21.1.13

X’Politika Hija Din?


1.            Għaddejna diġà t-tieni ġimgħa ta’ din il-kampanja elettorali u qisu ma nistgħux navvanzaw iktar ‘il quddiem sabiex nippruvaw nifhmu x’sewwasew huma u xi jrid iwettaq verament il-Partit Laburista.  Ilna ħames snin inħarsu ‘l quddiem lejn art destinata li għaliha ridna nkunu l-ħin kollu preparati għal ċaqliq qawwi tagħha taħtna.  Dejjem ġejja t-tweġiba fuq diversi punti.  Issa l-poplu, bi dritt, qiegħed jistaqsi.  Irid ikun jaf x’sewwasew għadu jirrappreżenta l-partit fl-Oppożizzjoni.  X’inhuma verament il-valuri tiegħu.  Għadhom dawk passati, jew ġew issa mtajra?  Huwa minnu li għall-ewwel darba tul din il-kampanja (tant li widnejna kienu ser jaqgħu), il-Kap tal-Oppożizzjoni semma, u mhux tkellem, dwar il-ġustizzja soċjali.

2.            Qalha biex jikkuntenta lil dawk li għadhom fuq ix-xellug żbaljat tal-Partit Laburista.  Għax ma hemmx dubju li tul dawn il-ħames snin, fin-nuqqas ta’ formazzjoni politika tal-mexxej, il-partit jidher li ċċaqlaq lejn il-lemin tiegħu waħda u sew.  Il-pożizzjoni li partit għandu jkollu dejjem, jekk irid iħares ‘il quddiem, hija dik fiċ-ċentru.  Biss, huwa evidenti għall-aħħar li la hemm bidu u anqas tmiem f’dak li issa jemmen il-Partit Laburista.  Pożizzjoni mill-iktar stramba.  Huwa ċar li, meta partit jitlef kompletament id-direzzjoni ideoloġika tiegħu, jitlef triqtu.  Dan ifisser li jispiċċa jwettaq dak li m’għandux, proprju għax mill-bidunett m’għandux idea fejn irid imur.

3.            Preżentement hemm politika mmarkata mis-suq tal-opinjonijiet.  Jekk xi ħadd għandu opinjoni mod u jiddikjaraha fil-pubbliku, b’insistenza jsib min jibda jaħseb: l-ewwel, li dik hija s-sewwa u t-tieni, li hemm maġġoranza tal-pajjiż li tridha.  Bdiet dieħla dittatura perikoluża u anti-demokratika.  Waħda li tibbaża lilha nfisha fuq il-vantaġġ li taħtaf xi ġurnalist li jsostniha biex forsi, fl-aħħar, tieħu l-importanza.  L-agħar mhux tant din l-imġieba, li wieħed jifhimha, iżda li ssib lil min huwa daqshekk ‘il bogħod mill-poplu li jaċċettaha bħala parti mill-programm elettorali tiegħu u jiddikjaraha b’konvinzjoni b’mod li tinduna kemm m’huwiex preparat tajjeb għall-kariga li qed jaspira għaliha.  Hemm maġġoranza kbira fil-pajjiż li dan kollu qed idejqu, u sew.

4.            Il-poplu huwa wieħed tolleranti, moderat, li jħares ‘il quddiem u fuq dan m’hemmx dubju.  Biss, jidher ċar daqs il-kristall li hemm min qiegħed jinjora li l-maġġoranza tal-elettorat tippretendi li l-politiċi tagħha jkunu ta’ sustanza u jimxu fuq il-valuri nsara.  Meta hemm min jipprova jwettaq il-politika u jinjora dan il-fatt ikun qiegħed jibgħat messaġġi żbaljati.  Għax huwa żgur inaċċettabbli li wieħed jipprova jorbot ruħu ma’ pożizzjonijiet li ma jkunux kapaċi jiddixxernu ż-żminijiet, però daqshekk ieħor dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt u jiżżuffjettaw bihom.  Hemm maġġoranza kattolika fil-pajjiż li timmilita fiż-żewġ partiti li, għal darb’oħra, qegħda timmarka r-reżistenza u l-oġġezzjoni tagħha.

5.            Il-politika hija strument sabiex twettaq il-ġid lill-proxxmu, kif issir għan għaliha nfisha.  Kif ikollha min jiddikjara li l-għan jiġġustifika l-mezz użat biex jikseb il-poter, allura titlef kollox.  Titlef l-iskop u l-valur veru tal-organizzazzjoni tal-bnedmin fis-soċjetà.  L-istabilità, il-paċi, il-ġustizzja huma kollha dipendenti fuq il-pedament tal-valuri nsara.  Id-demokrazija hija s-sistema li nbniet fuq dawn il-valuri.  Iktar ma tersaq lejhom, iktar ma tifhem l-ispirtu veru tagħhom iktar ikollok soċjetà soda.  Mingħajr il-valuri nsara sodi, ebda soċjetà m’hija kapaċi ssostni lilha nfisha kontra l-kurrenti li jkunu ġejjin għal ma’ wiċċha minn kull lok jew livell.

6.            L-għarfien politiku ta’ dan huwa neċessarju sabiex wieħed iżomm ruħu fuq it-triq it-tajba, għalkemm mhux neċessarjament biex jogħġob lil kull persuna.  Biss, min jimxi bid-diffikultajiet u kontra diversi kurrenti fuq dik it-triq ikollu, f’kull ħin, is-sodisfazzjon li għamel is-sewwa għall-oħrajn.  Ngħid iktar dan għax huwa ċar ħafna li hemm attentat fi ħdan is-soċjetà minn xi wħud sabiex il-politika ssir mingħajr ebda forma ta’ prinċipju.  Issir fuq dak li taħseb li jaqbillek f’dak il-ħin u dan iwassal għall-ħmerijiet.  Għalkemm hemm min jinjora dan kollu, l-esperjenza politika turik li l-elettorat ta’ dawn il-gżejjer m’huwiex lest li jinsa u ma jikkunsidrax dawn il-prinċipji.  Il-vot tal-kunsens tagħhom imur fuq il-partit li jirrappreżenta verament is-sewwa u li ma jibżax jiddikjara b’mod ċar li huwa mmexxi mill-valuri nsara.

No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...