9.1.13

Att mill-iktar ġeneruż




1.         Fid-dinja ta’ llum, il-mużewijiet miftuħa għall-pubbliku ma baqgħux sempliċi post fejn hemm espożizzjoni ta’ oġġetti li twieldu minn żmien ieħor.  Mhux kull mużew huwa l-istess.  Hemm dawk li għandhom abbundanza ta’ oġġetti għad-disposizzjoni tal-pubbliku, u oħrajn li huma limitati għal settur partikolari.  Iż-żmien sarraf sabiex għandna għarfien ferm ikbar ta’ dak li hemm li jista’ jintwera kif ukoll l-interess tal-pubbliku, ta’ dak li jiġi jarahom.  Żviluppat arti sħiħa ta’ kif u b’liema manjiera għandek tipproġetta mużew fis-suq tal-mużewijiet.

2.         Il-poplu Ewropew, dak li huwa orjentat kulturalment, jagħżel qabel isiefer għall-mistrieħ f’dik l-attività umana tant sabiħa, li jieħu inkonsiderazzjoni kemm hemm u x’livell huma l-mużewijiet ta’ poplu.  Jekk hemm oġġetti eċċezzjonali jew jekk hemm espożizzjoni tajba ħafna ta’ oġġetti normali dawn jidħlu fl-inkwadratura.  Il-bniedem, fil-mument ta’ ħsieb ifittex li jsib dak li jistimulah.  Dak li jħallih jaħseb u jirrifletti fuq ħajtu, fuq l-għeruq tiegħu, f’dak li sar minn ta’ qablu u kif wasal hu fihom.

3.         Għalhekk pajjiżna daħal huwa wkoll, l-ewwel, f’din il-kompetizzjoni ma’ Stati oħra għal-livell ta’ mużewijiet; it-tieni, li huwa wkoll irid jara li minn dak li għandu jipprovdi l-aħjar lill-persuni li jiġu f’pajjiżna.  Dan ifisser li aħna għandna fuqna l-piż li dak li għandna fil-mużewijiet tagħna, l-ewwel, jiġi aktar għad-dawl tax-xemx, u t-tieni, dawn jiġu esposti b’moħħ li jħares lejn dak li għandhom oħrajn.  Fil-verità dan l-eżerċizzju mhuwiex faċli, però qiegħed isir iktar bżonnjuż.  Ngħid dan għax hemm kontinwament realtà li qegħda tikber li għandna nkomplu nwieġbu għaliha.

4.         Fil-fatt, taqra ġurnali u gazzetti barranin issib lilek innifsek tara, l-ewwel, il-kwantità ta’ mużewijiet li qed jiġu restawrati u modernizzati, kif ukoll in-numru dejjem iktar li qed jitwieldu.  It-tieni, timpressjoni ruħek bil-kwantità ta’ wirjiet speċjalizzati li l-ħin kollu ħerġin minn persuni li llum saru esperti.  Dan fih innifsu huwa fatt interessanti fl-iżvilupp ta’ l-umanità.  Il-bniedem mhux biss kien u għadu kapaċi jipproduċi biċċiet ta’ arti nkredibbli, imma huwa abbli kif jesponihom.

5.         Aħna stess, f’pajjiżna għadna ma nindunawx kemm għandna għad-disposizzjoni tagħna mużewijiet u oġġetti ta’ l-arti verament sbieħ.  Mhux biss dan, però anqas nindunaw kemm dan il-patrimonju qiegħed il-ħin kollu jikber bi proċess kontinwu ta’ trasferimenti minn kollezzjonijiet privati għal dawk pubbliċi.  Apprezzajt mhux naqra l-ġest ta’ Alla jtiħ il-Ġenna, Dr Jimmy Farrugia u martu, li għaddew il-kollezzjoni ta’ l-arti u l-fidda li huma kienu ġabru matul is-snin.

6.         Ġest mill-iktar ġeneruż li ftit forsi għadhom apprezzaw.  Jien, imma, kelli x-xorti li niġi muri oġġett, oġġett minnu meta jum minnhom stieden lil marti u lili d-dar għandu.  Kull biċċa kienet għal qalbu.  Kull waħda kellha l-istorja partikolari tagħha.  Għad għandi tidwi f’rasi l-vuċi tipika tiegħu, tagħtini l-ispjegazzjoni dettaljata.  Ħadt għalhekk iktar minn pjaċir nara li din il-kollezzjoni għaddiet f’idejn il-Mużew tal-Katidral fl-Imdina.

7.         Hemm għandna issa mużew li mhuwiex ta’ l-Istat, li fortunatament huwa miftuħ għall-pubbliku li għandu diversi oġġetti ta’ l-arti ta’ interess kbir.  L-aħħar darba li dħalt fih akkumpanjajt lill-Prim Ministru Grieg Kostas Karamalnis u ndikajtlu l-kollezzjoni unika li għandu dan il-mużew ta’ Albert Durer.  Din l-għotja ser tkabbar ħafna l-prestiġju tal-mużew u tagħti lilna bħala poplu iktar biex niftaħru u nħajru lil min jiġi għandna.  Nagħtu ħajr ta’ dan l-att verament ġeneruż għax permezz tiegħu pajjiżna kiber fil-valur kulturali li jegħleb dawk ta’ oħrajn.

No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...