26.1.13

Ġustizzja Riparatriċi*




1.         Kull delitt jeħtieġ li jiġi kkastigat.  Il-ħsara li kull delitt jikkaġuna jeħtieġ tissewwa.  L-ordni fis-soċjetà jeħtieġ li jiġi ristabilit.  L-Istat għandu d-dmir li jfittex lil min wettaq id-delitt, jipproċessah fil-Qrati skond proċeduri ġusti u mbagħad jara li tiġi esegwita s-sentenza tal-Qorti li ġġudikatu.  Wieħed irid jistaqsi jekk dan huwiex biżżejjed.  Biżżejjed li l-ħati jintefa’ l-ħabs?  L-Istat għandu obbligu li jara x’ġara mill-vittma tad-delitt?  L-Istat għandu d-dmir li jara għaliex id-delinkwent żbalja u jgħinu jirripara l-ħsara, jirriforma ruħu u jerġa’ lura fil-komunità, bħala ċittadin li josserva l-liġijiet tal-pajjiż?

2.         Fl-antik, il-Ġustizzja Kriminali kienet immirata l-iktar lejn il-kastig.  Fi żminijiet primittivi, l-kastig kien jintalab mill-vittma jew minn niesu, iktar milli mill-Istat.  Parti mill-avvanz taċ-ċiviltà kien l-ewwel pass li l-komunità ma ħallietx il-vittma u lil niesu jfittxu l-ġustizzja, waħedhom.  Id-delitt jagħmel ħsara lil kulħadd.  Iktar ‘il quddiem, il-liġijiet bdew jagħżlu bejn il-kastig li jingħata mis-soċjetà, li għalhekk tmexxi kontra d-delinkwent, u r-riparazzjoni tal-ħsara lill-vittma, li tħalliet għall-vittma bħala azzjoni ċivili.  Terġa’, wasal iż-żmien ukoll meta fil-ħsieb tal-aħjar leġislaturi, il-kastig beda jitqies mhux biss bħala tpattija u bħala mezz biex ibeżża’ lil min ikun ittantat jikkommetti d-delitt, iżda wkoll bħala mezz ta’ riforma lid-delinkwent.

3.         Illum jidher ċar li mhux biżżejjed li l-Istat jikkastiga bil-ħabs jew bil-multa lil min jikkommetti delitt.  L-Istat jeħtieġ jindaħal iktar biex barra milli jipprovdi Korp tal-Pulizija biex iżomm l-ordni, u meta l-ordni tinkiser, jinvestiga lil min kiser l-ordni u jġibu/ha quddiem il-Qrati; Qrati li jipproċessaw lill-akkużati b’ġustizzja u bil-garanziji kollha tad-drittijiet ta’ kull persuna u ħabsijiet fejn dawk li jinstabu ħatja jservu ż-żmien tal-kundanna tagħhom.  L-Istat għandu jassigura wkoll li l-vittimi tad-delitt jirċievu kumpens mingħand id-delinkwent jew, f’ċerti każijiet meta dan ma jkunx possibbli, anki mill-Istat; li d-delinkwent jiġi mgħejjun jirriforma permezz ta’ ammissjoni tal-iżball tiegħu; isir ħlas ta’ kumpens lill-vittma u lill-Istat u jkollu riedukazzjoni biex jerġa’ għal ċittadin li josserva l-liġi.

4.         Hemm bżonn li pajjiżna jżid l-enfasi fuq ir-riparazzjoni, mingħajr ma jinsa l-element tal-kastig.  Riparazzjoni lill-vittmi tad-delitti, riparazzjoni lis-soċjetà, għaliex il-ksur tal-ordni jagħmel ħsara lis-soċjetà kollha kemm hi u kkaġuna spejjeż lill-Istat, fl-infieq fil-pulizija, fl-investigazzjoni, fil-Qrati, fil-ħabs.  Kull delitt, barra mill-ħsara soċjali, jikkaġuna wkoll ħsara ekonomika u finanzjarja.  Ekonomika għaliex l-iżvilupp ta’ pajjiżna jiddependi minn kemm ikun wieħed żgur, fejn wieħed jista’ jinvesti u fejn it-turista jista’ jżur mingħajr inkwiet.  Finanzjarja għaliex l-ispiża totali għaż-żamma tal-ordni, għall-investigazzjoni tar-reati, għall-Qrati li jipproċessaw lill-akkużati u għall-manutenzjoni tal-ħabs, hi qawwija ħafna.

5.         Il-kriminalità hi fenomenu kumpless ħafna.  Hemm sfida biex iżżomm id-delitti milli jsiru, hemm sfida ikbar biex tilqa’ għar-reċidiva għaliex proporzjon qawwi ta’ dawk li jagħmlu l-ewwel delitt, jirrepetuh.  Il-ħabs waħdu ma jġibx lil xi kriminali f’sensihom.  Il-ħabs kultant jista’ jkun ta’ xkiel għat-tiswija tal-ħsara.  Il-ħabsi, speċjalment żagħżugħ, waqt li jkun il-ħabs jista’ jiġi influwenzat mill-ftaħir ta’ kriminali oħrajn, u dan imur kontra l-proċess ta’ riforma.  Kull ħabsi, waqt li jkun miżmum ikkalzrat, ma jkunx f’pożizzjoni li jirripara għad-dannu.

6.         Għalhekk wieħed irid jiżen il-ħtieġa tal-kastig bil-ħabs, mal-ħtieġa l-oħra li l-ħabs jirripara billi jħallas lill-vittma l-kumpens, lis-soċjetà għar-riparazzjoni, lill-Istat l-ispiża.  Il-fatt li jkun il-ħabs jiskonta sentenza mhux riparazzjoni biżżejjed.  Biex verament jirriforma ruħu, d-delinkwent irid juri li fehem li żbalja, billi jħallas dejnu lill-vittma, lis-soċjetà u lill-Istat.  Il-politika ta’ Ġustizzja Riparatriċi tagħfas fuq dawn l-aspetti.  Għalhekk il-ħati jrid jara li jinfeda biss mhux billi sempliċement jiskonta l-piena, iżda billi jħallas id-dejn tiegħu lejn il-vittmi, lejn is-soċjetà, lejn il-pajjiż u lejh innifsu.  Bniedem li jikkommetti delitt jitlef ir-rispett tal-komunità, iżda wkoll tiegħu nnifsu.  Delinkwent jirriforma ruħu meta jifhem, barra milli jħallas.

7.         Hu importanti ħafna fil-battalja kontra l-kriminalità li kull remissjoni u maħfra, kull konċessjoni ta’ libertà, tkun immirata u marbuta mar-riparazzjoni, mar-riforma, u ma’ bidla ta’ atteġġjament.  Ir-remissjoni li tingħata l-ħabs, l-għoti tal-Parole, li bi ħsiebna nintroduċu, l-istess maħfra presidenzjali, ma għandhomx ikunu konċessjonijiet mingħajr l-iskop ta’ kumpens, riparazzjoni u riforma.

8.         Kemm ir-remissjoni, li sallum kienet biss kondizzjonata għall-imġieba tajba fil-ħabs, kemm l-għoti tal-Parole, kif ukoll il-maħfra, tkun xi tkun ir-raġuni, jeħtieġ li jkunu marbuta u kkondizzjonati bir-riparazzjoni tad-dannu kif ukoll bit-turija ta’ bidla fl-atteġġjament lejn iż-żamma tal-ordni.  L-Istat irid jiżgura li d-delinkwent jirripara u jirriforma.  Il-miżuri u proċeduri ġodda li qegħdin insemmu fil-White Paper huma miżuri ta’ soċjetà serja.  Soċjetà li tiżgura li kulħadd iħallas ta’ għemilu u li l-ħtijiet jinħafru meta tkun saret ir-riparazzjoni sħiħa.

* Dan l-artikolu deher fil-15 ta Marzu 2009.

No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...