20.6.20

Dmirna li nfakkru


1. F’dan l-mument iktar diffiċili u komplikat li fih pajjiżna jinsab xorta m’għandniex ninsew. Ngħid hekk fuq żewġ punti. L-ewwel, il-pajjiż irid direzzjoni ċara, m’għandux ikollu l-messaġġ politiku tal-Gvern li kollox sew u għalhekk sejrin għan-normal. M’aħniex għad f’dan il-punt. Huwa żbaljat li tgħid li aħna. Anzi jekk ma nidħlux fid-dettalji tal-ħidma u attività umana ser nkabbru dak li sa issa ċekkinna. Mhux biss imma rridu wkoll ngħarfu li deħlin għall-effetti negattivi ta’ dawk li ħasbu li ser jerġgħu jqajjmu l-ħajja tax-xogħol tagħhom u sabu li din ma tistax isseħħ. Mhux biss hemm l-bżonn li ngħarfu li numru ta ħaddiema għandhom kundizzjonijiet ta saħħa u soċjali li ma jippermettilhomx b’responsabbilità li jidħlu fil-ħajja qisu kollox f’postu.

It-tieni Punt

2. It-tieni, pajjiżna għandu xorta fid-dmir li jiftakar kemm dawn il-jiem huma importanti għalih. Niftakru li ħamsa u sebgħin sena ilu, fit-8 ta’ Mejju 1945 spiċċat it-tieni gwerra dinija fl-Ewropa. Niftakru li fl-istess jum niċċelebraw sew f’pajjiżna l-Festa tal-Madonna ta Pompei. Niftakru li fid-9 ta’ Mejju niċċelebraw Jum l-Ewropa. Niftakru wkoll li fl-istess jum niċċelebraw il-festa ta’ San Ġorg Preca. Ikun żball jekk ma nieqfux u nirriflettu. Nifhmu sew kemm dawn ifissru għalina fil-passat, kemm għadhom rilevanti għalina fil-preżent u fuq kollox li nassiguraw li jibqu magħna għall-futur.

Demokrazija.

3. Forsi ukoll iktar minn hekk wieħed għandu jiftakar fil-ħidma ta’ diversi bnedmin għas-sewwa. Bnedmin li kienu ffurmati fi ħdan l-Knisja Kattolika li taw sehemhom fis-soċjetà. Taw ħajjithom sija fl-aspett sħiħ li nsejħu spiritwali kif ukoll dak soċjali u politiku. Hemm rabtiet li s-soċjetà ewropea tagħna ħadet benefiċċju qawwi minnha. Dan tgħarfu meta taqra iktar dwar ħajjithom u l-istorja, ż-żmien u l-kundizzjonijiet li għexu fih. Tgħarfu iktar għax hemm min dan ma tantx obb jisma bih. Kif ukoll għax hemm min irid jipprova jwaqqa għaċ-ċajt dawk li jkunu nvoluti f’din il-ħidma.

Schuman.

4. Kien proprju Robert Schuman li fit-8 ta’ Mejju 1950 (kif fakkarna tant tajjeb Carmel Attard fl-artikolu mill-isbaħ li deher f’ In-Nazzjon) li għamel d-dikjarazzjoni li minnha twieldet l-Unjoni Ewropea. Dan il-mexxej politiku Franċiż ħaqqu ferm iktar attenzjoni milli jingħata. Kellu vizjoni ċara. Ma kellux biża mill-konvinzjonijiet politiċi tiegħu. Tkellem u kiteb fit-tul fuq diversi punti u tajjeb li jinqara dan. Kien, kif naqbel jien ukoll, jemmen li “Europe is the establishment of a generalised democracy in the Christian sense of the word”. Kien ċar fi ħsibijietu “It is here that that doctrine of Christianity intervenes. Democracy owes its existence to Christianity. It was born the day that man was called to realise in his temporary life, the dignity of the human person, in the liberty of the individual, in respect for rights of each and through the practice of fraternal love in regard to all.”

Tlett mexxejja

5. Wara l-konflitt mill-iktar ikraħ mwelled mill-idejat żbaljati tal-lemin estrem, ġew eletti fil-poter tlett mexxeja uniċi. Konrad Adenauer, Alcide de Gasperi u Robert Schuman kienu tlett kattoliċi fil-politika. Tlett bnedmin ffurmati sew u li riedu verament il-ġid lill-proxxmu. It-tlieta kellhom toroq iebsin biex mexxew il-pajjizi rispettivi tagħhom ‘l quddiem. Kellhom min kellu preġudizzju kontra tagħhom. Imma l-istorja turi li rnexxilhom allu wirt politiku qawwi warajhom. Ma hemmx dubju li kieku ma kienux huma l-Unjoni Ewropea ma kinitx tkun kif nafuha. Mhux biss imma iktar minn hekk mxew sewwa mal-bniedem.

Il-bniedem

6. Meta taqra ħajjet San Gorg Preca tifhem iktar fil-fond. Tifhem li hemm influenzi kontinwi bejn nsara li jservu f’ħidmiet varji. Kitbietu u kliemu servew sabiex jgħatu direzzjoni anki lil dawk li kienu qed jservu fil-ħajja politika. Servew u għadhom gwida ħajja. Passi ‘l quddiem biex wieħed jgħin u jkun strument ta bidliet li jwettqu l-ġid komuni veru u mhux apparenti. Proprju l-ħajja tiegħu, l-eżempji , l-ħidma wasslu biex f’jum Ewropew bħal dan niċċelebraw l-festa tiegħu bħala qaddis tagħna.

It-triq għas-sewwa.

7. Dawn huma ġranet differenti minn dak li ssoltu ngħarfu. Imma fihom l-aspett li jservuna biex napprezzaw iktar dak li għandna. Nonqsu l-istorja, nonqsu lilna nfusna, nonqsu li dak kollu li jagħmilna jekk ma nieqfux u nfakkru. Poplu li jinsa l-għeruq u l-passat tiegħu huwa destinat jieħu deċiżjonijiet żbaljati. Dan ma għandux ikun. Proprju għalhekk li dmirna jibqa li niftakru u nfakkru.


No comments:

ŻERA' T-TAMA

1. Trid tħares lejn l-istorja u tifhem. Tifhem li anki fl-iktar mumenti diffiċli u ikkumplikati, meta kollox jidher iswed faħam, hemm ...