7.5.15

LAQGĦA INFORMALI TAL-MINISTRI TAL-EDUKAZZJONI TAL-UNJONI EWROPEA.



15511. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid x’ġie effettivament diskuss fil-laqgħa informali għall-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea li saret fis-17 ta’ Marzu f’Pariġi? Minn min kien akkumpanjat? X’laqgħat bilaterali kellu? X’pożizzjoni ttieħdet minn pajjiżna dwar id-diskussjoni tal-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, tolleranza u non-diskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni?

23/03/2015

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-laqgħa informali għall-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea li saret f’Marzu f’Pariġi, ġie diskuss kif l-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jilqgħu għall-isfidi li joħorġu mill-inklużjoni soċjali, radikaliżazzjoni u ċittadinanza, liema sfidi ħarġu b’mod qawwi u ikrah f’attakki terroristiċi riċenti f’żewġ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Il-messaġġ tal-laqgħa kien li l-edukazzjoni tilgħab parti importanti mis-soluzzjoni u li bejn is-sistemi edukattivi tal-gvernijiet nazzjonali hemm spazju għal koperazzjoni biex jintgħelbu dawn l-isfidi komuni. Għal-laqgħa kont akkumpanjat mis-Sur Joseph Micallef, Direttur Riżorsi Umani fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Ma kienx hemm laqgħat bilaterali uffiċjali.

Rigward x’pożizzjoni ttieħdet, dawn huma l-punti mqajjma minn pajjiżna waqt id-diskussjoni tat-temi tal-laqgħa:

·               Jinħtieġ li flimkien mal-impjegabilità nqiegħdu mill-ġdid ċ-ċittadinanza bħala għan ċentrali tal-edukazzjoni. Jekk soċjetà tfalli milli tgħix magħquda fid-diversità u tisfaxxa minħabba radikaliżazzjoni u terroriżmu, l-ekonomija u l-ħolqien tax-xogħol ukoll ikunu affettwati.
·               Qed inħallu s-sistemi edukattivi tagħna jinħatfu għal kollox mill-PISAframework fejn l-ittestjar u r-riżultati f’suġġetti akkademiċi huma meqjusa ħafna iktar importanti minn valuri oħrajn umanistiċi u morali u li huma essenzjali għal ċittadinanza attiva u demokratika.
·               Is-sistemi tagħna għandhom jirrikonoxxu u jagħtu valur lill-edukazzjoni li tippromwovi ċ-ċittadinanza kemm fil-qafas edukattiv formali kif ukoll f’dak informali. Nipproponu li kontenut edukattiv ta’ ħiliet prattiċi tal-ħajja jsir obbligatorju fil-livelli ta’ edukazzjoni bikrija, primarja, sekondarja u post-sekondarja fejn tfal u żgħażagħ jingħataw rikonoxximent għall-impenn tagħhom lejn iċ-ċittadinanza demokratika, solidarjetà soċjali, xogħol volontarju u li dan il-pakkett ta’ ħiliet u esperjenza jingħata l-valur ta’ mill-inqas suġġett akkademiku wieħed fejn għandhom x’jaqsmu l-kundizzjonijiet tad-dħul biex wieħed jgħaddi għal livell edukattiv ogħla.

Seduta  259
05/05/2015


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...