26.1.13

L-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja*




1.       Matul ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju tal-2005 l-Parlament iddiskuta u approva liġi ġdida li permezz tagħha daħal fil-liġi tagħna l-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja.  Din kienet l-ewwel darba li fil-Kodiċi Ċivili tagħna ser jiġi regolat b’mod ċar u b’ferm inqas diffikultà kif għandu jaħdem dan il-kuntratt.  Dan qed ngħidu għax, sfortunatament, kif kienet qabel il-liġi kien hemm diffikultajiet kbar.  Niftakarni ta’ student l-Università naħseb f’kemm kienet stramba li attività legali bħal din, użata minn ħafna Maltin, baqgħet barra mill-kotba tal-liġi tagħna.

2.       Id-diffikultajiet kibru f’dawn l-aħħar għoxrin sena għax żdiedet il-popolazzjoni u l-użu ta’ dan il-kuntratt.  Iżda tnejn jibqgħu prinċipali.  Dawn huma, l-ewwel, mal-fatt li ma kienx ċar jekk dan il-kuntratt kellux jiġi regolat mir-regoli tal-liġi suċċessorja inkella minn dawk kontrattwali, u t-tieni, billi ma kellna ebda regola, kien hemm dubju kbir fuq x’seta’ jingħad u jiġi miftiehem fil-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja.  Dawn iż-żewġ punti ħabbtu diversi drabi l-Qrati tagħna u mhux l-ewwel darba li armla spiċċat f’kawża, b’iktar inkwiet, flok tgawdi mis-sagrifiċċji ta’ żewġha.

3.       Kien hemm il-bżonn qawwi ta’ din il-liġi, illum aktar mill-bieraħ, għal raġuni oħra.  Bid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea, il-Maltin jistgħu jixtru tipi differenti ta’ poloz ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja minn pajjiżi oħra li ma setgħux jagħmlu hawn.  Dan fisser, l-ewwel, telf ta’ flus u, t-tieni, telf ta’ xogħol mis-suq tagħna.  Għalhekk kien hemm tliet raġunijiet importanti għad-dħul ta’ din il-liġi, l-ewwel, dik purament legali, it-tieni, dik soċjali u, t-tielet, dik finanzjarja.  Illum li għaddiet il-liġi, pajjiżna qiegħed anzi f’pożizzjoni li jikkompeti ma’ ħaddieħor u jiġbed xogħol ieħor hawn.

4.       F’din il-liġi qegħdin issa nippermettu poloz ta’ assigurazzjoni differenti.  Ħaddiem jista’ jassigura l-ħajja ta’ min iħaddmu u l-istess il-kontra.  Żewġ min-nies fin-negozju jew li jiddependu minn xulxin fil-ħajja ekonomika jew soċjali tagħhom jistgħu issa jassiguraw il-ħajja ta’ xulxin għat-telf li jistgħu jsofru mill-mewt tal-parti l-oħra.  Mhux biss, iżda introduċejna kuntratti fejn il-miżżewġin jistgħu jagħżlu li jekk parti tiġi nieqsa, il-parti l-oħra tista’ jew titħallas jew inkella tkompli għaddejja bil-kuntratt.  Ħadna ħsieb ukoll sistema aħjar ta’ kif wieħed jista’ jirhan polza ta’ assigurazzjoni.

5.       Il-liġi fiha ferm iktar minn dan.  Tajjeb li, min għandu polza ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja jew jinteressah jidħol f’kuntratt, jieħu parir legali.  Hemm ħafna vantaġġi fuq kif kienet is-sitwazzjoni qabel li qegħdin issa għad-disposizzjoni tal-poplu tagħna.  Tajjeb li l-poplu jistaqsi u tajjeb iktar li l-kumpaniji ta’ assigurazzjoni jieħdu ħsieb jinfurmaw.  Pajjiżna llum huwa wieħed modern, demokratiku u Ewropew u jixraqlu l-aħjar liġijiet.  Dan aħna determinati li nwettqu.

Dan l-artikolu deher fin-Nazzjon fl-1 ta Awissu 2005.

No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...