29.3.23

Dawk li jobdu, josservaw

1.    Fid-dibattiti politiċi u fil-konvinzjoni ta’ dak li huwa l-aħjar għall-poplu, id-demokrazija tibqa’.  Tibqa’ l-aqwa sistema li biha tmexxi ‘l-bnedmin fit-toroq tagħhom f’din l-art.  Anzi, għalina bħala Demokratiċi Nsara, nagħtuha valur politiku ikbar.  Mhix is-sistema li tieħdok fil-poter u wara tmexxi bl-id tad-dittatorjat.  Hija dik li trid tiġi protetta b’żewġ mekkaniżmi: dawk legali u dawk li jassiguraw li min imexxi l-pajjiż ikollu fih il-konvinzjoni li d-demokrazija trid tiġi protetta bl-għeruq u x-xniexel.  Bil-vantaġġ ikbar għalina li għandna kostituzzjoni li hija miktuba u li tiggarantixxi d-demokrazija.  Hija l-qafas u l-istruttura tagħha imma hemm, kif qednaraw, il-bżonn ta’ iktar.

Kif tgħallimna

2.    Ta’ studenti universitarji kien ikollna d-dubju fuq il-bżonn ta’ kostituzzjoni miktuba.  Kittieba u awturi li kienu jħobbu u jammiraw ħidmet ir-Renju Unit kien ikollhom it-tentazzjoni jippruvaw jipperswaduna li hija l-aqwa sistema.  Mhux biss, imma li dawk il-popli li kitbuha kellhom jagħmlu hekk għax mhumiex proprju demokratiċi, u allura jridu li jkollhom kostituzzjoni miktuba biex tikkontrollahom.  Mentri f’dak il-pajjiż li ħadna l-indipendenza minnu, kollox kien ser jimxi tajjeb, u anzi, mingħajr l-ixkiel tal-kitba.  Kienu jafu kif iġibu ruħhom u ma kinux ser jiksru l-prinċipji demokratiċi għax il-liġi hija mnaqqxa f’qalhom.  Ngħid grazzi li tgħallimna wkoll il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika, għax fhimna li meta tkun miktuba tkun superjuri, tnaqqas mill-abbużi u kapaċi tikkontrollahom.

Norberto Bobbio

3.    Dan il-ġurista magħruf, f’wieħed mill-kitbiet tiegħu jiddibatti x’inhuwa l-aħjar għal soċjetà.  Jistaqsi: “Qual è il governo migliore: quello delle leggi o quello degli uomini?” (Liema huwa l-aħjar gvern: dak tal-liġijiet jew dak tal-bnedmin?).  Wara diskussjoni mill-iktar interessanti b’kitbet awturi u filosfi, fosthom Platun, Aristotli u Sokrate jikkonkludi.  Jiddikjara li huwa tal-opinjoni li l-preferenza tiegħu tmur għal gvern tal-liġi, u mhux tal-bnedmin.  Jiġġustifika aktar dan, hekk: “È proprio perché non ho dubbi, posso concludere tranquillamente che la democrazia è il governo delle leggi per eccellenza.  Nel momento stesso in cui un regime democratico perde di vista questo suo principio ispiratore, si rovescia rapidamente nel suo contrario, in una delle tante forme di governo autocratico, di cui sono piene le narrazioni degli storici e le riflessioni degli scrittori politiċi.”  (U għax m’għandix dubju, nista’ nikkonkludi bi trankwillità li d-demokrazija hija l-gvern tal-liġijiet per eċċellenza.  Fil-mument stess li reġim demokratiku jitlef dan il-prinċipju li jispirah, jinqaleb kollox fil-kuntrarju, f’waħda mis-sistemi awtokratiċi li l-istorja u l-kitba politika hija mimlija bihom.”)

Ġejna fi kliemu

4.    Proprju għalhekk tajjeb li wieħed jipprepara ruħu qabel jidħol fil-politika u tul iż-żmien tagħha.  Jipprepara bil-qari, bil-kitba u bir-riflessjoni.  Politiku jrid formazzjoni u mhux sempliċement immaġini.  Iktar u iktar meta jkun niexef mill-esperjenza tal-ħajja u tal-bnedmin.  Iktar u iktar meta jkun niexef mill-esperjenza tal-ħajja u tal-bnedmin.  Iktar meta jkun ‘vulnerabbli’ għal min irid jużah.  Proprju quddiem dan naraw li dak li seħħ f’pajjiżna huwa parti sħiħa minn din il-linja storika.  Biss, aħna għandna l-vantaġġ ta’ kostituzzjoni miktuba, li maż-żmien ġiet imsaħħa proprju minħabba n-nuqqasijiet tal-bnedmin li mexxew lil dan il-pajjiż.  Is-sistema taħdem għax il-liġijiet kostituzzjonali huma ‘l fuq mill-bnedmin.  Jiggarantixxu dak li bnedmin fil-politika jinsew li huma frott id-demokrazija u li m’għandhomx poteri superjuri li jaġixxu l-kontra.  Jaġixxu biex b’għemilhom, fil-fatt iċekknu, u mhux ikabbru d-demokrazija.

Fejn mhix miktuba

5.    Hemm pajjiżi fejn m’għandhomx kostituzzjoni miktuba.  U hemm dawk li, għax mhumiex leali lejn id-demokrazija, jaġixxu f’toroq li m’għandhomx.  Dak li rajna taħt Boris Johnson u dak li qed naraw taħt Binyamin Netanyahu.  Żewġ pajjiżi li m’għandhomx il-konfort tal-kostituzzjoni miktuba u, mingħajr ma jridu, flok jissudaw gvern bil-liġijiet qed imorru lejn dawk tal-bnedmin.  Fl-editorjal tal-ġimgħa li għaddiet, f’The Economist dan ingħad ċar ħafna.  Il-Gvern qiegħed jipprova jgħaddi liġijiet li, fil-fatt, ser iġibu l-poter tal-qrati li jikkontrollaw liġijiet anti-kostituzzjonali fix-xejn.  Huma jgħidu hekk: “The reforms are a bad solution to a real problem.  Israel has no written constitution.  For decades, however, the Supreme Court has asserted that some “basic” laws amount to a quasi-constitution it can enforce, overruling the Knesset.  (Ir-riformi proposti huma soluzzjonijiet żbaljati għall-problemi veri.  Iżrael m’għandhiex kostituzzjoni miktuba.  Għal għexieren ta’ snin, il-Qorti Suprema asseriet li hemm numru ta’ liġijiet “bażiċi” li jammontaw għal kważi-kostituzzjoni li tista’ tapplika u tħaddem kontra liġijiet żbaljati tal-parlament, il-Knesset.)

Boris Johnson

6.    L-istess qed naraw fir-Renju Unit b’dak li għaddej quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi parlamentari.  F’sistema li batiet sew biex tirreaġixxi għal dak li Johnson kien qiegħed iwettaq fi spirtu u aġir xejn wisq demokratiku.  Jonathan Freedland, f’artiklu li deher is-Sibt li għadda f’The Guardian jiddibatti dan, u jibda billi jistaqsi: “How do you drain the political life from the brand of nationalist-populist leader that has dominated politics across the democratic world in recent times?  Iktar u iktar meta politiċi bħal dawn jippruvaw ipinġu ruħhom vittmi tas-sistema.  Anzi, aħjar hekk: “that he is a victim of liberal prosecutors and an illegitimate system; thathis legal woes are, in fact, a deep-state, elitist coup against him, the tribune of the people.”  (li huwa vittma ta’ prosekuturi liberali f’sistema illeġittima u li l-inkwiet legali tiegħu huwa fil-fatt minn rewwixta elitista kontra tiegħu, it-tribun u d-difensur tal-poplu.)

F’pajjiżna

7.    Għad għandna dawk li jieħdu l-lezzjonijiet il-ħżiena tal-istorja u jaħsbu li ladarba tiġi elett tista’ taġixxi kif trid u timita politiċi bħal dawn.  Li tista’ tmur kontra d-demokrazija u l-liġijiet li jsostnuha.  Il-Qrati tagħna għandhom il-poteri tagħhom, imma hemm ukoll żoni fejn hija l-politika stess li trid issolvi l-problemi.  Ħafna drabi mexxejja li jsiru, jew li jaqbdu t-toroq awtokratiċi jridu jkunu dawk ta’ madwarhom biex ineħħuhom u ma jħalluhomx ikomplu jagħmlu ħsara lis-sistema.  Kif jingħad tajjeb minn Freedland: “The courts can’t do it; even votes can’t always do it.  The power, and responsibility lies with those who acted as their enablers.  The grim truth is that, too often, the only people who can bring down these terrible men are the ones who put then there in the first place.”.  Proprju għax id-demokrazija hija l-gvern tal-liġijiet per eċċellenza li rridu nkomplu naħdmu sabiex nibqgħu stat demokratiku b’mexxejja li jobdu u josservaw il-liġijiet.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...