27.6.20

Spiċċa żmien il-Populiżmu u lura magħna dak tal-Prinċipju .


Diskors tal-Onor. Carm Mifsud Bonnici, President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, waqt il-Kunsill Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2020

 

Kap tal-Partit.

Kunsilliera sħabi.

 

Illum qegħdin f’mument partikolari tal-istorja politika tagħna.Illum wasalna fl-aħħar tal-proċess intern sabiex l-istatut tagħna jiġġedded.

Proċess li ma kienx mgħaġġel, ħa l-ħin tiegħu.  Kien iggwidat b’attenzjoni minn Dr Louis Galea u l-Kap tal-Partit sabiex issa għandna qafas li fuqu l-Partit jista’ jiddependi għaż-żmien li ġej.

Biddilna bil-ħsieb li dak li ħadem qabel, imma li issa m’għadux, għandu jiġi sostitwit b’linji ġodda. Dak li baqa’ jaħdem ħallejnih jaħdem, u anzi, ġie iktar issudat.

Għax l-istatut huwa l-għodda – l-istruttura u organizzazzjoni li partit modern u progressiv ikollu, u għandu l-bżonn, biex jaħdem aħjar. Id-dinja tinbidel, u magħha rridu nagħrfu li għandna d-dmir li nibnu mekkaniżmi biex nisimgħu aktar mingħand, u naslu iktar għand il-poplu.

Il-ħidma tagħna għas-sewwa f’dan il-pajjiż titlaq minn hemm.  Mill-bżonnijiet essenzjali, dawk soċjali u ekonomiċi li l-bnedmin li naħdmu għalihom jesiġu minn kull min imexxi b’responsabbiltà u attenzjoni dawn il-gżejjer. Irridu nkunu fil-pożizzjoni li nkunu kapaċi nagħrfu l-polz, kif ukoll li jkollna l-viżjoni fit-tul sabiex nibnu, kif għamlu ta’ qabilna, politika soda.

Irridu nkunu fil-pożizzjoni li nwasslu l-messaġġ politiku tagħna lill-poplu.  Biex dan jifhem il-verità li tingħad fil-karità li l-Gvern Laburista, li kellu maġġoranza elettorali kbira, wettaq daqshekk żbalji, skandli u dnubiet mortali. Irridu nifhmu iktar kemm huwa essenzjali li jkollna l-mezzi tagħna: il-gazzetti, ir-radju, l-istazzjoni u l-għodda l-oħra, f’posthom.

 

Huma l-garanzija finali tad-demokrazija. Li jibqgħu jifirdu l-interessi ekonomiċi ta’ wħud li ġiebu velenu iswed fis-sistema, u dawk l-interessi politiċi veri u trasparenti li l-poplu jixraqlu. Dik il-politika li minnha jseħħ il-ġid għall-pajjiż, u mhux għal ftit bnedmin. Dik li tibni b’direzzjoni u fuq il-valuri fundamentali tal-bniedem.

Dan kollu jista’ jsir.  U aħna għarafna li l-istatut huwa mezz biex naslu biex dan jitwettaq. Għalhekk illejla qegħdin hawn.

 

Biss, m’għamilniex bidla fil-prinċipji tal-Partit.  Dan jibqa’ kif ġie mwaqqaf: Partit Demokratiku Nisrani.

Jibqa’ wieħed li jħares b’patrijottiżmu modern, u b’intelliġenza, l-interessi nazzjonali. Jibqa’ dak li jispira ruħu mid-duttrina soċjali, li tibqa’ fonti ta’ għerf għalih. Jibqa’ dak ta’ partit taċ-Ċentru interklassista, li jħares li jiddefendi l-klassijiet kollha fis-soċjetà. Li jaqbeż għal min huwa l-iktar ‘l isfel fis-soċjetà, sabiex jagħtih l-għajnuna li għandu bżonn biex huwa wkoll javvanza. Jibqa’ dak li jemmen fid-deċentralizzazzjoni tal-poter, fis-sussidjarjetà u fis-solidarjetà. Jibqa’ l-partit tad-demokrazija, tal-libertà, tal-ġustizzja, li jaħdem għal ambjent aħjar.

Illum qegħdin naffermaw mill-ġdid dak li aħna.  M’aħniex, u ma konniex, partit korrott. M’għandniex il-problemi li ħaddieħor għandu biex jibda t-tindif ta’ Partit Laburista li fis-seba’ snin fil-Gvern xeħet lilu nnifsu fit-tajn, u fl-istess ħin, lil pajjiżna. Ma rawwimx, u anqas tmajna “qarnita mafjuża”, li ħaddieħor illum qiegħed jaċċetta li għandu qawwija ġewwa fih.

M’aħniex, anqas, partit populista, imma nibqgħu wieħed popolari. Għax proprju m’aħniex opportunisti, m’aħniex il-partit li ngħaġġlu sabiex nieħdu vantaġġ temporanju li jiswielna d-deni fit-tul.  Nibqgħu, anzi, nibnu fl-għarfien li s-sewwa jirbaħ.

Għandna, għalhekk, inkomplu nżommu l-għaqal tal-paċenzja, tas-sabar, tar-rieda t-tajba, li naħdmu b’attenzjoni u fid-dettall dak li jrendi l-frott.

Fuq kollox, għandna nifhmu iktar li m’għandniex, f’ebda mument, nagħmlu l-iżball politiku li narmu l-prinċipji tagħna bħalma għamel ħaddieħor f’dawn l-aħħar għaxar snin.

Għax iż-żmien tal-populiżmu artifiċjali u qerriedi spiċċa, u żmien il-prinċipju tas-sewwa huwa lura sod magħna.


No comments:

ŻERA' T-TAMA

1. Trid tħares lejn l-istorja u tifhem. Tifhem li anki fl-iktar mumenti diffiċli u ikkumplikati, meta kollox jidher iswed faħam, hemm ...