6.7.15

Il-ballun u d-dinja tondi





1.      Tul dawn l-aħħar ġimgħatejn rajna quddiemna diversi ġrajjiet li minnhom infushom jistednuna naħsbu sew fuq dak li l-bniedem huwa fil-ħajja tal-lum.  Nistaqsu xi kwalità ta’ persuni qegħdin iservu f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà?  X’forma ta’ ideat u x’linja ta’ ħidma qegħdin imexxu lil dawn il-persuni li oħrajn ivvutawlhom?  Dan għax dak li ħaddieħor jittraskura, li jwarrab fil-ġenb, fir-realtà jibqa’ importanti u determinanti.  Bnedmin ta’ ħsieb, dawk ta’ sustanza jidhru l-ħin kollu li qed jonqsu mit-tmexxija.  Hemm min ma jridx jidħol b’xejn għax iħoss li postu m’huwiex hemm, u hemm ukoll oħrajn li jidħlu u wara jitnawru.  Ftit huma dawk li jagħrfu fejn deħlin u jibqgħu jistinkaw biex jibdlu għas-sewwa.

2.      Ngħid dan għax id-dinja b’saħħitha u meraviljuża tal-ballun ħadet daqqa ta’ ħarta.  Nafu li qed nitkellmu fuq linja fejn min jagħti sehmu llum irid ikun dak li nsejħu “professjonist”.  Biss, flok qed naraw bnedmin dedikati għall-eżempju tajjeb, qed naraw diversi li jiċċappsu mal-flus.  Ma hemmx fruntieri f’dan.  Ħadd ma jista’ jgħid li l-każijiet ta’ nies li jixtru l-partiti, li jinxtraw fil-partiti huwa limitat għal xi parti waħda mid-dinja.  Iddur fejn iddur, ma’ kull sena nsibu iktar kumplikazzjonijiet u ntriċċi.  Issa r-ras l-iktar kbira tal-ballun innifsu kellu jitlaq proprju għax sab ruħu involut direttament.  Żgur li kienet ferm iktar parti minn telenovela.  Presidenti u diriġenti li għandhom jagħtu xhieda ta’ “fairplay”, ta’ altruwiżmu, sibnihom fil-kontra.

3.      Dan jolqotna direttament u, jingħad x’jingħad, it-tentazzjonijiet jibqgħu kbar.  Pajjiżna wkoll imiss ma’ din ir-realtà.  Mhux faċli, minkejja d-diversi liġijiet u mekkaniżmi li għandna jaħdmu, hemm dejjem dan ir-riskju, dan id-dell.  Il-flus saru wisq u wisq importanti, li għal diversi jegħlbu kull kunsiderazzjoni ta’ prinċipju.  L-irġulija, l-onestà, l-integrità ħafna, mhux biss fid-dinja tal-isports imma anki f’oħrajn, qed jarmuhom għall-flus.  Hija verament ħasra, però sfortunatament ngħidu x’ngħidu nibqgħu niffaċċjaw din ir-realtà.  Din il-pożizzjoni, fejn ħafna qed jieqfu jemmnu fl-intenzjonijiet tajba tal-bniedem.  Fejn anzi qed jikber ix-xettiċiżmu li qabel ma kienx hemm.  Ħasra meta tara tant bnedmin onesti u ta’ rieda tajba jitilqu kollox biex iqattgħu disgħin minuta jaraw partita.

4.      In-nuqqas ta’ sewwa u integrità, magħhom iġibu instabilità soċjali, ekonomika, kulturali u politika.  Meta tonqos ir-rettitudni morali, magħha toħroġ ukoll il-ġustizzja.  Kif immorru lejn l-inġustizzja tispiċċa l-paċi.  Il-ballun tond kien u tond jibqa’, biss id-dinja, għalkemm tonda, hemm diversi li qed jagħmluha kwadra.  Kaxxa fejn jingħalqu affarijiet u jingħataw biss lil xi wħud.  Dinja fejn anke l-politika preżenti tagħna sejra għal ferm iktar preferenzi.  Il-kriterju tas-sewwa u l-ġustizzja f’dawn l-aħħar xhur ħadu daqqa ta’ ħarta bid-diversi eżempji fejn il-klassi politika ma ġiebetx ruħha kif l-elettorat tagħna jistenna.  Il-klijenteliżmu sar żiemel sfrattat bla xaba’.  Kull ġimgħa niskopru waħda ikbar mill-oħra.

5.      Bnedmin li jieħdu dak li ma ħaqqhomx qed jikbru.  L-atti ta’ inġustizzja f’dan qed jimmoltiplikaw ma’ dawk li ma ħaqqhomx u ħadu u mal-istess li bbenefikaw meta ma kellhomx.  Mhux biss, imma anki l-finanzi tal-istat qegħdin jiġu sparpaljati ‘l hemm u ‘l hawn f’negozji u kuntratti li minnhom infushom jixhdu li huma ħżiena.  Ma hemmx bżonn tkun speċjalizzat f’xi linja partikolari: kull ma trid huwa li tisma’ l-fatti u tifhem x’hemm warajhom.  Kumplikazzjonijiet li finalment qegħdin jibgħatu messaġġi żbaljati hemm barra.  L-ewwel: qed tidħol iktar biċċa biċċa li l-klassi politika ma għandekx tafdaha.  It-tieni: li ma hemmx kriterju veru ta’ amministrazzjoni li hija imparzjali u attenta biex tippreserva u tqassam tajjeb.  It-tielet: li jaqbillek jekk tkun bla valuri nsara u tagħmel biss dak li jaqbillek.

6.      F’dawn il-jiem, forsi iktar minn ta’ qabilhom, ħassejt u rajt iktar bnedmin f’dawn il-gżejjer li qed iħossu instabilità.  Li dik iċ-ċertezza fir-rettitudni li wieħed jippretendi u jistenna minn min għandu l-poter f’idejh telqet.  Ħafna, huma ta’ liema opinjoni politika huma, qed iħossu li l-pożizzjoni tagħhom hija mhedda.  Dak li qabel ma kellhom iħabblu rashom fuqu, issa qed jiġihom id-dubju dwaru.  Ħafna jafu b’każijiet ta’ inġustizzji, ta’ diskriminazzjoni, ta’ telf ta’ pożizzjonijiet sempliċement għax ħaddieħor iktar tal-qalba jridha u jħossu li ma jistgħux jitkellmu.  Daħal diġà li l-poplu qiegħed jagħraf li għall-inġustizzja li jsorfi ma għandux fejn jilmenta.  Il-pajjiż dieħel iktar minn qatt qabel fl-istess sitwazzjonijiet ta’ qabel, meta d-drittijiet kienu miktuba però ma setgħux jiġu msarrfa.

7.      Dak li ġara fid-dinja tal-ballun qiegħed jinfirex.  Dan huwa poplu li jħobb is-sewwa, jrid il-ġustizzja u għalhekk qed jitlef mill-bażi morali tiegħu meta qiegħed jifhem li ma’ din l-amministrazzjoni jgħoddu kriterji oħra.  Jingħad x’jingħad, il-klijenteliżmu kotor fuq li kotor.  Ħafna jagħrfuh, ħafna qed imissuh, uħud qed igawdu minnu, diversi qed ibatu minnu.  L-eżempji ħżiena tal-lum ser iwasslu għal iktar kumplikazzjonijiet iktar ‘il quddiem.  Ser ikun dejjem iktar diffiċli għal min jiġi elett li jgħid “le”.  Ser ikun iktar faċli żżomm barra lil min huwa rett u tal-affari tiegħu.  Fl-aħħar mill-aħħar però nafu li dan l-aġir tkissir iġib.  Kif rajna fid-dinja tal-ballun li nqalbet u tilfet kull kredibilità, daqshekk ieħor għad jiġri fid-dinja tal-politika.  Sehemna mill-Oppożizzjoni jrid ikun dak li naħdmu biex nibnu politika aqwa u waħda li għada pitgħada tista’ terġa’ ġġib il-paċi, l-istabilità u l-ġustizzja.


No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...