6.4.17

Direzzjoni Merkeljana.


 
1.      Kontra dak li ħaddieħor ħaseb, il-Partit Demokratiku Kristjan fil-Ġermanja, immexxi mill-Kanċilliera Angela Merkel għadu għaddej fi triqtu.  Ftit kienu dawk li bassru li fl-elezzjonijiet li saru fl-istat ta’ Saarland il-Ħadd li għadda, dan il-partit kellu jkun l-uniku wieħed mill-partiti stabbiliti li jżid fil-kunsens u fis-siġġijiet.  Kien hemm min qiegħed jara li l-Kanċilliera kienet riesqa lejn telfa elettorali.  Biss, ir-riżultat wera l-kontra.  Is-suċċess ta’ dan ġej minn numru ta’ fatturi li jidher ċar li influwenzaw direttament lill-elettorat kawt u attent.  Prinċipalment il-karattru, il-valuri u l-imġieba tal-istess Merkel.

Simpatija u rispett

2.      Għaddiet minn diffikultajiet tul dawn l-aħħar xhur.  Sabet ruħha attakkata internament ukoll, partikolarment wara l-mewġa ta’ immigrazzjoni irregolari li ħakmet lill-pajjiż.  Illum is-sitwazzjoni nbidlet sew u għal dan kien hemm żewġ fatturi determinanti.  L-ewwel, ġibdet fuqha simpatija u rispett fil-mod eżemplari li ġiebet ruħha bih waqt il-laqgħa li kellha mal-President Amerikan Donald Trump.  Hemm żammet il-pożizzjonijiet Ewropej b’attenzjoni u direzzjoni ċara.  Kliem bla sens ma qalitx.  Ma kinitx b’xi mod aggressiva, imma mill-iktar raġjonevoli.  Anzi għoliet fil-mument meta, minkejja li offriet lill-istess President Trump li jieħdu b’idejn xulxin hu, b’nuqqas ta’ kortesija, diplomazija u bir-regoli bażiċi ta’ mġieba, injoraha.

L-effett Shulz

3.      Ma tilfitx rasha f’dak il-mument verament diffiċli, imma żammet sħiħ id-dinjità tagħha u f’dak il-ħin kien ċar li ħaddieħor naqasha.  Ma’ dan żied iktar l-effett favur tagħha wara li l-Partit Soċjal-Demokratiku għażel mexxej ġdid f’Martin Schulz biex jikkuntrastaha.  Għażla li saret ġimgħa biss qabel dawn l-elezzjonijiet, bil-kandidat il-ġid iġib l-approvazzjoni assoluta tal-partit kollu u deher li ma kien ser ikollu xejn xi jżommu, impinġi bħala kważi invinċibbli.  Schulz, ma hemmx dubju li huwa magħruf sewwa f’pajjiżna u fl-Ewropa.  Biss għandu l-iżvantaġġi li ilu wisq maqtugħ mill-politika nazzjonali Ġermaniża, kif ukoll li huwa parti mid-deċiżjonijiet Ewropej li ma kienux biżżejjed popolari f’dak il-pajjiż.  Il-Partit Soċjal-Demokratiku seta’ ħaseb li x-xilep kien ġewwa b’din il-mossa “sorpiża”, però r-riżultati llum qed juru li dak li qed jidher artifiċjali m’huwiex jirnexxi ħafna.

Żammet ir-rilevanza

4.      Fil-verità Angela Merkel, tul dawn is-snin li mill-2005 ilha kanċilliera, irnexxielha taħdem bis-serjetà biex tibdel il-perkors Ewropew u dak nazzjonali.  Żammet ir-rilevanza tal-Partit Demokratiku Kristjan billi ma abbandunatx il-valuri u l-prinċipji nsara li jispirawna u jiggwidawna.  Ħadet ħsieb timxi b’għaqal fl-iktar sitwazzjonijiet kumplikati li l-kriżi finanzjarja ġiebet fuqna lkoll.  Fuq kollox, żammet ukoll l-integrità personali tagħha ntatta.  La daħlet f’kumplikazzjonijiet marbutama’ abbuż jew korruzzjoni fil-poter; anqas ma tilfet rasha fuq xi ħmerija, imma ddedikat ruħha kompletament għall-politika attiva u parteċipattiva.  Ir-rispett lejha huwa għalhekk iktar u iktar konsolidat, issa li riesqa lejn it-tnax-il sena tat-tmexxija kontinwa tagħha.


Ħolma tal-ftit

5.      Dan kollu huwa iktar u iktar rilevanti llum f’Unjoni Ewropea li għandha diversi sfidi xi twieġeb għalihom.  Is-Sibt li għadda, l-istess Merkel ingħaqdet mal-mexxejja Ewropej l-oħra sabiex jiġi ċelebrat is-sittin anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma, li ta bidu għall-Unjoni Ewropea ta’ issa.  Għalkemm bħala fatt ma tantx issemmew, il-missirijiet ta’ dan il-ftehim kienu tlett demokristjani.  Il-ġermaniż Konrad Adenauer, it-taljan Alcide De Gasperi u l-franċiż Robert Schuman wittew it-triq u ħarsu ‘l quddiem.  Kienu, kif għemilhom jixhed, bnedmin ta’ sens u sustanza.  Dawk li kienu batew u fehmu li l-futur ewropew fil-paċi u l-ġustizzja jrid proġett ambizzjuż li jgħaqqad, u mhux jifred.  Kif tajjeb intqal, il-ħolma tal-ftit żviluppat fit-tama ta’ ħafna.

Moderata u fiċ-ċentru

6.      Lil Merkel illum nistgħu faċilment inqegħduha fost dawn il-mexxejja fi ħdan din it-tradizzjoni ta’ bnedmin ta’ integrità u direzzjoni.  Saret forza ta’ stabilità għal pajjiżha u għall-istess Unjoni.  Waqt li pajjiżi oħrajn biddlu, hija baqgħet hemm.  Ma ntilfitx f’diskors dispreġjattiv, anqas f’isteriżmu, imma bil-kalma mexxiet ‘il quddiem pajjiż kbir f’mumenti diffiċli u kumplikati ħafna.  Punti li kif qed naraw qegħdin jiġu apprezzati iktar minn pajjiż li ma jridx ikun avventuruż.  Punti li jikxfu l-preparazzjoni politika tagħha ta’ bniedma li hija mgħarrfa u soda għax fl-apprendistat tagħha ġiet magħġuna u mbaskta tajjeb minn ta’ qabilha.

Eżempju għalina

7.      Dak li għaddej f’dak il-pajjiż kbir għandu jservi għalina bħala eżempju.  Iservi biex jixhed għall-fatt li partit fiċ-Ċentru m’għandux bżonn imur lejn il-lemin biex jirbaħ il-kunsens elettorali.  Anzi, għandu jassigura li jifhem li bit-tħaddim tal-valuri nsara tiegħu, u l-ideoloġija politika demokratika nisranija li jħaddan, il-poplu ma jinqatax minnu.  F’dinja politika fejn dejjem tonqos il-fiduċja f’dawk li jiġu eletti.  Fejn hemm iktar li jiġu ttantati lejn imġieba żbaljata.  Dan kollu huwa iktar rilevanti sabiex il-ġlieda għas-sewwa u għall-politika t-tajba jerġgħu jieħdu lura s-saħħa.  Għax hemm bżonn li l-popli ewropej jirbħu lura l-fiduċja tagħhom f’mexxejja li kapaċi jservu b’dinjità u attenzjoni.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...