16.1.13

X’ħasra




1.         Fix-xoljiment tal-Parlament il-mozzjonijiet, u għalhekk l-abbozzi ta’ liġijiet li jkun hemm pendenti, jaqgħu.  Jistgħu jerġgħu jinġiebu ‘l quddiem f’leġislatura oħra u mil-lista ta’ abbozzi li kien għad hemm ikun tajjeb jekk numru minnhom jerġgħu jitressqu.  Sar ħafna xogħol u kienet verament ħasra u sfortuna li ħajjet il-Parlament ikkumplikat ruħha tant.  Bħala ministru għaddejt kwantità kbira ta’ liġijiet, però minħabba dak li ġara, ħallejt warajja ħames abbozzi li minnhom wieħed wasal fil-port.  Xtaqt li kkonkludejthom.  Fihom hemm l-isforzi ta’ snin ta’ ħidma.

2.         Illum nagħraf iktar l-importanza ta’ dak li kont ħdimt fuqu u fl-istess ħin fil-bżonn li dawn ma jiġux abbandunati.  Ngħid dan proprju għax settur li jimmerita ħafna attenzjoni mil-leġislatur futur huwa dak marbut ma’ kif tikkonkludi, malajr kemm jista’ jkun, id-danni fuq il-persuna.  Fl-analiżi li kont nagħmel regolarment bħala Ministru tal-Ġustizzja kont nidentifika setturi li kienu qed jeħlu fil-Qorti.  Kien deherli li dmiri kien li nipprepara emendi f’żewġ direzzjonijiet: dawk ġenerali applikabbli għal kull kawża u dawk speċjali, jiġifieri skont il-materja legali.

3.         Minn dak li hemm fil-Qorti għandek kwantità ta’ kawżi pendenti marbuta ma’ danni fuq il-persuna ġejjin minn inċidenti industrijali u tat-traffiku.  Bħala linja ġenerali, sforz l-emendi varji li ntroduċejt, dawn naqsu però xorta ħassejt u għadni nħoss li huwa vitali li l-kumpens, il-ħlas tad-dannu, jsir malajr.  Dan għal raġunijiet varji.  Il-bżonn tal-ħajja u li tagħlaq il-kwistjoni internament huma fosthom.  Għalhekk għamilna studju sħiħ u ppreparajna abbozz ta’ liġi li huwa avvanzat u verament tajjeb li kien wasal fi stadju ta’ kumitat.

4.         Għamilna konsultazzjoni wiesgħa mas-setturi kollha mediċi u legali.  Irnexxielna nikkonkludu bi proposti li jagħmlu l-ħajja ta’ kull min ikun involut aħjar.  Emendi li jġibu ċertezza u veloċità qawwija ferm biex tikkonkludi l-kumpens li tagħtik il-liġi.  Għalhekk daħħalna persentaġġi iktar ċari fuq id-diżabilità, id-danni pekunjarji u danni ulterjuri għal dawk li anke wara operazzjoni inizjali jkollhom jidħlu għal interventi oħrajn.  Għamilna avvanzi kbar u ċċarajna ħafna mid-diffikultajiet legali li kienu qed iqumu fil-Qorti.

5.         Sfortunatament dan il-proġett ma sarx liġi għax, l-ewwel, l-Oppożizzjoni żammitu lura; u t-tieni, ma bqajtx ministru.  Hija ħasra li riforma tant neċessarja ma ssirx għal raġunijiet li lkoll nafu bihom.  Kieku għaddejna b’forsi iktar irfinituri fi stadju ta’ kumitat, kieku erġajna naqqasna drastikament mid-dewmien tal-kawżi.  Dan nista’ ngħidu iktar u iktar li jiena rġajt lura fil-Qorti nisma’, nara u nirrappreżenta.  Proprju din il-ġimgħa, f’kawża ta’ danni, ħassejt dan iktar.

6.         Kieku daħlu dawn l-emendi, kieku din il-kawża anqas ma kien ikun hemm bżonnha.  Persuna fost oħrajn qegħda tbati inutilment minħabba r-ras iebsa ta’ ħaddieħor.  Ftakart f’dan kollu iktar u iktar meta l-espert mediku f’din il-kawża rrefera proprju għad-direzzjonijiet tal-abbozz u segwihom, għax jaf li huma tajba.  Nistqarr magħkom li fil-bidu ġieni lura l-imrar li dan l-abbozz, għall-kapriċċ, ma sarx liġi.  Biss, fuq in-naħa l-oħra, kelli s-sodisfazzjon li kont u għadni fit-triq it-tajba.  Hija ħasra li ma kkonkludejnihiex, però nittama li l-poplu jagħraf iktar min iridlu l-ġid u min għamel ir-riformi li kienu neċessarji.

No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...