20.3.21

XATT TA’ MARSAXLOKK - XOGĦLIJIET

 

 

19736. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fix-Xatt ta’ Marsaxlokk ?

 

04/03/2021

 

  ONOR. IAN BORG:  Minn meta ġiet fdata bl-iżvilupp tal-infrastruttura marittima f’Malta sentejn ilu, Infrastructure Malta wettqet diversi proġetti ta’ titjib fil-faċilitajiet u l-postijiet li jużaw is-sajjieda f’Marsaxlokk.

 

Fost oħrajn, għadha kif lestiet il-bini ta’ breakwater ġdid ta’ 110 metri fil-Ponta tal-Qrejten, sabiex ikennen din ix-xaqliba tal-port mill-mewġ qawwi li kien jagħmel ħafna ħsara lill-bastimenti tas-sajjieda u attivitajiet u faċilitajiet oħrajn max-xatt. It-taqsima marittima ta’ Infrastructure Malta bħalissa qed tagħmel ukoll studji preliminari biex tagħraf l-aħjar post u t-tip ta’ struttura li tista’ ssir fl-inħawi taħt Delimara, biex tkennen din in-naħa tax-xatt ta’ Marsaxlokk ukoll.

 

Fl-2019, l-aġenzija bniet mill-ġdid ukoll l-10 skali ta’ daqsijiet differenti li minnhom is-sajjieda u persuni oħra dilettanti tal-baħar f’Marsaxlokk iniżżlu d-dgħajjes tagħhom. Bħalissa għaddejjin ukoll xogħlijiet ta’ tiswijiet f’parti mill-moll biswit Triqil-Power Station, li jużawh mhux biss id-dilettanti tas-sajd bil-qasba, iżda ħafna oħrajn li jmorru għall-passiġġati f’dawn l-inħawi.

 

Is-sena li għaddiet l-aġenzija tat bidu wkoll għal proġett ta’ madwar €1.9 miljun parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, sabiex ittejjeb l-aċċess u s-sigurezza tal-puntuni tal-inħawi tal-Magħluq, fin-naħa ta’ ġewwa tal-Port ta’ Marsaxlokk. Permezz ta’ dan l-investiment, Infrastructure Malta qed tibdel it-tliet puntuni li jużaw ħafna sajjieda biex jorbtu d-dgħajjes tagħhom magħhom filwaqt li tagħmel xogħlijiet ta’ tħammil biex tfannad qiegħ il-baħar u tagħmel din iz-zona aktar sigura u aċċessibbli għat-tbaħħir.

 

Fix-xhur li għaddew Infrastructure Malta poġġiet f’posthom il-puntuni l-ġodda, li jinkludu tnejn ta’ madwar 48 metru u ieħor ta’ 60 metru. Dawn se jkun attrezzati b’rampi u faċilitajiet aktar aċċessibbli u siguri.

 

Sadanittant, wara li qieset id-diffikultajiet li s-sajjieda ilhom jesperjenzaw għal snin twal minħabba ċ-ċaqlieq tar-ramel f’qiegħ il-baħar bil-maltemp, Infrastructure Malta qed twettaq studji sabiex tidentifika soluzzjoni dejjiema. Fil-fatt, filwaqt li għaddej it-tħammil ta’ qiegħ il-baħar fiz-zona tal-Magħluq sabiex sas-sajf li ġej il-puntuni ġodda jkunu aċċessibbli b’mod sħiħ, l-aġenzija ser titlob ukoll lill-awtoritajiet sabiex tikseb il-permessi ħalli testendi dan ix-xogħol f’partijiet oħra aktar ‘il barra fil-Port ta’ Marsaxlokk, fosthom ir-rotta li minnha l-bastimenti jidħlu fil-port (fairway).

 

B’mod immedjat, qed isir ukoll intervent temporanju li jwaqqaf il-maltemp milli jerġa’ jqabbe¿ ir-ramel fuq is-sieq tal-Magħluq u jimblokka l-aċċess għall-bastimenti.  Infrastructure Malta bħalissa għaddejja b’xogħlijiet fiz-zona tal-Magħluq fejn qed jitmexxa r-ramel li jinġarr permezz tal-kurrenti, kif ukoll waqt xi maltempata.Ser ikun qed jinbena ħajt għall-ilqugħ tar-ramel waqt il-maltemp, jiġi mgħolli l-moll eżistenti peress li qed jogħla l-livell tal-baħar u jitlestew ‘sleeves’ biex jiddaħħlu s-servizzi fiz-zona.

 

Kif spjegajt, Infrastructure Malta qed tippjana li tibni strutturi ġodda bħalma wettqet fil-Qrejten jew li ttejjeb u testendi strutturi eżistenti, sabiex toffri aktar serħan il-moħħ lis-sajjieda u l-baħħara f’din iz-zona billi ttaffilhom id-diffikultajiet tal-maltemp li jiffaċċjaw bħalissa.

 

Seduta  437

09/03/2021

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...