5.6.19

Fil-mument tal-prova




1.     Ngħid dan għax dawk li, bħali, jħobbu ‘l-Partit Nazzjonalista, ma daħlux għal dawn il-xhur ta’ ħidma biex jidħku bihom infushom.  Kien ċar mill-bidu.  Kien evidenti li jekk tul l-aħħar leġislatura kellna numru ta’ żvantaġġi, f’din it-tieni waħda nbnew diversi oħra.  Uħud normali, bħall-fatt li l-Prim Ministru dieħel f’tieni leġislatura mhux imċekken, imma iktar imġedded elettoralment.  Kif ukoll, li l-Partit Soċjalista fehem kif iħaddem l-Istat u użah ferm iktar fil-linja politika tiegħu marbuta mal-klijenteliżmu.  Ħafna drabi bi ksur qawwi ta’ kull regola tal-pajjiż.  B’abbuż, b’esaġerazzjonijiet u bl-inevitabilità tan-nassa tal-korruzzjoni.

Kumplikazzjonijiet oħra

2.     Kellna oħrajn li żviluppaw quddiemna, bħall-kwistjoi ferm kumplikata tar-rapport maġisterjali tal-Egrant.  Waħda li fiha implikazzjonijiet demokratiċi, kostituzzjonali, imma li fuq in-naħa l-oħra tagħti iktar kredibilità lil min kien talab li jinvestiga ruħu.  Konsegwentement, kif jiġri, naqset tagħna, li bbażajna ruħna wisq fuqha fl-aħħar elezzjoni ġenerali.  Kien hemm ukoll iktar kumplikazzjonijiet li, indipendentement minn xi responsabbiltà, bagħtu barra kontinwament il-perċezzjoni li l-partit huwa maqsum.  Li hemm biċċiet interni li jiġbdu ruħhom naħa jew oħra, daqqa jirreaġixxu, daqqa jintilfu, imma mhux sħaħ.

Iktar interessanti

3.     Kien iktar interessanti, jekk mhux inkredibbli, kif tul ix-xhur li għaddew, ċerti gazzetti sabu iktar faċli li jattakkaw ‘l-Oppożizzjoni.  Ħafna drabi ma kontx niddubita li għadhom jarawna bħala l-partit fil-Gvern.  Ġimgħa wara ġimgħa, il-missjoni stramba kienet li tiġi mnaqqsa l-kredibilità u l-fiduċja fl-Oppożizzjoni, li trid tikkumbatti l-iżbalji tal-poter.  Kull risposta ma kenitx adegwata għalihom.  Id-dubji, anzi, tħallew imdendlin fl-arja fix-xejn.  Bil-konsegwenza: l-ewwel, li dak li kien qed isir ħażin mill-Gvern kien qiegħed jintesa, jew ma jiġix rappurtat.  It-tieni: li l-istess Gvern kien qiegħed iżid indirettament fil-fiduċja.  U dan waqt li, fl-istess mument, il-Partit Soċjalista kien għaddej bil-kampanja tiegħu.

L-elettorat tagħna

4.     Fir-realtà, irid jingħad li kien qed isir kull sforz mill-Gvern biex jaqta’ qalb l-elettorat Nazzjonalista.  Tlaqna, skont l-istħarriġ, minn 17% u wara għal 22%, u l-messaġġ kien li mhux ser jirnexxilna.  B’figuri li kull nhar ta’ Ħadd kienu mmirati biex jaqtgħu saqajna u jbeżżgħu.  Kif nieħdu ftit arja, dlonk iridu jagħtuna majnata qawwija.  Linja li kienet ripetuta u ċara, sabiex ukoll tipprova taqsam il-votanti tagħna.  U rridu naċċettaw li l-vuċi tal-Gvern hija preżentement b’saħħitha ħafna.  Diversi spiċċaw jiddubitaw dak li konna qed ngħidu, proprju minħabba f’dan.  Imma l-isforzi li saru servew sew.  Il-partit, minkejja d-daqqiet kollha li qala’, xorta waħda rnexxielu jiġbor ferm iktar voti milli ħaddieħor ħaseb, jew bassar.

Min huwa minn taħt

5.     Fil-ħajja hemm dawk li meta jaraw lil ħaddieħor mal-art, ikomplu jagħtuh bis-sieq f’kull parti.  Jippruvaw ikissruh iktar.  Kemm jifilħu.  Hemm oħrajn, però, li jippruvaw jgħinu sabiex il-bniedem iqum lura.  Nafu, ċertament, li f’kull mument meta konna fl-art, il-Gvern kompla jagħtina kemm jiflaħ, direttament u indirettament.  Biss, f’dan, minkejja din il-linja politika, mertu tal-Kap tal-Oppożizzjoni u l-membri tal-partit, irnexxielna nerġgħu nqumu fuq saqajna.  Kien hemm id-determinazzjoni u l-perseveranza sabiex inwettqu dak li jidhrilna li huwa sewwa fl-avversità.  M’aħniex niġru, imma bdejna nimxu sew.  Qegħdin f’pożizzjoni aħjar milli jriduna jew jgħidu bina.

Proġett politiku

6.     Hemm f’dan dejjem li l-mument politiku m’huwiex ordinarju, imma huwa uniku.  Huwa mument ta’ prova.  Huwa l-mument meta dawk li għandhom il-proġett politiku li jbiddlu dak li qed isir ħażin fil-pajjiż, jingħaqdu iktar spalla ma’ spalla.  M’għandniex nippruvaw innaqqsu dak li rnexxielna nġibu f’daqqa.  Tul din il-kampanja, il-partit kien, fil-maġġoranza tiegħu, preżenti għall-attivitajiet  u jaħdem mal-poplu.  Għad fadal xi jsir, ċertament, imma jista’ jseħħ.

Triq iebsa, imma mhux impossibbli

7.     Hemm realtà ġdida li rridu niffaċċjaw.  Hemm sitwazzjoni li tkompli titlob impenn politiku dirett.  Dan għax għandna proġett politiku li rridu noffru lil dan il-pajjiż.  Wieħed li huwa ta’ bidla u alternattiv.  Wieħed li jagħti każ il-bniedem fil-bżonnijiet sħaħ tiegħu, mhux jgħaddi minn fuqu.  Wieħed li jiddefendi lill-bniedem u jħares li jġib iktar ġustizzja fis-soċjetà.  It-triq tagħna hija twila, hija diffiċli, imma mhux impossibbli.

Għalhekk il-mument tal-prova

8.     Fil-ħajja politika hemm diversi mumenti, imma jibqa’ ċar f’moħħna l-mument tal-prova.  Dak li fih, anki jekk l-affarijiet jidhru li m’humiex l-aqwa, xorta l-bniedem irid ikompli jikkumbatti għat-tajjeb u ma jċedix għad-debulizza umana.  Ikompli jittama kontra kull tama fis-sewwa.  Għax nifhmu li għal uħud, huwa faċli ferm iktar li tniżżel il-bandiera u tabbanduna dak li tkun dħalt għalih.  Nifhmu li huwa ċertament iktar iebes li tibqa’ f’postok, taħdem għas-sewwa.  Taħdem għal dak li temmen fih u dak li pajjiżek għandu, iktar minn qatt qabel, il-bżonn tiegħu.  Proprju għalhekk li, f’dan il-mument tal-prova, ser nibqgħu naħdmu għas-sewwa, għall-ġid ta’ dan il-partit u dan il-pajjiż.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...