20.6.20

Il-Virus ġieb il-ġuħ

1.     Hekk iġibna fir-realtà messaġġ ċar imwaħħal mal-ħitan.  Il-messaġġ veritier li numru sew ta’ bnedmin f’pajjiżna għaddejjin minnu.  Il-pandemija li qegħdin insofru fiha l-effett negattiv ieħor, dak li qed jixħet lura lis-soċjetà tagħna.  Il-ġuħ huwa parti mill-faqar.  Huwa parti minn familji li qegħdin fir-riskju tad-diffikultajiet ekonomiċi.  Uħud diġà qegħdin ibatu dan wara dawn ix-xahrejn u nofs.  Oħrajn qegħdin iħarsu biex jifhmu jekk humiex sejrin jintlaqtu fil-futur qasir.  Il-fatti huma evidenti.  Irridu, bħala pajjiż, u fi ħdan il-klassi politika nagħrfu li hemm bżonn miżuri li jwieġbu għal dan kollu.

 

Kien diġà hemm

 

2.     Ma hemmx ħafna x’tiddiskuti.  Iż-żerrieħga ta’ dawn il-problemi kienet diġà hemm, imma din il-marda kiefra żiedet fid-doża.  Kellna diġà lil dawk li qed ibatu biex ilaħħqu.  Kellna diġà sitwazzjonijiet fejn kien hemm indikaturi li diversi bnedmin fis-soċjetà ma kienux telgħin ‘il fuq, imma kienu wieqfa u niżlin ‘l isfel.  Id-dinja tax-xogħol, għalkemm kienet tidher li għandha s-suċċessi tagħha, fir-realtà ma kinitx qegħda tassigura żieda sostnuta u progressiva.  Issa, kif jidher ċar mill-aħħar dokument maħturġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, hemm bil-fatt żieda f’persuni li tilfuq l-impjieg tul ix-xahar ta’ April.

 

Soluzzjonijiet

 

3.     Dawn l-effetti negattivi fuq is-soċjetà kien diġà ċar li kienu ġejjin fuqna minn Marzu.  Kienu iktar ukoll għax, minn Novembru 2019, kellna tnaqqis fir-ritmu ekonomiku minħabba l-instabilità politika.  Issa għandna inċertezzi oħra li qed jolqtuna direttament.  Huwa loġiku li ser ikun hemm konsegwenzi.  Ħidmitna trid tħares lejn kif toħloq skemi u għajnuna sabiex il-bnedmin fis-soċjetà jbatu mill-inqas.  Il-valuri tas-sewwa, dawk li juru li s-solidarjetà hija pedestall essenzjali li trid tiġi mqegħda għas-servizz tal-bniedem.  Hija sfida determinanti.  F’dan il-baħar ma hemmx il-kalma fejn il-mewġ huwa ineżistenzi, imma hemm dak ta’ maltempati li qed ikomplu jqumu.

 

L-Istat Malti

 

4.     L-Istat demokratiku u Ewropew tagħna, , fil-kaxxa tiegħu għandu strumenti, riżorsi u mekkaniżmi biex jaffronta dan.  Biss, hemm numru ta’ punti li jridu jsiru biex nibdew nifhmu fejn sejrin.  Fl-ewwel punt, wieħed irid jifhem li qed immissu mar-realtà tal-fatti.  Dak li ser joħroġ bejn dak li ilna nisimgħu fir-retorika politika, u dak li għandna.  It-tieni, għalhekk, li hemm bżonn ferm iktar verità biex noħorġu mill-mument mudlam.  It-tielet, irridu nifhmu li l-istat soċjali jrid ikun iktar flessibbli u bi skemi li għas-sentejn jew tlieta li ġejjin ikun ippreparat biex isalva lil dawk li ser isibu diffikultà.  Ir-raba’, li hemm bżonn li napprezzaw lill-ħaddiem Malti – punt li f’dawn l-aħħar seba’ snin ittraskurajna.  Il-ħames, il-fatt li hemm kwantità kbira ta’ ħaddiema li l-Istat ma wasalx għall-assistenza tagħhom li ser jispiċċaw b’veloċità akbar li jew jirtiraw kmieni jew jispiċċaw bla xogħol.

 

Il-ħaddiem tagħna

 

5.     F’dan ix-xenarju, persuni li ġew minn pajjiżi oħra ċċaqilqu lura lejn tagħhom.  Baqa’ hawn il-ħaddiem tagħna, jipprova jgħix f’soċjetà li ma ħasbitx fih.  Jekk mhux fil-linja li huwa għodda ta’ produzzjoni għas-servizz ta’ magna ekonomika liberalista.  Ma ħadniex ħsieb nassigruaw li ngħallmuh il-ħiliet u kapaċitajiet oħra.  L-esperjenza fis-snin kienet li, meta dan isir, il-bnedmin f’dawn il-gżejjer juru l-abbiltajiet sħaħ tagħhom.  Minflok, morna lura għal-linja li flok tipprova tgħolli, ħallejna lil dak li jkun fejn huwa.  Flok għollejna s-salarju u l-valur tal-bniedem, kellna politika differenti.  Waħda, li ċerti drabi, meta nħares lejn ċerti skemi, nidħol naħseb li hija bażata fuq nuqqas ta’ rispett u mhux f’dak ta’ fiduċja.

 

Unjoni Ewropea

 

6.     Fil-proċess li għaddejjin minnu, u li ser insibu ruħna fih, wieħed irid jibda billi jgħid li qegħdin ferm aħjar, li aħna fl-Unjoni Ewropea.  Kien ikun ferm u ferm iktar diffiċli għalina nirkupraw, li kieku m’aħniex parti bħala membri sħaħ.  Nifhmu li mhux kull ma jingħad ġewwa fiha huwa, l-ewwel, neċessarjamen tajjeb; u t-tieni, li jgħodd għalina.  Imma dan ma jfissirx li m’hemmx post minn fejn nistgħu nieħdu għajnuna.  Il-figuri li ħarġu din il-ġimgħa, li hemm għad-dispożizzjoni 350 miljun ewro fi Grants u 624 miljun ewro f’self, huwa pass.  Kemm finalment huwa fid-direzzjoni t-tajba jitlob attenzjoni, u fuq kollox, diskussjoni.  Il-pakkett li qed jiġi propost ser ikun “f’idejna” mill-1 ta’ Jannar 2021, u ser jiġi mplimentat minn dan u minn Gvern ieħor.  Aħjar jekk inkunu ċari u ngħarblu sewwa, qabel ma naqblu.

 

Il-Virus ħoloq sfidi

 

7.     Il-Partit Nazzjonalista, f’dan qiegħed juri li huwa għandu l-abbiltà li jagħraf l-isfidi li għandna diġà, u li ġejjin għalina.  Diġà ppropona li jkun hemm kumitat bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.  Diġà għamel numru ta’ punti ta’ direzzjoni, u ċertament f’linja ta’ preparazzjoni.  Hemm ferm iktar dettalji li għandna nidħlu fihom.  Ċertament ikun aħjar jekk il-Gvern ikun iktar miftuħ u jistampa iktar fatti.  Il-verità tgħin ħafna.  Għax, kif sewwa qrajt u għidt: “Mingħajr Verità, pajjiż jimxi fid-dlam u jkun il-kawża tal-agħar sfortuni li jaqgħu fuq il-poplu.”  Il-Virus ħoloq, ċertament, il-ġuħ, imma l-verità tgħin biex insibu soluzzjonijiet għall-isfidi soċjali u ekonomiċi li ġejjin fuqna.

 

 

 


No comments:

ŻERA' T-TAMA

1. Trid tħares lejn l-istorja u tifhem. Tifhem li anki fl-iktar mumenti diffiċli u ikkumplikati, meta kollox jidher iswed faħam, hemm ...