20.1.13

Grazzi Eċċellenza *


                                                          
1.         Din il-ġimgħa, l-Isqof Emeritu Nikol Gużeppi Cauchi għadda għall-ħajja ta’ dejjem.  Inġabar lura mal-Missier li ħalaqna lkoll u ngħata l-aħħar tislima nhar l-Erbgħa wara nofsinhar. Mingħajr ma ridt, ħassejt li għandi nagħtih tislima jien ukoll.  Dan il-bniedem, mimli b’tant doni u enerġija, kien irnexxielu jġib warajh il-poplu Għawdxi.  Tmur fejn tmur f’dik il-gżira, ħlief tifħir għalih u għal ħidmietu, ma kontx issib.

2.         Niftakar li ta’ tifel kont irreġistrajt f’moħħi li fl-20 ta’ Lulju 1972 kien laħaq Isqof saċerdot li kien intelliġenti, studja l-filosofija u s-soċjoloġija u li kien ċar li kien ser jimmarka differenza.  Mal-Isqof Nikol Cauchi qatt ma kelli x-xorti li nitkellem.  Rajtu biss preżenti numru ta’ drabi fl-okkażjonijiet importanti li b’xi mod ħaduni Għawdex, però smajtu diversi drabi.  L-intervisti kontinwi, ġimgħa wara ġimgħa fuq l-istazzjon RTK, kont insib il-ħin biex insegwihom.

3.         Ammirajt dejjem l-abbiltà tiegħu fl-użu ta’ dan il-mezz ta’ komunikazzjoni, kif ukoll dik li permezz tagħha kien kapaċi jwassal il-messaġġ tiegħu.  Avolja għal xi wħud seta’ jidher li kien vuċi tal-passat għax imwieled fl-1929, fir-realtà kien kompletament differenti.  Differenti għax kellu l-għarfien li r-radju kien strument li permezz tiegħu seta’ jżomm kuntatt u fl-istess ħin iwassal il-linja tiegħu.  Iktar minn dak kellu l-ħila li jitkellem f’lingwaġġ ċar, dirett u sempliċi.  Kien jaf jispjega dak li huwa kkumplikat mingħajr intoppi.

4.         F’dak il-programm, li kont nisma’ l-Ħadd filgħaxija fir-ripetizzjoni tiegħu, kien joħroġ dejjem f’dak li kien: bniedem umli, iffurmat tajjeb u li qara ħafna.  Kull telefonata li ssirlu kien iwieġibha bi ħlewwa li ftit persuni rajt kapaċi jkollhom.  Kien jisma’ lil kulħadd u kien kapaċi jiddjaloga ma’ dak li jkun mingħajr ebda tfixkil jew kumplikazzjoni.  Min iċempel, hu x’inhu s-suġġett, kien iwieġbu lura, mingħajr xi forma ta’ superjorità intellettwali u dirett għall-punt.  Min kien ikun fuq in-naħa l-oħra kont tisimgħu sodisfatt li ġiet mogħtija lilu l-spjegazzjoni mixtieqa minnu.

5.         Mhux darba jew tnejn kont nirrifletti fuq dak li kien jgħid.  Jiftaħlek l-orizzonti ta’ ideat u jindikalek fejn għandek tħabbat għal iktar għerf.  Anzi, kien jiskantani f’din il-paċenzja u abbiltà li jifhem u jittrasmetti l-ideat.  Ma’ dan kont inżomm quddiem għajnejja s-sehem tiegħu, flimkien mal-Isqof Emeritu Ġużeppi Mercieca, fil-mumenti diffiċli li l-Knisja għaddiet minnhom f’dawn il-gżejjer.  F’dawk il-jiem, meta l-attakk lejn il-Knisja Kattolika u l-iskejjel li kienet qegħda tmexxi kien verament qawwi u perikoluż, hu baqa’ jżomm il-kalma, jidderiġi n-nies warajh.

6.         Esternament kien jidher li hu kwiet u mingħajr għaġna soda, però meta kont tarah, jew tisimgħu, jew taqrah kont issib preċiż il-kontra.  Il-ħsieb kien jimxi pass pass mal-azzjoni, b’pinna verament tajba għad-disposizzjoni tas-sewwa.  Id-diversi artikoli tiegħu, l-ewwel fil-“Leħen is-Sewwa” li kien jidher għal żmien twil, Sibt wara Sibt, u wara fil-ġurnali lokali, speċjalment fit-“Times of Malta” kienu jitolbu riflessjoni aktar u aqwa.  Kull kelma kienet tidħol f’postha hemm u ma kienx ikollu nuqqasijiet fil-linja tal-loġika u r-raġuni.

7.         It-tluq tiegħu minn magħna ser inħossuh.  Iktar u iktar meta kien irnexxielu jibqa’ vuċi ħajja, mingħajr ma kellu l-bżonn li b’xi mod jibdel lilu nnifsu meta għadda t-tmun tad-Djoċesi f’idejn l-Isqof Mario Grech.  Kien baqa’ jagħti sehmu b’mod mill-iktar normali u naturali.  Mingħajr ma jidħol fin-nofs, imma jservi ta’ forċina.  Hu li kien ta’ tant servizz, ma qagħadx lura imma baqa’ għaddej, jaħdem u jistinka.  Il-poplu Għawdxi ser iħoss sew din it-telfa.  L-istess aħna.

* Dan l-artikolu deher fl-Illum – 21 ta’ Novembru 2010

No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...