26.1.13

It-tibdil li qed isir fil-Qrati *



1.         Ninnota li għalkemm issa dħalna fil-ħdax-il pass fir-riforma u l-bidla tas-sistema u kultura legali, ftit mill-poplu qed isegwi x’qed jiġri.  Għalhekk ħassejt li għandi nikteb dan l-artikolu sabiex f’kemm jista’ jkun fil-qosor nispjega wħud mill-linji li mexxewna ’l quddiem.

2.         Mingħajr ma ħafna fehmu, s-sistema legali ilha fi kriżi.  Kriżi li ġejja mill-fatt li l-poplu jħoss li hemm wisq dewmien u telf ta’ spejjeż u ħin prezzjuż, li dan qiegħed jaqta’ qalbu mill-Qorti.  Iċ-ċittadini tagħna, f’dawn iż-żminijiet ma għadhomx jissaportu li jidħlu u jafdaw ħajjithom, ġidhom fi proċess fejn taf biss meta bdejt iżda ma tafx meta ser tispiċċa.

3.         L-effett ta’ kawżi li jdumu snin twal u ma hemmx li jinqatgħu qiegħed jidher fid-diskors negattiv tal-pajjiż.  Kliem bħal: “Idħol il-Qorti jekk ikollok tort” iweġġgħek, iżda huwa r-realtà.  Din hija sfortuna kbira meta tikkonsidra li din hija l-professjoni li għandha fi ħdanha l-loġika u r-raġuni, u minflok tidher il-kontra.

4.         Tidher hekk għal diversi raġunijiet.  L-ewwel fosthom hija li ħafna drabi nsibu li proċeduri sempliċi jispiċċaw komplikati.  Komplikati għaliex kien hemm numru ta’ kwistjonijiet li tgħabbew fuq is-sistema meta setgħu jsiru minn ħaddieħor jew mingħajr il-bżonn ta’ kawża.

5.       Barra minn dan, il-Qorti ġiet stabbilita bħala l-bidu u t-tmiem ta’ kollox.  Jekk ma taqbilx ma’ xi ħadd, l-ewwel ħaġa li tiġi f’rasek hija li tagħmel kawża.  Tidħol fi proċess ta’ konfrontazzjoni li kawża l-Qorti tagħtik.  Ftit drabi wieħed jipprova jwassal lill-partijiet sabiex jiftehmu jew jasal b’toroq oħra bħal dawk li arbitraġġ jaf jagħti.


6.       Ma’ dan, wieħed irid jgħid li s-sistema hija li kawża ssir f’differimenti varji darba kull tliet xhur u titkaxkar.  Ma hemmx biżżejjed is-sentiment li din għandha tinbeda’ u tinħeles.  Qisu ħadd ma jista’ jgħaġġel, anzi meta jkun hemm min jipprova jagħmel dan, is-sistema tara kif twaqqfu.

7.         F’dan kollu l-poplu, li għandu dritt li jkollu Qrati tajbin, effiċjenti u veloċi, jsib il-kontra.  Minflok huwa jidħol f’toroq, drabi wkoll sqaqien, li fihom jitlef ħafna ħin.  Ħin sabiex imur għand l-avukat u ħin fil-kurituri tal-Qorti jistenna li l-kawża tiegħu ssir.  Dan ifisser telf ta’ spejjeż.  Dan għax, l-ewwel, il-kawżi jiswew il-flus u ħadd ma jippretendi li jsiru b’xejn, u t-tieni, għax il-ħin li wieħed jiddedika l-Qorti huwa meħud mix-xogħol tiegħu.

8.         Quddiem dawn il-problemi u f’din is-sitwazzjoni ħassejna li hemm bżonn li nidħlu għal numru ta’ miżuri li jibdew iħaffu mill-piż involut. F’din it-triq daħħalna mill-ewwel tliet miżuri importanti.  L-ewwel, żewġ ittri uffiċjali eżekuttivi, u t-tieni, l-issudar taċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ, u t-tielet, it-twaqqif taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni.  B’dawn il-miżuri rnexxielna nibdew proċess li jbiddel il-kultura legali.

9.         Dan sar għax bl-ittri uffiċjali eżekuttivi naqqasna l-ispejjeż inutili, neħħejna minn fuq ħoġor il-Qrati kwistjonijiet li ma għandhomx bżonn l-attenzjoni tal-ġudikanti u sibna mod iktar sempliċi u veloċi sabiex wieħed jieħu sentenza.  Dan qed ngħidu għax filwaqt li qabel kellek tippreżenta kawża, issa kull ma trid tagħmel hu  ittra uffiċjali u għalhekk ma hemmx bżonn tidħol il-Qorti u tistenna l-każ isir bid-dewmien kollu involut.  Barra minn dan, l-ispejjeż huma ta’ ittra uffiċjali u mhux ta’ kawża, jiġifieri tnaqqis kbir.

10.       Fiċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ bgħatna numru ta’ kawżi marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ kondominji u inċidenti tat-traffiku.  Għalhekk hawn il-kawżi qed isiru b’inqas spejjeż, b’inqas telf ta’ żmien u ferm iktar malajr.  Dan għax taħt iċ-Ċentru hemm ħin stabbilit u fiss li l-partijiet jafu meta ser ikun u mhux biss dan, imma dawn il-każijiet jistgħu jsiru wkoll wara l-ħin tax-xogħol.  Apparti dan, fil-maġġoranza l-każijiet jiswew 60% ta’ dak li tiġik kawża fil-Qorti.

11.       Iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni twaqqaf sabiex jibda jippermetti persuni li għandhom diffikultajiet sabiex jaslu fi ftehim.  Għalhekk, flok jitilfu ħin f’kawżi li jitwalu inutilment, hawn isibu l-possibilità li bl-għajnuna ta’ persuna li tidħol bħal sensar bejn il-partijiet jkun hemm kuntratt miktub.  Il-medjazzjoni sservi għalhekk għal tnaqqis fil-ħin u fl-ispejjeż.

12.       B’dawn il-miżuri għalhekk daħħalna b’mod konkret tliet toroq ġodda li jagħti lill-poplu soluzzjonijiet iktar malajr u b’ferm inqas spejjeż.  Mhux biss, iżda qed terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja f’sistemi legali li flok jikkumplikaw, jeħilsu n-nies mill-problemi.  Nittamaw li nibqgħu fuq din it-triq sabiex is-settur kollu jiġi meħlus aħjar.

*Dan l-artikolu deher fin-Nazzjon tad-29 ta Awissu 2005

No comments:

IX-XGĦAJRA – TRIQ ID-DAWRET IX-XATT - XOGĦLIJIET

16625. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f’liem...