12.4.17

Nebukadnessar Bena Idolu.



1.    Kien hemm diversi stati fil-Mediterran fil-passat li ħaddnu, bħala parti mis-sistema legali u soċjali tagħhom, l-iskjavitù.  Kienet għalihom aċċettabbli u legali li bniedem ibigħ u jixtri persuna oħra biex din issir tiegħu.  Jagħmel li jrid biha fit-termini tal-liġi.  Kienet ukoll komda għax ħafna stagħnew fuq il-ġid li ħadmu għalih dawk li kienu proprjetà assoluta tagħhom.  Ma kienx perjodu qasir fl-istorja tal-Greċja, jew ta’ Ruma, jew ta’ Babilonja li damet l-iskjavitù umana, imma għal sekli twal, għal ġenerazzjonijiet wara oħra.  Effett ħalliet, għax wara tant sekli xorta għad hawn min jaħseb li huwa sid l-iskjav, u oħrajn li jippermettu ruħhom jiġu trasformati f’dak l-istat.

Sidrak

2.    L-istorja turi wkoll li kull min ikollu t-tmexxija ta’ poplu jitħajjar jibni huwa stess l-idoli li jrid lill-poplu tiegħu jqim u jadura.  Jippretendi li dawk li huma fdati lilu jbidllu lilhom infushom, drawwiethom, fehmiethom u jibdew jinċensaw dak li fil-att ma jemmnux verament fih.  Dak li naqraw f’kitbet il-Profeta Danjel dwar ħidmet is-Sultan Nebukadnessar għalhekk m’huwiex ġdid, imma xhieda ta’ dak li sekli wara sekli, sal-ġurnata tallum, dawk li joqorbu wisq viċin il-poter jispiċċaw jagħmlu.  Huwa minnu li l-poter politiku jsir, għal uħud, velenu li jibdlilhom ħajjithom u jispiċċaw jaduraw dak li m’għandhomx.  Biss, kif qrajna tul din il-ġimgħa, hemm bnedmin bħal Sidrak, Misak u Għabednegu, li jisfidaw fis-sewwa u jgħelbu dan kollu.

Misak

3.    Meta tara l-bnedmin tifhem li għadhom jeżistu dawn l-influwenzi.  Biss, magħhom hemm ukoll dawk li jħarsu lejn il-bniedem mhux biss bħala skjav, jew aduratur tal-idoli foloz tagħhom, imma minn lenti dispreġjattiva.  Dawk il-bnedmin li fil-poter jew le li, kif niġu mgħallma, jġibu ruħhom u għemilhom ikun b’mod li ma jaraw xejn tajjeb fil-bniedem.  Membri tar-razza umana li jkunu ċiniċi, li jmaqdru s-sabiħ u kullma jgħolli u huwa siewi, li jġibu ruħhom mingħajr qalb, li għalihom l-imġieba ta’ għajrhom hija ġejja biss minn egoiżmu baxx.  Għalhekk, għalihom anke jekk l-iskjavitù legali spiċċat, xorta jaħsbu u jibdew jixtru ‘l-bnedmin biex jibdlu l-fehma tagħhom u jwettqu dak li ma jħossux li għandhom.  Fejn il-kaxxa tal-istat tispiċċa tagħmel tajjeb u l-eżempju ħażin jipprova jkaxkar.

Everybody’s weak point and takes advantage of it

4.    Din issir parti minn sistema organizzata fejn bnedmin jinxtraw minn oħrajn biex jibdlu l-fehma u l-prinċipji politiċi tagħhom.  Id-debulizzi umani hemm min imur dritt għalihom biex jidentifikahom u jużahom mingħajr skruplu ta’ xejn.  Kif deskritt tajjeb minn ta’ qabli meta matul din il-ġimgħa mal-lejl sibt, meta erġajt qrajt id-diskors li l-mibki nannuwi kien għamel fis-Senat fl-aħħar tal-1932, fejn iddikjara hekk: “In the matter of corruption, the Right Hon. Gentleman has set such an example to the generations of this country that its history will always remember and curse it.  He knows everybody’s weak points and takes advantages of it”.  Fortunatament, fil-ġenerazzjonijiet f’pajjiżna diversi kienu u għadhom dawk li huma sodi u liberi, li fuq kollox m’humiex għall-bejgħ.


Għabednegu

5.    Ngħid iktar dan għax hemm linja politika li għaddejja li tfakkrek fl-istess spirtu f’waħda mit-tentazzjonijiet li Sidna nġibitlu fid-deżert waqt li tressqu r-renji ta’ din id-dinja, bi tpartit għall-adorazzjoni tal-idoli foloz.  Fejn il-messaġġ huwa li wieħed għandu jċedi l-prinċipji, l-ideat tiegħu u jaqleb lejn il-gwadan materjali.  Ideat li sibthom awtomatikament iduru miegħi tul dawn l-aħħar jiem.  Iktar u iktar meta mat-Tnejn filgħodu qomt naqra, b’titoli kbar f’gazzetta lokali l-kliem: “Muscat: Taħtna tieħu, taħt il-PN jittiieħidlek”.  Ħafna fehmu l-messaġġi diretti u indiretti li dan it-titolu jagħtik.  F’kelma waħda: jaqbillek egoistikament għax ser tieħu dak li m’għandekx dritt tieħu.

Meritokrazija

6.    Il-materjaliżmu huwa karrotta korrotta li m’huwiex biss storiku jew marksista, imma ġej minn kurrenti varji.  Għax, kif nafu u naraw, it-tqassim tal-ġid nazzjonali jista’ jsir fuq il-preferenzi jew bħala parti minn prezz.  Prezz ta’ x’jaħsbu li jaqblilhom, jew ta’ kemm lesti li jiċċekknu biex jinxtraw, jew għax parti mit-tradizzjoni ta’ dak l-appostlu li, għalkemm kiel mal-mejda, xorta ittradixxa.  F’demokrazija moderna bħal tagħna, però, wieħed jistenna li min imexxi jagħraf minflok li għandu jagħti kredtu lil dawk li jsegwu li jkunu parti minn sistema politika nadifa.  Li jridu pajjiż fejn il-politika ssir sewwa u għas-sewwa.  Ta’ dawk li jħarsu li jimxu u jmexxu ‘l-pajjiż fil-linja tal-ġustizzja, fejn il-meritokrazija titħaddem kontra l-inġustizzji u l-preferenzi.

M’aħniex għall-bejgħ

7.    Meta wieħed jaqra appelli lejn l-elettorat minn mexxejja politiċi biex jivvutawlu mhux għax huwa l-aħjar, jew għax għandu politika iktar nadifa, imma għax taħtu tieħu dak li m’għandekx, allura tifhem il-linja politika tiegħu.  Għax għalkemm jista’ jkun li jirnexxilu jixtri wħud li jibdlu, dan ma jfissirx li ser jagħmlu għal kull persuna.  Hemm min jiġi mixtri u min jiġi abbużat minn oħrajn.  Biss, il-maġġoranza tippreferi tibqa’ libera u ma tiċċappasx.  Diversi huma dawk li ma jinxtrawx u diversi oħra li, anke jekk waqgħu għat-tentazzjonijiet, jixtiequ u jippreferu li dan qatt ma għamluh.  Għax kif nafu sewwa, għalkemm is-Sultan Nebukadnessar tella’ idolu kbir tad-deheb u ppretenda li jiġi meqjum minn tlett irġiel Lhud li ma tgħawġux, ma nxtrawx u ma ħarqux l-inċens, induna li kellu jibdel fehemtu.



No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...