27.1.13

Id-dritt tal-espressjoni *




1.         Id-dinja llum għandha wisq kuntrasti bejn dik li hija l-verità u dik li l-mezzi tax-xandir jirrappurtaw li hija.  Għad hawn wisq bnedmin li jaħsbu li l-poplu tilef l-abbiltà sħiħa tiegħu li jgħarbel il-fatti sewwa.  Il-kunċett jitwieled mill-ħsieb li hemm xi dritt li tgħid tant li trid li tista’ taħrab dak li huma l-punti prinċipali.  Ġudizzji żbaljati l-ħin kollu jitwieldu b’min jikteb l-aħbar isib ruħu l-ħin kollu maħkum minn dak li qal ħaddieħor.  Ma għandux l-opportunità u ħafna drabi anqas biss ħeġġa sabiex iħaddem il-fakultajiet u t-talenti li għandu u jispiċċa jibbaża ruħu fuq dak li anqas biss ikkunsidra sewwa huwa stess.

2.         Min ma jaqbilx li d-demokrazija hija bażata fuq il-libertà tal-espressjoni, fuq id-dritt li tikteb u tagħti l-ħsibijiet tiegħek fil-miftuħ?  Biss, wieħed jinnota li hemm min qiegħed jaħseb li għandu xi poter jew li jabbuża fl-użu tiegħu jew li jikkontrolla l-opinjoni ta’ ħaddieħor.  Sfortunatament hemm abbuż kontinwu minn persuni li jimmaġinaw li għandhom l-libertà li jiddisprezzaw inutilment lil min ma jaqbilx magħhom.  Flok jidħlu għal proċess ta’ djalogu serju fejn in-naħat jesprimu l-ideat u kull parti tgħarbel dak li jkun qed jingħad, issa għandna min irid jirbaħ l-argument billi jċekknek fix-xejn.  Persuni li ħafna drabi naraw li jsibu lilhom infushom immexxija minn dak li qal ħaddieħor u ma jaħsbux huma stess.

3.         Dan m’huwiex xi fenomenu limitat għall-gżejjer tagħna, iżda huwa mifrux mad-dinja.  Il-verità, numru ta’ drabi, f’dan tigi reġistrata mal-fatt li numru ta’ pajjiżi għad għandhom persuni fi ħdanhom li ma fehmux li d-demokrazija mhix xi sempliċi alternattiva għal sistemi oħra.  Id-demokrazija, speċjalment wara l-aħħar Gwerra Dinjija, ħarġet bħala l-unika sistema li tista’ taħdem u tagħti l-aħjar lill-bnedmin.  Fiha d-dinjità umana tista’ tiġi verament protetta u fiha t-talenti ta’ kull persuna jistgħu jiġu żviluppati.  Ma hemmx mekkaniżmi oħrajn: id-demokrazija biss hija tajba.  Biss biex taħdem kif għandha, trid mhux biss tiġi mħarsa imma titlob li jkun hemm kultura demokratika kostanti.  M’huwiex biżżejjed, kif kien jaħseb Montesquieu, li tibda għax waħdeha tkompli – trid tiġi sostnuta l-ħin kollu.

4.         F’dan l-iżvilupp tal-umanità, l-istrutturi demokratiċi ma mxewx 'il quddiem għax kienu mibnija fuq il-liġi biss, imma ddependew fuq il-prinċipji etiċi li kienu qed isawruhom.  Il-kultura nisranija ma ħallietx id-demokrazija kif kienet ġiet konċepita u mfissra  mill-filosofi Griegi Platun u Aristotile, iżda tagħtiha valur ferm iktar qawwi milli kellha.  Il-kunċett sħiħ tal-istrutturi demokratiċi fl-Ewropa llum mexa proprju minħabba dan il-kontribut u dawn l-għeruq.  Dak li llum huwa aċċettat bħala parti sħiħa tad-demokrazija twieled u kiber proprju minħabba dak li l-prinċipji Nsara taw.

5.         Biss dan il-punt m’huwiex rikonoxxut mill-ħsieb sħiħ modern.  Għalhekk illum qed nassistu għal pożizzjonijiet fejn il-Knisja Kattolika stess, li kkontribwiet attivament għad-demokrazija li għandna, qed issib li l-vuċi tagħha mhix tollerata.  Wasalna fil-punt fejn irid jerġa’ jibda jsir kollox mill-ġdid.  Kull ma jingħad mill-Papa Benedittu XVI jrid jiġi kkritikat b’tant ostilità li jrid jikkumbatti ferm iktar minn ħaddieħor sabiex ikun jista’ jitkellem.  Dawk li wirtuha lesta, mingħajr ma ssieltu għaliha din id-demokrazija qed iġibu rwieħhom b’aġir anti-demokratiku u xejn miftuħ għall-ħsieb.  Ma hemmx suġġett wieħed li jiġi għalihom li almenu jkolhom id-deċenza jippruvaw jifhmu.

6.         Id-dibattitu wieħed jinnota li fil-konfront ta’ dak li temmen Knisja Kattolika qiegħed jiddeġenera f’tgħajjir u disprezz inutili.  Dan huwa żball għax ebda demokrazija ma tista’ tkun li hija tali jekk ma tirrispettax il-proċess lejn il-kisba tal-verità.  Jekk ma hemmx min hu lest li jara dak li qed jingħad mill-vuċi tal-Papa Benedittu XVI, jeżaminah u jidħol fir-raġunijiet li jwassluh lejn l-opinjoni tiegħu jkun qiegħed jiżbalja.  Huwa aġir kontra s-servizz li jitlob stat demokratiku.  Huwa fir-realtà aġir li jmur dijametrikament il-kontra tas-sustanza tad-dritt tal-espressjoni.  Hemm numru ta’ persuni li daħħlu lilhom infushom fil-moda li ma għandekx għalfejn tara dak li qed tgħid il-Knisja għax hija organu ta’ ħsieb tant anzjana li ma għandha tiġi kkunsidrata xejn.

7.         Is-soċjetà moderna tagħna tiżbalja meta tiċħad lilha nnifisha mill-abbiltà li tħares sew l-argumenti qabel tiddeċiedi taqbilx jew le.  Ħadd ma jippretendi li kull persuna għandu jkollha l-istess opinjonijiet fuq kollox, imma li żżomm lill-poplu milli jidħol fil-fond huwa żbaljat.  Ir-realtà li qegħda tiżviluppa titlob però li wieħed jidħol iktar fil-fond fuq in-naħa l-oħra.  Iż-żmien qiegħed jindika li dak li qabel kien aċċettat, illum m’għadux.  Għalhekk ir-rilevanza tal-messaġġ Nisrani qiegħed jitlob iktar minn qatt qabel li wieħed jidħol fi proċess li bih jintwera li hemm loġika, hemm użu tar-raġuni f’dak li jingħad mill-Knisja Kattolika.  Huma għalija partijiet vitali tad-demokrazija tagħna li tibqa’ ħajja, tant li terġa’ tara mill-ġdid u tifhem.  Il-pedamenti tas-sistema hemm qegħdin u jkun żball jekk jintilfu.

* Dan l-artikolu deher fil-Mument fit-20 ta Marzu 2009

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...