28.5.15

Diskors li ghamilt fl-Estmi tal-Employment Training Corporation.

 ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, grazzi ta’ din l-opportunità li wieħed jitkellem fuq korporazzjoni li hija mportanti ħafna għall-pajjiżna.    Importanti għax hija verament, tista’ tkun għodda u katalista mportanti sabiex wieħed iċaqlaq il-quddiem is-settur tax-xogħol.  Settur importanti, settur vitali għall-pajjiżna li ovvjament jmexxi d-dinja sħiħa soċjali, ekonomika tagħna.    Importanti ħafna dan id-dibattitu sabiex wieħed jiffoka ftit fuq żewġ aspetti.  L-ewwel ħaġa x-xogħol, xi kwalità ta’ xogħol għandna f’pajjiżna u t-tieni li wieħed ukoll jiffoka x’ħidma għamlet din il-korporazzjoni f’din l-aħħar sena.  Ħidma li mill-istess rapport tindika li qed ssir tibdila kbira strutturali, interna, minn 3 direttorati, tlajna għal 7 direttorati u allura wieħed qed jistenna li apparti dak li se niddiskutu llum fuq dak li sar qabel, wieħed jistenna li fis-snin li ġejjin l-korporazzjoni tkun mxiet ‘l quddiem. 

M’hemmx dubju u mhux se noqogħdu niddisputaw l-istatistika, l-istatistika tindika li għandna sitwazzjoni li hija bin-numri ferm aktar pożittiva milli kienet fis-snin oħrajn.  Jiġifieri li għandek iktar nies li ġew fid-dinja tax-xogħol, għandek iktar nies li huma mpjegati, jiġifieri meta qed nitkellmu fuq 165,000 ruħ li qed jaħdmu f’pajjiżna naħseb li dak fih innifsu huwa pożittiv.   Però ħadd ma jlum li aħna nidħlu hawn ġew għad-dmir li niddiskutu jekk kemm-il darba dak li qed naraw f’dan ir-rapport tal-istatistika, f’dan ir-rapport tal-ewwel faċċati ta’ dan ir-rapport tal-Employment Training Corporation huwiex mbagħad jaqbel ma’ affarijiet oħrajn li qed joħorġu fis-soċjetà.  Jien nieħu pjaċir li għandna l-Ministru Evarist Bartolo li qed jieħu ħsieb dan is-settur għax nemmen li għandu ruħ soċjali u nemmen li l-formazzjoni xellugija tiegħu għandha tgħin sabiex ikun hu katalist, ikun hu xprun sabiex iħaddem ‘l quddiem mhux biss lil din il-korporazzjoni imma jkun hu ġellied sabiex jikber aktar il-kwalità tax-xogħol f’pajjiżna.  

Jien Ministru, jekk tippermettieli, inti s-sena li għaddiet waqt dan id-diskors kont bdejt b’viżjoni li hija ferm aħjar minn dik li bdejt bija llum.  Int kont għedt: “Għalhekk waħda mill-policies ewlenin ta’ dan il-Gvern f’dawk li huma mpjiegi hi li jaħdem mhux biss biex iżid l-impjiegi ta’ kwalità tajba imma biex jara li jagħti dawk l-inċentivi meħtieġa ħalli kemm jista’ jkun in-nies jinqalgħu mill-benefiċċju soċjali u jidħlu fix-xogħol għaliex l-aħjar mod kif intejbu l-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna, kif ikun hawn iktar ġustizzja soċjali fostna u kif nikkumbattu l-faqar f’pajjiżna huwa proprju x-xogħol.”   Issa rridu naċċettaw li bi ħsebijiet tajbin u li hu sewwa li jkollu l-Ministru, għandu jkollna anke aħna, però rridu naċċettaw li l-istatistika qegħda turi żewġ affarijiet mportanti, l-ewwel li l-faqar jew inkella l-persuni f’riskju ta’ faqar sfortunatament f’dawn l-aħħar xhur mhux naqas żdied.  U rridu ngħidu ukoll li tul din is-sena l-persuni li jinstabu fiz-zona tal-prekarjat, anzi fiz-zona ta’ dawk li m’għandhomx kuntratt definittiv, ta’ dawk li għandhom kuntratt ta’ sitt xhur, sitt xhur, ta’ dawk li għandhom kondizzjonijiet tax-xogħol li mhumiex daqs dawk tal-fulltime, li m’għandhomx stabilità sfortunatament baqa’ hemm.   U baqa’ hemm u ma tnaqqasx, baqa’ fuq l-ixkaffa tagħna biex aħna rridu b’xi mod jew ieħor nikkonsidrawh.  Naħseb li dan huwa periklu jekk kemm-il darba f’dibattitu bħal dan ma niddiskutuhx.  
Jien mhux qed nipprova nipponta subgħajja lejk, Onor. Ministru, l-unika ħaġa li qed nipprova nagħmel ħaġa waħda, jien niddejjaq nidħaq bija nnifsi, jien inħobb inħares lejn ir-realtà u nifhem x’inhi r-realtà li hemm madwari.  Jew inkella naqbad it-triq biex jien nifhem x’inhi r-realtà li wieħed jiffaċċja.  Wieħed irid jgħid  li tul dan iż-żmien l-prekarjat baqa’ b’saħħtu u anke f’Ministeru bħal tiegħek, l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol taf inti bħalma jafu diversi nies li għandek ukoll taħtek stess nies li għandhom kuntratti ta’ sitt xhur, sitt xhur.   Jiġifieri dan ifisser li jekk proprju fil-Ministeru tax-Xogħol u l-Edukazzjoni, għad hemm din is-sitwazzjoni, allura jrid jagħmel riflessjoni u wieħed irid jara jekk kemm-il darba l-Employment Training Corporation hiex qed tagħmel is-sehem tagħha sabiex iċċaqlaq ‘l quddiem l-affarijiet.
Issa huwa vera li aħna rajna żieda fl-istatistika ta’ nies li qegħdin jaħdmu però hemm numru ta’ domandi li jridu jsiru Ministru.  Per eżempju, x’kien l-effett tan-numru kbir ta’ nies li daħlu jaħdmu mal-Gvern.  Jien meta kont nismà lill-partit Laburista fl-Oppożizzjoni kont naħseb jew ingħatajt l-impressjoni, diversi nies ingħataw dik l-impressjoni li n-nies kollha li qegħdin fuq kuntratt prekarju taħt Gvern Nazzjonalista kienu se jidħlu awtomatikament mal-Gvern.   U kien se jkun hemm sitwazzjoni fejn dawk li jaħdmu f’xi sptar, dawk li jaħdmu f’setturi varji, x-xogħol tagħhom ser isir full-time u ser isir full-time mal-Gvern.  Minflok dan baqà ma sarx u inti taqbel miegħi li daħħalna kwantità kbira ta’ nies mal-Gvern u dawn ikkreaw ċertu effetti. U dawn l-effetti naħseb li tajjeb li niddiskutuhom, jiġifieri jien bħala Oppożizzjoni nista’ nakkużak u ngħidlek:   Qegħdin taħdmu fuq linja ta’ kljenteliżmu, qed taħdmu fuq linja li ddaħħlu lin-nies tagħkom jaħdmu mal-Gvern, qegħdin taħdmu biex idaħħlu nies li wegħedtuhom li tagħmlu din il-high up ..... Nista’ ngħidlek, Onor. Ministru, u qed nkun ġentili fiha u isma mingħandi Ministru għax in-nies fit-triq dak li qegħdin jgħidu ....Qed jgħidu li daħlu kwantità kbira ta’ nies jaħdmu mal-Gvern.  Issa l-istatistika dik turi, li daħlu kwantità kbira ta’ nies jaħdmu mal-Gvern u dawk ikkreaw numru ta’ affarijiet, fosthom ikkrejaw vakum fis-settur privat.   Hemm numru ta’ kumpaniji li llum l-ġurnata sabu li diversi nies tagħhom telquhom, nies li kienu tawhom it-taħriġ, nies li kienu ilhom jaħdmu magħhom, li draw magħhom iċaqilqu biex marru jaħdmu mal-Gvern.   Dan ħoloq vakum u ħoloq diffikultà lil ċertu settur fl-industrija.   Mhux biss imma ħoloq ukoll ċertu żbilanċi li wieħed illum irid jara kif se jindirizzahom.  Naħseb li l-Gvern bil-miżura li għamel vera ċaqlaq ix-xogħol, però għandi biżgħa li l-istatistika li għandna quddiemna ma tindikax bil-preċiż x’inhi r-rata ta’ tkabbir ekonomiku li għandna f’pajjiżna.  Naħseb li tajjeb li aħna niddiskutuha Onor. Ministru biex naraw jekk kemm-il darba din il-miżura waslitx għal iktar ġid jew inkella għal iktar deni.  

Ngħid iktar deni f’dan is-sens, fis-sens li inti għandek numru ta’ nies ..... Onor. Ministru jien qed nipprova nkun ġenwin u nitkellem miegħek bl-iktar mod miftuħ għax naħseb li inti bniedem tar-raġuni u tipprova tirraġuna u anke tipprova tidħol għall-affarijiet li jridu rimedju.  U wieħed irid jgħid li fis-settur privat għandek illum sitwazzjoni fejn biċ-ċaqliq ta’ 4,000 ruħ, għandek illum klassijiet ġodda, għandek nies ġodda, li sabu lilhom infushom jaħdmu f’mod permanenti mal-Gvern.  Naħseb li hemm għandek ċertu alarm bells li inti trid tara.  Pereżempju fost dak li jingħata hawnhekk fid-dokument tal-ETC, għandek il-kwestjoni tan-notification of vacancies.  Fin-notification of vacancies, jiġifieri nies li fis-settur privat qalu lill-ETC li għandhom bżonn nies, is-sena l-oħra, skont dan il-librett, kien hemm notifikazzjoni ta’ 17,052 persuna.  Minn dawn, insibu li kien biss 3,277 persuna li l-ETC sabitilhom replacement.  Jiġifieri kien biss 20% tat-talba tas-suq li l-ETC sabet għaliha.

Punt ieħor li jinkwetani, u naħseb li dan ir-rapport qiegħed jindika, huwa dak marbut max-xogħol prekarju; l-ewwelnett għax għandek numru ta’ part-timers li mis-sena l-oħra għal din is-sena żdiedu.  Il-part-timers żdiedu b’8%.  Żdiedu wkoll bi kważi 9% il-part-timers li l-istess Korporazzjoni qiegħda tiddikjara li huwa x-xogħol prinċipali ta’ dak li jkun.  Is-sena l-oħra l-part-timers tiegħu 60,555 u dawk li issa qed iħarsu lejn il-part-timer bħala primary job tagħhom, għandek 35,000, kważi 36,000 persuna.  Naħseb li dan jitlob riflessjoni u attenzjoni.  Mhux biss, imma l-istess rapport jgħid:
“...  the increase in part-time employment has originated from the female cohort of the labour force.”
 Naħseb li din ir-rimarka għandha tiftħilna wkoll għajnejna hawn ġew ta’ jekk kemm-il darba aħniex jirnexxilna nġibu nisa mid-dinja tax-xogħol taħdem verament jew aħniex lin-nisa li qegħdin inċaqilqu għad-dinja tax-xogħol humiex fis-settur tal-part-timer employment.
Għandek ukoll żewġ setturi oħrajn ta’ inkwiet; għandek is-settur tal-agrikultura, li din is-sena baqa’ nieżel u naħseb li l-agrikultura titlob iktar attenzjoni; titlob li jkun hemm strateġija iktar aħjar milli għandna llum.  Imbagħad għandek is-sitwazzjoni f’Għawdex.  Is-sitwazzjoni f’Għawdex nafu – minn dak li qed tgħidilna l-ETC – stranament Malta jidher li qed jonqos l-qgħad, però Għawdex qed jiżdied.  Għawdex fl-2014 minn 730 ruħ tlajna għal 765 ruħ.  L-ammont mhux kbir ħafna, però l-indikazzjoni hi li ġo Għawdex is-settur tax-xogħol mhuwiex qiegħed jiċċaqlaq.  Anke jekk l-ETC bi ħsiebha tagħmel żewġ affarijiet; li tagħmel sezzjoni speċjali għal Għawdex u bi ħsiebha wkoll jekk rajt tajjeb iddur il-persuni kollha li hemm jirreġistraw wieħed wieħed, naħseb li dak jista’ jkun li mhux biżżejjed sabiex wieħed iċaqlaq l-affarijiet.  Fil-fatt ir-rapport jgħid:a massive exercise that involves contacting all employers in Malta and Gozo in order to ensure that the data ETC holds about employers and the employed population is updated.” Naħseb li Għawdex jimmerita aħjar milli qed jingħata.  Naħseb li hawn, l-ETC trid taħdem iktar milli ħadmet tul is-sena li għaddiet, biex tipprova issib iktar xogħol milli sabet fl-aħħar żmien għal dawn in-nies.

Però, naħseb li fejn jidħol il-prekarjat, għalkemm fil-baġit aħna rajna li kien hemm ħafna proposti biex jattakkaw il-prekarjat, però jidher li dawn il-proposti għadhom qed isibu diffikultà biex jiċaqilqu.  Jien rajt li s-Sur Josef Vella, tal-UĦM fit-30 ta’ April għamel dikjarazzjoni li rajtha pjuttost qawwija u b’saħħitha, li fiha hu qiegħed jgħid li s-sitwazzjoni tal-prekarjat ma ġietx bl-ebda mod indirizzata.  Jgħid hekk: “It is still very much an every day realty for our most vulnerable workers and what is unacceptable is that no real effort is being made to eliminate it once and for all.” Naħseb li dak li qal is-Segretarju Ġenerali ta’ waħda mill-ikbar unions f’pajjiżna, timmerita attenzjoni.  Il-Ministru mhux qed jaqbel magħha; u żgur li se jikkontrobattiha, però hawn jidwi l-punt li Segretarju Ġenerali ta’ union importanti qiegħed jgħid din il-ħaġa.  Ikompli jgħid: “The UĦM calls for the Government to take bold steps to eliminate this uncertainty once and for all by ensuring decent working conditions for each and every worker.”
 Naħseb li l-proposta tiegħu hija konkreta u naħseb li tajjeb li jekk ma niddiskutuhiex illum, almenu l-Ministru jikkonsidraha.  Infakkar lill-Ministru li l-UĦM qalu li tkun xi ħaġa tajba jekk kemm-il darba jkun hemm templates fuq il-portal tal-ETC; nittama li din se tiġi inkluża, sabiex meta jiġu finalizzati kuntratti ta’ xogħol, dawn awtomatikament jiġu reġistrati mal-ETC, u allura dak l-impjegat ikun ċert mill-kundizzjonijiet li hu jkollu quddiemu.
Ministru, naħseb li hawn ġew naraw dinja, u ċertu drabi meta wieħed isir ministru, jara dinja oħra.  Però, hemm din l-għajta hemm barra li hemm ħafna nies fil-prekarjat.  Hemm nies li għandhom kundizzjonijiet ta’ xogħol li mhumiex tajbin.  Dalgħodu stess qiegħed għaddej fix-xogħol tiegħi sejjer lejn il-qorti; waqqafni wieħed u qalli: "Aqbeż għalina, għax qegħdin f’kuntratt ta’ sitt xhur, sitt xhur; araw x’se tagħmlu inthom fil-Parlament!  Ċaqilquhom l-affarijiet!."  Jien inħossni fid-dmir li nressaqlek dawn l-affarijiet għal konsiderazzjoni tiegħek.  Inti Ministru li żgur li tħoss il-polz tal-ħaddiem.  Jien inħossu l-polz tal-ħaddiem!  Jien nittama li l-għeruq xellugin tiegħek terġa’ tmur lura lejnhom Marx, Lenin  Rosa Luxemburg.  Jien mhux se nsemmilek lil Aldo Moro jew lil Giuseppe Dossetti, għax inti tieħu għalik!  Però, inħeġġek sabiex tagħmel din il-ħaġa.  Jien naħseb hawn li l-ETC għandha opportunità.  Jien ma nippretendix li l-ETC trid issib ix-xogħol għal kulħadd f’dan il-pajjiż; fis-sens li kull min għandu bżonn ix-xogħol irid bilfors imur għand l-ETC għax inkella ma jistax isib ix-xogħol.  Però, naħseb li l-ETC għandha bżonn tagħmel iktar investiment f’dak li huwa taħriġ.  Hemm ħafna setturi li m’aħniex qegħdin nindirizzaw biżżejjed.  Waħda mir-rimarki li hawn fil-paġna 25, li jagħmel referenza għaliha l-Onor. Charles Mangion hija “The general perception of ETC today maybe that it is a national employment mediator/recruiter that has not kept up with the times.

This is a very bold statement.  Tajjeb, però li għandek illum setturi ta’ ħaddiema vulnerabbli: dawn fil-prekarjat, in-nisa, u għandek ukoll settur ieħor - li rrid insemmi hawn għax ma jingħatax biżżejjed importanza – ta’ nies li minkejja laħqu l-età tal-pensjoni, xorta waħda baqgħu parti mill-cohort tad-dinja tax-xogħol.  Naħseb li pajjiżna, għandu bżonn li jkollu cohort iktar qawwi ta’ nies!  Hemm bżonn li aħna nagħtu iktar taħriġ!  Li l-edukazzjoni u x-xogħol qegħdin taħt l-istess ras u għandha l-istess direzzjoni hija ħaġa tajba.  Però naħseb li m’aħniex qegħdin naraw l-affarijiet biżżejjed tajjeb.  X’viżjoni qed jibni l-Gvern?   X’irid jimponi hu bħala role player fis-soċjetà?  Ministru, inti żgur taqbel bħali li l-politiku għandu jibqa’ l-persuna li tkun katalist u li jkun hu li joħroġ bl-ideat.  Dan huwa settur verament importanti li jsir, għar-raġuni li qed naraw li bl-industrija, b’nies varji, dak li qed jiġri barra minn Malta, hemm il-ħsieb li dan huwa settur fejn dak li hemm demand għalih aħna niċċaqilqu u mhux neċċessarjament li aħna bħala pajjiż inħarsu ‘l quddiem u naħsbu iktar f’dak li rridu nagħmlu.  Nisimgħu b’ħafna training programs għan-nies.  Huma tajbin it-training programs; però dawn it-training programs qegħdin jagħtu l-frott li aħna nixtiequ, jew il-frott li aħna nippretendu li għandhom?  Waħda mill-għodda li għandha l-ETC għad-dispożizzjoni tagħha hawn għar-riflessjoni u jien ngħid bis-Sur Philip Rizzo, l-Bord tad-Diretturi li ġew magħżula; għandna illum opportunitajiet li nifhmu d-dinja tax-xogħol fejn qed tmur.  Ministru, jien pereżempju bqajt skantat kif staqsejtek domanda parlamentari dwar is-sehem tal-ETC jew tal-Ministeru tiegħek mal-International Labour Organisation (ILO)I don’t want to be labor the point.  Għalija kienet stramba li s-sena l-oħra ħadd mill-Ministeru tiegħek jew mill-ETC  ...  Ministeru ieħor?  Dawn x’metodi huma?  Mela l-ILO taf kemm hemm rapporti tajbin?  Għadhom kif ħarġu rapport fid-19 ta’ Mejju: World Employment and Social Outlook: The Changing nature of jobs.  ILO warns of whitespread insecurity in the global labour market.  Ministru, naħseb li anke jekk mintiex il-Ministru  ...  Hawnhekk ġejna kritikati mill-Oppożizzjoni fuq kif aħna l-Kap tagħna għamel it-team, imbagħad aħna qegħdin inħajjrin biex nagħmlu l-kritika lilkom fuq dawn il-metodi ta’ kif tagħmel l-affarijiet.  Jekk inti l-Ministru għax-xogħol, l-ILO almenu nies tal-ETC għandhom ikunu jafu x’inhuwa jiġri ġod-dinja tal-ILO.  Jien nistiednek biex taqrah dan ir-rapport.  (Interruzzjonijiet)  Iktar u iktar nippretendi iktar mingħandek jekk kemm-il darba inti hawn qed tiddikjara li qrajtu!  Almenu taf kemm fih faċċati?  Jien qed nappella għas-serjetà, li hemm diġà know how, hemm expertese, li aħna nistgħu nużaw.  Hawnhekk, f’dan ir-rapport, hemm spezzetat il-ħaddiem x’inhuwa jieħu fid-dinja tax-xogħol lura d-dar miegħu; x’inhuma l-pitfalls li hemm; x’inhuma d-diffikultajiet li qed jemerġu.  Naħseb li hawnhekk inti għandek timxi ftit biex iċċaqlaq iktar mod intelliġenti l-ETC biex ma tibqax tagħmel ċertu affarijiet li kienu isiru u jibqgħu jsiru bl-istess mod.  Wieħed iħares ukoll lejn x’tip ta’ korsijiet aħna qegħdin nagħmlu; u x’tip ta’ nies qegħdin inġibu biex jagħmlu ċertu korsijiet.  Naħseb li hemmhekk għandna lok li fih aħna nkunu nistgħu naħdmu ferm aħjar milli qegħdin naħdmu llum.

Hemm punti oħrajn li jinkwetawni u nixtieqek ukoll fir-replika tiegħek, tgħidilna sewwa sew kemm persuni nqatgħu mir-reġistrar.  Fix-xenarju ta’ dan kollu għandek numru ta’ fatturi li trid tieħu in konsiderazzjoni.  Onor. Ministru, reċentament inti weġibt domanda parlamentari tal-Onor. Charlò Bonnici li fih l-Onor. Charlò Bonnici staqsiet kemm hawn third country nationals li jaħdmu legalment hawn Malta.  Fid-diskors inizjali, għamilt aċċenn għalih.  Għamilt aċċenn li hawn madwar 100 persuna.  Però, meta tara l-istatistika li inti preżentajt issib li fil-pajjiż hawn 6,112 persuna li huma parti mill-cohort ta’ nies li qegħdin jaħdmu fid-dinja tax-xogħol.  Kemm sewwa sew nies inqatgħu minn fuq ir-reġistrar?  Għaliex?  Għax qisu hawn tlett verżjoni.  Hawn verżjoni paġna 4, li fih qegħdin ngħidu li 1,020 persons for registry for work dropped; tnaqqis ta’ 1,150 registered unemployed in Malta decreased b’dan il-mod.  Imbagħad, f’paġna 14, għandek 1,700.  Imbagħad għamiltlek domanda parlamentari speċifika fuqha din, u għidt li hemm 518.  Naħseb li l-istatistika turi li żdied l-ammont ta’ nies li qegħdin jaħdmu full-time u n-nies li qed jaħdmu part-time.  Però għar-rigward tal-qgħad għandek din il-pinzelleta ta’ tnaqqis ta’ nies li qed isiru għax jaqtgħuhom barra mir-reġistrar.  Allura għandek 4,000 li daħlu jaħdmu mal-Gvern, u għandek madwar 1,000 ruħ ieħor li nqatgħu minn fuq ir-reġistrar.  Qed nitkellmu fuq madwar 5,000 u 6,000 ruħ.  Xorta waħda qegħdin nirreġistraw li għalkemm hemm tnaqqis fin-numru ta’ nies qiegħda, xorta meta tgħaqqad dan il-figuri, ssib li n-nies qegħda, meta tarahom, tara li effettivament żdiedu.  Naħseb li l-Ministru jrid ukoll jaralna ftit fuqha din tal-ħaddiema barranin.  Ngħid li jrid jaralna ftit fuq il-ħaddiema barranin għax stranament, jew biex ngħidu hekk, parti importanti mid-diskussjoni hija dak li hemm f’paġna 15 fejn hawn li s-sena li għaddiet, mill-inspections li naħseb li għamlu l-ETC, mhux il-Ministeru l-ieħor, kien hemm employment of unlicensed foreigners minn 130 fis-2013 telgħu għal 734.  Il-Ministru jista’ jgħidli: isma’, inti xi trid tgerger; qed nagħmlu iktar xogħol minn qabel?  Naħseb Ministru, li issa għandek numru ta’ nies li ġew mill-Ewropa biex jaħdmu f’pajjiżna  ...  L-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari jgħidulek li f’pajjiżna ġew iktar persuni, ħaddiema mill-Italja hawn Malta.  Iva, imma issa għandek din l-istatistika Ministru  ...  Ministru, nixtieq li nagħmlu dan id-dibattitu biex ikun dibattitu  ...  Hawn għandek 734 ruħ li għad-differenza tas-sena ta’ qabel  fejn kien hemm 130.  Taf x’qed ngħidu?  600 ruħ li instabu jaħdmu mingħajr ma għandhom il-ktieb tax-xogħol li huma barranin!  (Interruzzjonijiet)  Le, mhumiex EU nationals.  (Interruzzjonijiet)  Għidtlek li immigranti irregolari Ministru!  Jien qed ngħidlek li hawn għandek diġà 6,000 ruħ li qegħdin jaħdmu; barra minn dan żdiedlek 700 ruħ li huma fattur li wieħed irid jara x’inhuwa jiġri fid-dinja tax-xogħol!  Bil-vacuum li ġie kreat bl-4,000 ruħ li ċċaqilqu mal-Gvern hemm ċertu konsegwenzi.  Jien qed ngħid dan; issa inti kkontrabatti u għid li  ...  Ministru, inti għandek f’idejk l-istatistika kollha.  Jien għandi parti mill-istatistika li ġiet għad-dispożizzjoni tiegħi.  Għandek ukoll affarijiet li lili okruli għajnejja.  Pereżempju, f’paġna 13 għandek: a total of 31,000 job seeking registration took place during 2014.  Imbagħad ikompli jgħid:  in total 18,399 job seekers (unique) use the registration services,   5,627 of these were new services users. Minnhom dawn ifisser li għandek kważi 13,000 li huma old services users.  Naħseb li dik hija indikazzjoni li x-xogħol tat-taħriġ li qiegħed isir fil-Korporazzjoni jrid li jkollu tibdil ‘l quddiem, ċaqliq ‘l quddiem sabiex ma jkollnix dan il-kwantità kbira ta’ nies, għalkemm mid-domanda parlamentari li għadni kif għamiltlek jiena, jidher li hemm kwantità kbira ta’ nies li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol u dan fil-ġdid, hemm 18,000 jew 19,000 persuna li fil-bidu ta’ din is-sena bdew jirreġistraw.   Jien ngħid li diversi nies daħlu jirreġistraw taħt Part 1 jew Part 2 bit-tama li jidħlu jaħdmu mal-Gvern.  Nittama li dak li qed ngħid jien huwa assolutament ħażin.  Però żgur mhux forsi li rnexxielkom toħolqu din il-leblieba għall-persuni li jridu jidħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol imma jidħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol meta jridu jaħdmu direttament mal-Gvern.   

Ħadt pjaċir nara dak li qed isir fil-matching, jiġifieri li qegħdin tipprovaw ġġibhom sistemi minnbarra, dan il-Flemish Public Employment Service li inti semmejt fil-bidu tad-diskors tiegħek, li jidher msarraf però naħseb li wieħed ukoll irid ikun realistiku u jgħid ukoll Ministru li l-proposta tal-mature workers rule scheme  ma ħadmitx.  Issa x’inhi r-raġuni wieħed irid jiddiskutiha, wieħed irid jidħol ftit fil-fond tagħha, però meta inti qiegħed tiddikjara fil-paġna 16: “Does employers benefit to ...value of 5,800 per annum, employers are also eligible for further tax reductions.  However the Corporation only received 62 applications for such employment incentive of which only 9 were eligible.”  

U naħseb li hemm Onor. Ministru tajjeb li niddiskutuha u naraw jekk kemm-il darba l-Mature Worker Rule Scheme li ħarġet fil-baġit 2014 hijiex magħmula tajba jew hijiex magħmula waħda li ċċaqlaq l-affarijiet ‘l quddiem.  Li hawn verament interessanti hawn hija li dak li ġie maħluq minn Gvern Nazzjonalista qabel, jiġfieri l-Community Work Scheme ħadmet u d-diversi affarijiet li saru minn Gvern Nazzjonalista ħadmu. U naħseb li għal dik l-amministrazzjoni qed nirreferu meta f’paġna 16 hawn miktub:

During 2014 at total of 1,407 persons participated in the Community Work Scheme that had been treated by the earlier administration. 

Nimmaġina “earlier administration”  hija nationalist administration għax jista’ jkun earlier ta’ xi ħaddieħor li kien qiegħed fil-Korporazjoni.  (Interruzzjonijiet)  Ma nafx għalfejn semmejtuha b’dan il-mod.

Għandek ukoll – toqgħodx tieħu għalik Ministru, jien bi spirtu tajjeb qiegħed nitkellem -  l-Employment Aid Programm li fortunatament baqà jaħdem tajjeb u għandek t-Training Aid FrameworkTraining Aid Framework 2 redesigned li qiegħed ukoll ssarraf tajjeb u naħseb l-Korporazzjoni għamlet sewwa li timxi aktar ‘l quddiem fiha. 

Għar-rigward tad-diżabilità tkellem sija l-Onor. Robert Cutajar u l-Onor. Stephen Spiteri però naħseb li hemm settur ieħor li l-ETC trid tagħti kasu li hu dak tal-persuni li hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Hemmhekk naħseb li l-fatt li rajna 77 persuna naħseb li huwa tajjeb, però Ministru hemm bżonn xprunatura aktar .....Se ngħidlek, hemmhekk hemm il-Liġi tal-Ġustizzja Riparatriċi, li tagħti kwantità kbira ta’ għodda ġodda li hemm bżonn li jitħaddem.  Issa naf id-diffikultajiet, naf l-komplikazzjonijiet però hemm bżonn li jkun hemm drive.  Jien nippretendi li jkun hemm dik id-drive biex din il-ħaġa ssir u ssir tajjeb.  U allura Ministru l-ġudizzju tagħna rigward l-ETC huwa ġenerikament mhux negattiv però nippretendu li jsiru affarijiet oħrajn u aħna bħala Oppożizzjoni se nitolbu li jsiru affarijiet oħrajn.  

Però hemm punti oħrajn ukoll li ħarġu fl-accounts li tajjeb li wieħed jikkontrollahom.  Pereżempju, ma nistax nifhem għala din iż-żieda daqshekk qawwija fl-office supplies.   L-office supplies minn €90,000 nfieq fis-sena 2013 li aħna konna qed naħsbu li kienu ta’ ċertu ammont is-sena l-oħra telgħu għal €120,000, jiġifieri żieda ta’ 35%.  L-istess għal dak li jirrigwarda marketing and advertising u dan forsi jista’ jkun ġustifikat għax hemm bżonn li jsir iktar reklamar biex nies jitħajjru jidħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol mas-settur privat milli joqogħdu jistennew li jidħlu jaħdmu mal-Gvern.  L-istess għar-rigward travelling and accomodation u stranament ukoll l-legal and professional  nittama li mhux biss legal imma anke l-professional hemm xi raġuni partikolari li s-sena li għaddiet rajna żieda ta’ minn €83,900 għal €145,000, jiġifieri żieda ta’ €61,000.  Naħseb li dawn jekk huma ġustifikati tant aħjar, però naħseb li wieħed tajjeb li jdurhom u jara ftit l-affarijiet kif inhuma.  

Jien Ministru ninkwieta ftit ruħi f’dak li qed jiġri fis-settur tax-xogħol.  Kellimtek rigward il-kwestjoni tal-prekarjat però hemm ukoll settur li ma nafx jekk jaqax taħtek jew le.  Fis-sens tifhimnix ħażin, għax impustajtha ħażin ....Almenu l-kwestjoni ta’ dak li qed jħossu ċertu ħaddiema għar-rigward ċertu diskriminazzjoni.  Issa jien mhux se ngħid diskriminazzjoni fl-ETC, se ngħid diskriminazzjoni madwar is-settur pubbliku b’mod partikolari.  U mhux se ngħid diskriminazzjoni bejn dawk li huma ttimbrati politikament mod jew ttimbrati politikament mod ieħor.  Però hemm llum kwantità kbira ta’ lmenti ta’ nies li huma mill-Partit Laburista stess li qed jiġu jitkellmu u jgħidulna bin-nuqqasijiet li qed isiru fil-konfront tagħhom, ta’ nies li jiġu pparkjati f'mkien partikolari, li ma jingħatax xogħol, li jitħallew on the way side li naħseb inti bħala Ministru għedtilna llum li tixtieq tara etika tal-bżulija.  Nassigurak Ministru li għandek kwantità kbira ta’ ħaddiema li jridu jaħdmu li sfortuntament minħabba fl-ittimbrar żgħir tal-moħħ żgħir ta’ ċerti nies fiċ-Ċivil qed jitwarrbu ‘l hemm u ‘l hawn.  Jien li nista’ ngħidlek u nista’ naħilfu dan, li kulmin kien miegħi ħadem kien x’kien u ppruvajt nsiblu r-role partikolari tiegħu biex iħossu li jista’ jagħti s-sehem tiegħu.  Nemmen u nittama li inti .... (Interruzzjonijiet) .... Ministru, ma ridtx qisni daħħalt subgħajja fil-ferita.   Almenu, ismagħni Ministru, almenu jkun hemm d-diskussjoni interna fil-Gvern biex din il-ħaġa kemm jista’ jkun tiġi ridotta.  Dawn huma nies li tiltaqà magħhom Ministru, nassigurak li dan m’aħniex nivvintawh, issa jekk kemm-il darba intom din il-ħaġa ma tixtiequx tisimgħuha aħna ma ngħiduhiex.  Però ismagħni Onor. Ministru .... Le, m’għedtlekx hekk, anzi għedtlek fil-bidu nett, inti ma tkunx qed tismagħni kompletament dak li nkun qed ngħidlek.  Inti smajtni biss meta faħħartek fuq ix-xellug  u fuq Marx u fuq Lenin u fuq din il-ħaġa ....  Jien naħseb .... (Interruzzjonijiet)  inti fil-konfront tiegħek, naħseb m’għandekx bżonn hearing aid.  

Jien nagħlaq billi ngħid, isma’ aħna niedħu pjaċir li l-korporazzjoni timxi aktar ‘l quddiem, nħarsu ‘l quddiem li tilħaq il-mira tagħha li qed tgħid hi li tasal lejn dak li trid is-soċjetà Maltija u ma nippretendux l-mirakli, però nippretendu li jkun hemm iktar korpi ta’ taħriġ, iktar taħriġ ġdid differenti milli aħna kellna qabel.  Nirringrazzjak u nawgura li s-sena li ġejja jkun hemm suċċess lluminat tajjeb.   Grazzi.



No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...