22.6.19

IL-FGURA – SQAQ RJALLU - XOGĦLIJIET




10360. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru u huma previsti li jsiru tul din is-sena ġewwa Sqaq Rjallu l-Fgura? Jista’ jindika l-ispiża approssimattiva jew definittiva?

03/06/2019

  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’sodisfazzjon ninnota li l-Oppożizzjoni qed tkompli tirrealizza l-bżonn li ninvestu bi sħiħ fit-titjib tat-toroq, wara li għal għexieren ta’ snin ma sarux l-interventi meħtieġa biex din l-infrastruttura tibqa’ tlaħħaq mal-ħtieġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-familji u n-negozji Maltin, waqt li ssostni b’mod sħiħ il-progress ekonomiku u soċjali tal-pajjiż. Ninnutaw ukoll li l-istess Oppożizzjoni, inqas minn sena ilu, ivvutat kontra t-twaqqif ta’ Infrastructure Malta. Nifirħu lill-Oppożizzjoni li issa mhux biss qed taqbel mat-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, iżda saħansitra qed tieħu interess fil-ħidma tagħha u taqbel li din l-aġenzija hija strumentali biex pajjiżna jkollu infrastruttura aħjar.

Il-Gvern dejjem poġġa t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna fuq quddiem nett tal-ħidma tiegħu. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta u Għawdex. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.

F’Jannar li għadda, Infrastructure Malta bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mil-lista tat-toroq residenzjali li ser tkun qed tibni mill-ġdid din is-sena. Ħafna minn dawn it-toroq diġà tlestew jew waslu fl-aħħar xogħlijiet, u warajhom beda x-xogħol f’toroq oħrajn. Fl-istess waqt, tħabbret ukoll it-tieni sejħa għall-offerti sabiex aktar tard din is-sena jibda l-bini mill-ġdid ta’ madwar 170 triq oħra.

Fl-ewwel kuntratt b’valur totali ta’ €53.5 miljun iffinanzjati mill-investiment ta’ €700 miljun fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid hemm Triq il-Qalb ta’ Ġesù u Triq ix-Xewk li huma lesti, Triq il-Ġdida li qed issir bħalissa, kif ukoll Triq Sammat u Triq iċ-Ċimiterju li wkoll se jinbnew mill-ġdid din is-sena. Fit-tieni lista mbagħad hemm toroq oħrajn f’Raħal Ġdid - Triq il-Wied u Triq Sultana.

L-investiment bla preċedent li qed nagħmlu fit-toroq residenzjali huwa mifrux fuq seba’ snin u għaldaqstant, it-toroq residenzjali l-oħrajn f’din il-lokalità wkoll ser jinbnew mill-ġdid fiż-żmien li ġej.

Biex tfassal il-listi tat-toroq u tiddeċiedi liema minnhom għandhom jingħataw priorità, Infrastructure Malta tikkonsulta mal-Kunsilli Lokali u entitajiet oħrajn konċernati, waqt li tikkunsidra wkoll talbiet għall-għajnuna li jsirulha direttament minn ħafna residenti. L-għażla ssir wara li jiġu meqjusin l-istat preżenti tat-toroq, il-konnessjonijiet ta’ triq ma’ toroq jew inħawi oħrajn fil-lokalità, il-frekwenza ta’ kemm jintużaw, kif ukoll attivitajiet fl-inħawi li jistgħu jintlaqtu ħażin mix-xogħlijiet skont meta jsiru, bħalma huwa l-każ ta’ toroq li jinsabu f’żoni turistiċi u dawk qrib l-iskejjel.

Persuni li jkollhom diffikultajiet jew suġġerimenti dwar xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastruttura Malta, jew xi xogħlijiet li jkunu għaddejjin f’dawn l-istess toroq, jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibagħtu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

Seduta  238
18/06/2019

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...