ta’ studenti flimkien mal-professuri tagħhom mill-Berlin School of Economics and Law (HWR) xtaqu preżentazzjoni dwar Malta, l-infurzar tal-liġi u l-korp tal-pulizija. Għal dan il-għan kellhom laqgħa fl-ambaxxata mal-Ambaxxatur u ma’  l-Ewwel Segretarja.
L-Ambaxxata kompliet tkun involuta fil-laqgħat u l-avvenimenti tal-EUNIC (EU National Institutes of Culture) ġewwa Berlin. Preparamenti bdew fil-bidu tas-sena biex waħda mil-laqgħat (f’Ġunju) issir ġewwa l-Ambaxxata Maltija.  Bdew isiru wkoll preparazzjonijiet għall-European Day of Languages ta’ Settembru li ġej. L-Ambaxxata se tipparteċipa billi tagħti żewġ “crash-courses” fil-Malti bażiku lil studenti f’żewġ skejjel primarji f’Berlin. L-esperjenza uriet li kemm it-tfal kif ukoll l-għalliema u l-ġenituri tat-tfal japprezzaw ħafna dawn it-tip ta’ attivitajiet.
L-Ambaxxata ipparteċipat ukoll f’avveniment ta’ qari ta’ ħrejjef Ewropej bil-Ġermaniż lil grupp kbir ta’ tfal minn skejjel primarji f’Berlin fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa. L-Ambaxxata ħadet sehem permezz ta’ qari ta’ ħrafa Maltija li ġiet maqluba għall-Ġermaniż mill-istaff tal-Ambaxxata għal din l-attivita’.
L-Ambaxxata ħadmet fuq applikazzjoni, li imbagħad ġiet approvata mill-Bord tal-Cultural Diplomacy Fund tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, biex il-kumpanija “Contact Dance Company”, taħt it-tmexxija tas-Sinjura Francesca Tranter u bil-parteċipazzjoni tal-kompożitur u perkussjonista magħruf Renzo Spiteri, tagħti preżentazzjoni f’Berlin. Fil-fatt din is-serata ta’ żfin u mużika ser tittella’ fit-13 ta’ Ġunju fit-Theater am Aufbauhaus bl-arranġamenti kollha loġistici, stediniet u koordinazzjoni isiru mill-Ambaxxata.
L-Ambaxxatur kien mistieden jagħti taħdita fil-belt ta’ Adenau. Fost affarijiet oħra, huwa  tkellem dwar il-kuntatti bejn il-belt ta’ Adenau u Malta. Dawn jinkludu kemm rabtiet storiċi – f’Adenau kien hemm kummenda (‘commandery’) tal-Ordni – kif ukoll kuntatti iktar reċenti. F’Adenau kienet twaqqfet lejn l-aħħar tat-tmeninijiet u l-bidu tad-disgħinijiet tas-seklu l-ieħor l-Għaqda Ġermaniża-Maltija (Deutsch-Maltesische Gesellschaft). Wara iktar minn 30 sena din l-għaqda għada ibbażata f’ Adenau u tagħmel xogħol ta’ fejda kbira b’risq il-ħbiberija bejn iż-żewġ popli, filwaqt li Adenau għanda ġemellaġġ mal-Mellieħa – l-iktar ġemellaġġ antik u attiv bejn post f’Malta u post fil-Ġermanja.

Matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena, l-Ambaxxata għamlet il-preparamenti kollha biex, flimkien mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż u ma’ Ambaxxati ta’ pajjiżi oħra f’Berlin, tieħu sehem f’attivitajiet msejjħa “Diplomacy for Sustainability” waqt il-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli (European Sustainable Development Week).  L-iskop kien li tigi inkuraġġita l-implementazzjoni tas-‘Sustainable Development Goals’ tal-Aġenda 2030.  Il-fokus tal-avveniment organizzat mill-Ambaxxata Maltija kien SDG 14, speċifikament “il-ħajja taħt l-ilma” u l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċejani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar bħala komponent ewlieni ta’ futur sostenibbli. Fil-fatt, fl-4 ta’ Ġunju, l-Ambaxxata organizzat f’sala ġewwa Berlin il-wirja tad-dokumentarju “Comino: Secret Paradise” bil-parteċipazzjoni tal-Ambaxxatur Malti għall-Oċejani il-Prof. Alan Deidun li ta lecture u wieġeb id-domandi li sarulu mill-udjenza.

KONSOLARI
Matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, l-Ambaxxata Maltija f’Berlin kompliet toffri servizzi konsolari liċ-ċittadini Maltin li jgħixu fil-Ġermanja, kif wkoll lil Maltin li jivvjaġġaw lejn il-Ġermanja u li jkunu jeħtiegu l-għajnuna, bħal meta jitilfu jew jinsterqilhom il-passaport jew ikollhom bżonn għajnuna medika. Il-lista hawn taħt tinkludi statistika fuq numru ta’ servizzi konsolari li ġew ipprovduti mill-Ambaxxata Maltija fil-Ġermanja fl-erba’ xhur Jannar-April tal-2019:
Passaporti
Mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ April, l-applikazzjonijiet għall-passaporti li ġew ipproċessati mill-Ambaxxata kienu 17. Ġew imwieġba wkoll 32 domanda li kienu jirrigwardaw applikazzjonijiet għal passaporti.
Ċittadinanza
Il-Konsulat fl-Ambaxxata laqa’ żewg applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija, filwaqt li rċieva sitt talbiet għall-informazzjoni fuq kif wieħed jista’ japplika għaċ-ċittadinanza Maltija. L-informazzjoni mitluba ġiet mogħtija.
Reġistrazzjonijiet ta’ twelid u żwieġ
14 -il applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ twelid u żwieġ  ġew sottomessi. Dawn l-applikazzjoniet ġew proċessati kollha u ntbagħtu lir-Reġistru Pubbliku Malti.
Xogħol konsolari ieħor
L-Ambaxxata kompliet tipprovdi wkoll informazzjoni lil persuni li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta. Din l-informazzjoni tintalab ġeneralment minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi  li joqogħdu fil-Ġermanja u tirrigwarda ħafna drabi il-viża sabiex jkunu jistgħu jidħlu Malta. Minn Jannar sal-aħħar ta’ April, l-Ambaxxata għenet 140 persuna li kellhom mistoqsijiet dwar dan is-suġġett.
Ta’ kull xhar, l-Ambaxxata bagħtet lura lejn il-Ministeru numru ta’ passaporti u dokumenti ta’ residenza Maltin li kienu ntilfu u nstabu fil-Ġermanja mill-awtoritajiet.
L-Ambaxxata għenet wkoll diversi delegazzjonijiet Maltin li għaddew mill-ajruporti Ġermaniżi. B’kollox kien hemm 27 talba għall-għajnuna.
Għajnuna ingħatat wkoll lid-dipartiment fil-Ministeru tas-Saħħa li hu nkarigat li jibgħat pazjenti għal trattament barra l-pajjiż, kif ukoll lill-pazjenti nfushom u lill-familjari tagħhom. F’każ partikulari, l-Ambaxxata pprovdiet għajnuna lill-familja ta’ ċittadin Malti li miet waqt żjara f’Berlin. Ir-ripatrijazzjoni tal-kadavru lura lejn Malta ġiet organizzata bl-għajnuna tal-Ambaxxata.
L-Ambaxxata mexxiet talbiet għall-approvazzjoni diplomatika mill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex ajruplani tal-Forzi Armati ta’ Malta jkunu jistgħu jidħlu fl-ispazju tal-ajru Ġermaniż. 
L-ambaxxata kompliet tikkoordina flimkien mal-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati f’Malta r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu minn protezzjoni f’Malta – meta dawn jinstabu fil-Ġermanja mill-awtoritajiet Ġermaniżi – sabiex b’hekk jiġu irritornati lura lejn Malta.


PROMOZZJONI TA’ MALTA
L-ambaxxata bdiet tħejji wkoll għall-parteċipazzjoni tagħha fl-Europa Lounge, organizzata mill-Rappreżentazzjoni tal-Istat Federali ta’ Baden-Württemberg f’Berlin, fejn, bl-għajnuna tal-MTA Frankfurt, se jiġu offruti ikel u xorb Malti filwaqt li tingħata pubbliċita’ b’diversi metodi u jitqassmu brochures.

Permezz tal-Konslu Onorarju ġewwa Munich, l-Ambaxxata għenet wkoll billi offriet materjal promozzjonali dwar Malta kif wkoll xorb Malti għal avveniment li sar ġewwa Munich bejn numru ta’ konsli favur l-UE.

L-Ambaxxata ħolqot ukoll il-preżenza tagħha fuq is-‘social media platforms’, Facebook u Twitter, bil-għan li b’dawn il-mezzi tista’ tippromwovi aħjar lill-pajjiż, ix-xogħol li jitwettaq mill-Gvern, mill-MFTP u mill-Ambaxxata.

Seduta  241
25/06/2019

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...