20.6.20

Flimkien għandna naslu


 

1.     Il-ħin li ħadna lura f’idejna għadu għaddej.  F’dawn il-mumenti, miġbura f’darna u fina nfusna, forsi qed nifhmu iktar dak li konna qed ngħixu.  Nifhmu ftit iktar dak li konna qed ngħixu.  Nifhmu ftit iktar dik it-talba ta’ rassenjazzjoni mimlija dawl, li kull jum li wieħed jgħidha, tfisser iktar għalih.  Dik li kiteb San Padre Pio ta’ Pietralcina: “Nerħi, O Mulej, il-passat ikrah tiegħi għall-ħniena kbira tiegħek; il-preżent imħawwad tiegħi għall-imħabba infinita tiegħek; il-futur misterjuż tiegħi għall-provvidenza qaddisa tiegħek.”

 

Nieħdu lura

 

2.     Forsi, nittama li qed nieħdu lura ftit iktar umanità.  Ftit iktar għarfien tad-dinjità tal-bniedem.  Ftit iktar għarfien tad-don ta’ dawk li huma fil-familja u l-ħbieb tagħna.  Il-veloċità esterna naqset; baqgħet, imma, dik fl-essenzjal.  Baqgħet fl-arloġġ tagħna, li jrid jibni u jippjana, waqt li jifhem il-limitazzjonijiet tiegħu.  Jifhem iktar li l-bniedem jipproponi fl-imperfezzjonijiet tiegħu, imma hemm il-Ħallieq tagħna, li jiddisponi għas-sewwa tagħna.  Baqgħet iktar dik li kienet ġewwa fina, li fin-natura li nħlaqna biha ma tridx titlef, jew titneħħilha minn dak li huwa mogħti lilha.  Trid tibqa’ lejali lejn is-sewwa tagħha, anke jekk tara li l-kurrenti tal-ħajja, li llum wieqfa, huma kontra.

 

Ġimgħa Mqaddsa

 

3.     Jekk hemm min ħaseb li r-Reliġjon Kattolika kienet ġiet relegata; jekk kien hemm min qiegħed jibgħat il-messaġġ, li wħud ħadu, li l-‘modernità’ hija inkompatibbli magħha; jekk, anzi, kien hemm min ħaseb li, fl-aqwa ipoteżi, ir-reliġjon ser tkun biss relegata fil-qalb privata tal-bniedem, f’dawn il-jiem forsi qiegħed ibiddel l-opinjoni tiegħu.  Għax għalkemm m’aħniex niċċelebraw, bħala Kattoliċi, bl-istess metodi li konna fis-snin ta’ qabel, u tlifna dawk l-atti esterni, purċissjonijiet, eżerċizzji spiritwali, żjarat varji, wirjiet diversi u rappreżentazzjonijiet tal-passjoni, dħalna f’oħrajn li jitolbu riflessjoni u juru direzzjoni.

 

Iktar fil-pubbliku

 

4.     Ir-reazzjoni tal-Knisja Kattolika f’dan li qed ngħaddu minnu, irridu naċċettaw li kienet waħda immedjata, b’veloċità u tempestività.  Dik li suppost iddum, kienet dik li fehmet l-ewwel u qabel kulħadd.  Mhix istituzzjoni li qegħda tard storikament, imma attwali.  Mhux biss, imma dak li l-modernità tat-teknoloġija kienet ħadet il-linja li hija kontra u inkompatibbli magħha, saret minflok l-istrument tat-tixrid effettiv u dirett.  Il-proċess ta’ evanġelizzazzjoni huma, fil-fatt, it-tixrid pubbliku ta’ dak li nħaddnu.  Fl-enerġija qawwija li għandha, sibna ruħna naraw u napprezzaw dak li, jum wara jum, isir fil-knejjes u mir-reliġjużi tagħha.  Dak li kien fil-‘privat’, dak li kien ‘moħbi’, sar pubbliku u divulgat.

 

Effetti permanenti

 

5.     Dak li qiegħed isir b’numru konsiderevoli ta’ persuni li qegħdin, jum wara jum, isegwu ċ-ċelebrazzjonijiet minn fuq il-mezzi moderni jimmarka bidla soċjali u kulturali.  Ser, naħseb, ikun hemm il-bżonn li dawn jitkomplew.  Għax l-aspett pubbliku fih il-piż tiegħu.  Hemm dak tal-kuraġġ li wieħed jitkellem fil-proċess tat-tixrid tal-Kelma, u l-aħbar it-tajba, li qed issir.  Ħafna reliġjużi li kienu talenti, teżori ‘moħbija’, issa qed joħorġu u jiġu rivalutati.  Waqt li qabel ma kienux apprezzati, issa huma iktar, għax mogħtija attenzjoni fl-ispazju pubbliku li daħlu jokkupaw mingħajr impożizzjoni.

 

Kelma iktar diretta

 

6.     Waqt li ddur id-diversi mumenti, wieħed jifhem iktar kemm min qiegħed jikkomunika qiegħed attent li l-lingwaġġ tiegħu jkun iktar dirett u miftiehem.  Hemm lezzjonijiet fi proċess li fih il-Fidi qed tiġi riproposta viċin tal-kurrent u l-polz tal-mument attwali, kontemporanju.  Hemm tixrid mill-ġdid f’lezzjonijiet ta’ dak li diversi setgħu semgħu jew iltaqgħu miegħu, li qiegħed jiġi spjegat mill-ġdid.  Hemm xiehda li qegħda tingħata mingħajr ma hija ‘kumplikata’, naturali fil-perkors tal-ħajja.  Lezzjoni għal diversi li ilhom jiktbu fuq il-bżonn ta’ kultura ġdida u proġetti oħra.  Dak li qiegħed iseħħ huwa direzzjoni li dak li huwa ċar, sempliċi u dirett m’għandu bżonn xejn aktar.

 

F’Ħadd il-Palm

 

7.     Nistgħu ninsabu magħluqa f’forma ta’ ‘katakombi’, il-bgħid minn dak li jmarrad.  Imma tul din il-ġimgħa, m’aħniex maqtugħa mill-ħsieb.  Għalkemm imċaħħda mil-libertà esterna, jista’ jkun li qed napprezzaw iktar dik li m’aħniex imċaħħda minnha: dik interna.  Napprezzaw iktar is-sehem tagħna bħala infermiera tal-istorja, kif ukoll li nkunu l-forza tal-istorja futura: waħda mibdula, imġedda fil-valuri tas-sewwa.  Waħda li tafda iktar fil-provvidenza qaddisa, għax flimkien għandna naslu.


No comments:

ŻERA' T-TAMA

1. Trid tħares lejn l-istorja u tifhem. Tifhem li anki fl-iktar mumenti diffiċli u ikkumplikati, meta kollox jidher iswed faħam, hemm ...