6.7.15

Biżgħat politiċi.





1.      Hemm biżagħat politiċi li jinġarru mill-passat.  Kull naħa tal-Kamra tad-Deputati għandha minnhom.  Hemm min jorbot rasu u ħidmietu magħhom.  Hemm ukoll min jarahom, jifhimhom imma ma jinħakimx minnhom.  Biss, ma jonqosx milli jżommhom quddiemu.  Ngħid dan għax f’dak li qiegħed nara, il-Gvern preżenti ħa u għadu qiegħed jieħu diversi deċiżjonijiet fuq dak li suppost mar ħażin fit-tmexija tal-aħħar Prim Ministru tal-Partit Laburista Alfred Sant.  Minflok għarfien, anzi analiżi korretta ta’ dak li ħadem u dak li ma ħadimx, qiegħed minflok jittieħed bħala eżempju dak li suppost seħħ fit-tmexxija tal-Prim Ministru Dom Mintoff.

2.      Diversi f’dak il-partit kienu bnew l-impressjoni żbaljata li t-telfa tal-1998 seħħet minħabba numru ta’ deċiżjonijiet żbaljati fl-amministrazzjoni.  L-ewwel, is-suppost żball li tħallew persuni f’pożizzjoni ta’ tmexxija fil-pajjiż li ma kienux laburisti ferventi, akkaniti u leali.  Ngħid li din l-analiżi hija skorretta għax il-maġġoranza qawwija tal-membri taċ-Ċivil huma leali lejn kull gvern tal-ġurnata.  Jiddejqu juru li huma ma’ partit jew ieħor proprju għax jafu li jridu jservu lil min qiegħed bil-mandat tal-poplu f’idejh u hekk, mill-esperjenza tiegħi, għamlu.  Ħidmet kull gvern ma huwiex li jivvittimizza lil dawn il-bnedmin, imma li jaħdem magħhom.

3.      Proprju minħabba din il-biża’ ta’ dak li suppost ġralu l-Gvern Sant li issa ilna sentejn għaddejjin bi proċess fejn dawk li huma jew nazzjonalisti jew inqas laburisti jitneħħew, biex jidħlu flokhom dawk li huma veri u puri.  Dan huwa żball mill-ikbar għx il-fatt li l-Gvern Sant ħalla lil dawk il-persuni ggarantixxa stabilità u ġieb ammirazzjoni u kunsens elettorali mingħand numru ta’ familji li ma kienux laburisti.  It-tieni, aġixxa kif kull gvern serju u responsabbli għandu.  It-tielet suppost żball ġej mill-kritika ta’ dejjem li ssir mnn parti mill-elettorat f’kull żmien.  Din il-kritika hija li l-Gvern m’huwiex “jaqdi” lin-nies tiegħu.

4.      Il-Gvern Sant kien ġie kkritikat u attakkat li m’huwiex qiegħed jagħti lil dak u lill-ieħor dak li jridu.  Kien żamm ħafna serjetà u ma ppermettiex li l-mewġa ta’ klijenteliżmu li seta’ jinħakem biha timxi minn fuqu.  Il-qari tiegħu, l-għarfien ta’ dak li diversi politiċi f’pajjiżna u f’oħrajn f’kull seklu għaddew minnu żammu milli jaqa’ għat-tentazzjoni ta’ dik in-nassa.  Mhux biss, iżda kien għadu konxju ħafna mill-iżbalji kbar li saru taħt l-amministrazzjonijiet laburisti preċedenti fejn il-klijenteliżmu, bażużliżmu, favoritiżmu u inġustizzji li saru ħallew ħsara kbira elettorali għall-Partit Laburista.  Mhux biss dan, imma kien huwa wkoll konxju tal-fatt li l-politiċi onesti u li riedu jservu kellhom dejjem żvantaġġ ma’ dawk l-oħrajn laburisti li kien jqassmu l-pjaċiri redikoli bħal linji tat-telephones, televiżjonijiet, eċċ.

5.      Il-Gvern Sant għamel żbalji oħrajn, però dawn it-tnejn għaraf ma jagħmilhomx.  Minflok, dan il-Gvern qiegħed jinxeħet jiżbalja mal-poplu.  Transfers u aġir żbaljat, diskriminanti mal-ħaddiema u fuq in-naħa l-oħra fabbrika ta’ klijenteliżmu.  Illum fi ħdan il-Partit Laburista tikber jew tiċkien fil-popolarità skont kemm tagħmel pjaċiri.  U proprju għalhekk li qed naraw diġà skandli kbar ħafna li jwaħħxuk.  Dan huwa żball politiku ieħor li qiegħed isir preżentement.  Qiegħed isir proprju minħabba l-fatt li hemm il-biża’ li jintilef il-poter malajr, mentri l-messaġġ huwa li jridu jibqgħu fil-poter għal ħafna snin u għalhekk iwettqu dawn l-inġustizzji.  Illum persuna u għada oħra, daqqa wieħed jiggwadanja, daqqa jitlef kollox biex jagħmel il-wisgħa għal ħaddieħor iktar tal-qalba.
6.      Il-Gvern Sant għamel ħiltu sabiex iżomm ma’ kriterju ta’ ġustizzja li llum il-ġurnata sejra l-baħar lejn inġustizzji ikbar.  U lkoll nafu li stat demokratiku jista’ jimxi fil-paċi fejn ikun hemm il-ġustizzja bejn iċ-ċittadini tiegħu.  Mela dan huwa żbaljat.  Daqshekk ieħor huwa żbaljat il-ħsieb li issa dan il-Gvern qiegħed jimita l-mudell Mintoff.  Anki hawn irridu ngħidu li wieħed irid joqgħod attent.  L-istorja turi li l-klijenteliżmu, il-korruzzjoni, l-aġir żbaljat inaqqsu mill-voti u mill-kredibilità ta’ Gvern li għamel numru ta’ passi leġislattivi li ħadd ma għamel.  Verament ir-riedni kienu f’mument ħarġu minn idejh, fis-sens li kien hemm ministri, persuni fi ħdan dak il-partit li fil-ġlieda għas-saħħa elettorali kienu ntilfu jwettqu dak li qiegħed isir proprju llum.  Għalhekk baqa’ fl-Oppożizzjoni għal ħamsa u għoxrin sena.

7.      Iktar ma taħseb, iktar ma tanalizza tinduna li l-affarijiet qed jikkomplikaw proprju fuq il-biża’ li dan il-Gvern Laburista ser jiġrilu bħal dak ta’ Alfred Sant.  Ma hemmx taqbiliet li jistgħu jsiru.  Hemm biss li issa għandna ġabra ta’ persuni li kif ħadu l-poter f’idejhom reġgħu marru lura għal dak li kienu jagħmlu qabel.  L-eżempji ħżiena u kundannabbli ta’ gvernijiet laburisti oħrajn mhux qabdu f’sentejn, iżda bdew mill-ewwel.  Illum il-poplu qiegħed jibda jifhem dak li sar f’dawn l-aħħar xhur u dak li qed iseħħ illum u jifhem x’ser isir fil-futur.  Aħna fl-Oppożizzjoni għandna l-biżgħat tagħna wkoll.  Nafu xi tfisser li tkun kontra Gvern li jaġixxi b’dan il-mod, speċjalment dawk minna li għaddew mit-tbatija u d-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet li l-abbuż tal-poter iġib miegħu.  Biss ma għandniex anqas sempliċement naġixxu mingħajr ma nanalizzaw sewwa fil-konfront ta’ dak li għaddejna minnu u dak li għaddejjin minnu llum.

8.      Il-biżgħat laburisti qed inaqqsu mhux iżidu fil-voti għalihom.  Hawn ferm iktar nies li ma ħadu xejn minn dawk li qed jieħdu u l-oħrajn li jibilgħu.  Dmirna fl-Oppożizzjoni jibqa’ dak li nibqgħu nissudaw il-vuċi tagħna, nibqgħu naġixxu għas-sewwa, naqbżu għan-nies u nesiġu li l-affarijiet isiru skont il-ġustizzja.  Il-biża’ taħkem lil ħafna, imma ma nħalluhiex tagħmel hekk lilna sabiex inkunu dejjem iktar konvinti u effettivi f’ħidmietna preżenti u futura lejn is-sewwa u l-ġustizzja.

  

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...