18.12.12

Ktieb ġdid għal dawk li jħobbu l-Espresso? *





1.       Wasalna lejn l-aħħar tas-sena.  Ftit jiem oħra u skond il-kalendarju tagħna nibdew sena ġdida.  Mingħajr ma wieħed irid isib lilu nnifsu jerġa’ jdur lura u jħares lejn dak li wettaq fl-aħħar sena.  Inkella ftit aktar jipprova jara aħjar jekk b’dak li wettaqna sirniex parti mill-proċess sħiħ ta’ bidla għas-sewwa, il-ġustizzja u l-valuri sħaħ tal-ħajja li għaddejjin minnhom.  Bħala politiku nisrani nitlob u nittama li kont strument f’idejn il-Ħallieq sabiex tikber il-ġustizzja soċjali u l-paċi fis-soċjetà tagħna.

2.       Hemm sens ta’ pjaċir u sodisfazzjon li wieħed jaħdem favur il-ġid tal-bniedem sabiex il-proxxmu jimxi 'l quddiem.  Meta tara li b’miżura, b’liġi, b’deċiżjoni inbidlet triq u seħħ dak li kien hemm ħtieġa tiegħu mingħajr ma trid tiġġustifika ħafna mis-sagrifiċċji personali li tkun għamilt.  Jista’ ħaddieħor jipprova jċekkinhomlok, jew jirridikolak, jew imaqdrek jew ikasbrek però ma tridx tagħti każ u timxi 'l quddiem.  Tħalli kollox warajk, tħares lejn id-dawl tas-sewwa u ttarraġ ’il fuq.

3.       Ħafna drabi l-politiku jsib ruħu waħdu.  Mhux utilizzat tajjeb.  Anzi mqiegħed ukoll fuq xkaffa ta’ inattività u jista’ jħossu maqtugħ minn kollox, però hemm irid jerġa’ jdur lura lejn qalbu u għeruqu b’iktar saħħa sabiex jgħarbel u jifhem aħjar lilu nnifsu.  Ma hemmx isbaħ mill-ixjeħ ktieb fid-dinja għall-fonti ta’ l-għerf u l-issudar tal-qalb.  Il-Bibbja mimlija b’pariri tajba għall-bniedem.  Min jeħodhom bil-qalb mingħajr dubbji jaf li qed jibni azzjonitu fuq pedamenti sodi li dal-kliem jagħtuh.

4.       Hemm materjal kbir li ftit jiġi utilizzat tajjeb.  Ibda mis-Salmi, li ma nafx lil min ma jċaqilqux (kemm kien jaf x’inhu jagħmel San Benedittu li esiġa li s-Salmi jinqraw kollha f’ġimgħa) u kompli bil-kotba kollha, speċjalment il-Vanġeli.  X’hemm isbaħ minn kitbet l-erba’ Evanġelisti, kollha mimlija b’eventi minn ħajjet Sidna Ġesù Kristu?

5.       Fl-aħħar tas-sena l-jum tal-Milied jersaq biċċa biċċa lejna.  Festa li fiha tant sustanza li titlob l-attenzjoni tagħna mill-bidu, forsi b’attendenza anki għan-novena li però ħafna drabi nagħtuha biss f’lejlietha.  Nispiċċaw inħarsu lejha bħal xi forma ta’ novella ħelwa, anġelika, pastorali li però m’għandhiex rilevanza għar-realtà iebsa tal-ħajja ta’ kuljum u għalhekk ma nħalluhiex tmissna f’qalbna.

6.       Dan ġej mill-fatt li nqtajna minn ċertu ħin għar-riflessjoni.  M’għadniex ngħarfu kemm dan jista’ jkun tajjeb u għalhekk drabi huwa biss dak il-kafè ta’ filgħodu jew wara nofsinhar li jippermetti xi ħsieb fuq il-ħajja u l-iskop tagħha.  Proprju dan il-fatt ġieb il-pubblikazzjoni ta’ librett li huwa tweġiba tajba għal dawk li jridu jibdew triq ġdida u f’dak jieħdu frott aqwa.

7.       Rajt u xtrajtli l-għażiża oħti librett żgħir, wieħed minn dawk li jidħol f’kull but ta’ kull ġlekk jew ġakketta bl-isem interessanti ta’ “The Bible Espresso”, bid-deskrizzjoni iktar qawwija fil-ġenb li taqra “The Bible in sips”.  Huwa għodda sabiħa għal dawk li jaħsbu li huma ultra mħabbtin.  Bih tista’ żżomm ruħek għaddej.  Tixrob kuljum mhux biss dak l-espresso li tant ħwienet qed iservu tajjeb iżda minn kelmet is-sewwa.  Balzmu tajjeb u garanzija għal ħidma attenta, diretta u li twassal għall-paċi u l-ġustizzja.

*Dan l-artikolu kien deher fil-gazzetti fl-2007.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...