31.12.12

X’sena għaddejna



1.             Wasalna fl-aħħar ta’ din is-sena wkoll.  Bħal ta’ qabilha kienet waħda mimlija b’eventi differenti li sawruna lkoll.  Kull persuna fis-soċjetà għandu l-istorja tiegħu x’jirrakkonta.  Dak li jħoss li kien tajjeb għalih u dak li rah bħala mrar, mingħajr ma jrid, iġibu quddiem għajnejh f’dawn l-aħħar jiem.  L-esperjenza tal-ħajja, il-kuntatt ta’ kull ġurnata mal-bnedmin juruk li hemm realtà li, ħafna drabi, ma mmissux magħha.  Anzi, li ninjoraw u m’aħniex konxji minnha.  Dik ir-realtà li tieħdok ġewwa s-sofferenzi li n-nies ta’ din id-dinja jmissu magħhom u jsofru fis-silenzju jew fiċ-ċirku żgħir tal-familjari tagħhom.  Forsi nsiru nafu ftit għax, sfortunatament, anki l-uġiegħ, il-firdiet, it-traġedji jridu jiġu strumentalizzati.  Mezzi ta’ informazzjoni, flok jidħlu fil-fond u jifhmu, iridu jużaw.  Il-ħajja ta’ diversi hija għalihom storja li tista’ tiġi użata biex iġġib attenzjoni għalihom.

2.             Il-fatt li għamilt operazzjoni u qattajt numru ta’ ġimgħat ġewwa l-Isptar Mater Dei taħt il-kura tajba li hemm wasslitni aktar viċin.  Viċin ta’ diversi li għadhom, sal-ġuranta tal-lum, iħossu li jistgħu jiftħu qalbhom miegħi fuq dak li ġarrbu huma, jew oħrajn fil-familji tagħhom.  Hemm numru kbir ta’ persuni li jgħaddu minn operazzjonijiet, li jaraw ħbieb u familjari jbatu f’kull settur mediku varju.  Hemm ġew, waqt li tkun qiegħed tara s-sodod ta’ madwarek jimtlew u jitbattlu, tifhem iktar il-ħajja.  Tifhem verament il-passjonijiet varji li diversi minn ħutna jgħaddu minnhom.  Tara l-għaqda fil-familja meta bnedmin ikunu ser iħallu din id-dinja u kif jiġbdu madwarhom lil kulħadd fl-aħħar vjaġġ.  Tifhem iktar kemm il-ħajja hija qasira u tirregola iktar ruħek fuq dak li ħaqqu li jingħata importanza u prijorità.  Kemm naħlu ħin fix-xejn u nispiċċaw nitilfu dak li huwa verament sewwa.

3.             Il-mard huwa serju u dan ħadd ma jista’ jmerih.  Però, iktar minn hekk, rajt f’din is-sena diversi ħbieb u ġenituri tagħhom jiġu msejħa għal dinja aħjar.  Mhux ser insemmi isimhom.  Niftakar biss fil-memorja tagħhom.  Għax hemm tmiss ir-realtà tal-bniedem.  Tara kemm nies iġibu rispett u kemm hemm għerf f’dawk li jgħixu fil-ħajja u mhux fil-ħolm tagħhom.  Għerf ta’ dawk li, b’żewġ kelmiet, iżarmawk u jarmawk.  Jiftħulek iktar għajnejk lejn dak li missew u ġarrbu f’ħajjithom.  Kemm ma jiswiex l-inkwiet fuq ix-xejn, il-piki bla sens u l-ġlied inutli.  Dawk li tul din is-sena ġarrbu l-mewt ta’ persuni viċin tagħhom jgħarfu iktar dan.  Sija dawk li raw ħajjiet jitmermru biċċa biċċa fi ġlidiet silenzjużi u kuraġġużi, kif ukoll dawk li qamu u ħarġu b’saħħithom iżda lura ma daħlux.

4.             Kull persuna tħares ‘il quddiem.  Tgħix il-jum tagħha kif taf u bl-għodda li għandha għad-dispożizzjoni tagħha.  Hekk għandu jkun.  Inlaqqtu kemm inlaqqtu daqqiet, naqgħu kemm naqgħu, jwaqqgħuna kemm iwaqqgħuna, is-sigriet tal-ħajja jibqa’ dejjem dak li nqumu, nerfgħu l-piż tagħna u nimxu.  Hemm diversi li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.  B’affarijiet żgħar, twettaq il-mirkali.  B’kelma tajba, b’azzjoni ġeneruża tibdel il-ħajja ta’ persuna.  Pajjiżna huwa, fortunatament, mimli bi bnedmin li huma impenjati fil-volontarjat.  F’ħidma mhux tal-proġetti ambizzjużi, imma ta’ dawk sempliċi.  Ir-rutina normali tal-ħajja tibdel il-bnedmin.  Hawn proprju fejn dawn l-organizzazzjonijiet volontarji għandhom sehem importanti.  Għax hawn kapital uman li m’għandux jiġi msarraf f’termini materjali, imma li jrid jiġi rikonoxxut li mingħajru ma nkunux li aħna.  Anzi, li huwa iktar vitali li l-mezzi ta’ produzzjoni jingħaqdu f’atti ta’ sostenn u kollaborazzjoni magħhom.  X’realtà hemm f’ħidmiethom dawk li jsostnu lill-morda u dawk li jiġi fuqhom għawġ differenti li aħna ma ngħarfux.

5.             Il-poplu ta’ dawn il-gżejjer huwa wieħed uniku.  Huwa hekk għax, sena wara sena, jibqa’ jsostni lilu nnifsu fis-sewwa billi jgħin lil dawk li huma minn taħt.  Jitħabat għalihom, jaħdem u jistinka biex jgħin lil min ġie l-għawġ fuqu.  Inkejlu ruħna f’fatti u figuri ekonomiċi jew demografiċi ta’ kull tip u dan huwa żgur importanti u tajjeb li jsir.  Biss, huwa ferm iktar determinanti li naraw kemm qegħdin finalment inkunu iktar impenjati għall-ġid tal-proxxmu.  Qed nagħlqu s-sena u għandna nduru fuqna nfusna u naraw kemm qed insostnu l-altruwiżmu, il-ġenerożità u strutturi li huma impenjati għall-oħrajn.  M’għandniex insostnu l-kontra.  Irridu nikkumbattu għal dak li verament iwettaq il-ġid u li minnu jikber il-frott it-tajjeb.  Dak huwa l-impenn li jiena nsostni u nittama li, fis-sena li ġejja, hekk ser nibqa’ nagħmel.

6.             Wasalna fl-aħħar ta’ din is-sena u għalhekk issa ħarsitna tmur fuq dik li ġejja.  L-impenn tagħna hemm għandu jibqa’.  Soċjetà li tħares u tiddefendi lil min isib ruħu minn taħt u tibni fuq l-altruwiżmu.  Soċjetà li taħrab l-azzjonijiet ħżiena, dawk li huma bla skruplu u bla ebda forma ta’ pedament sod.  Ma nistgħux nippretendu li din il-ġlieda ssir mill-oħrajn għalina – irridu nkunu lesti aħna għaliha.  Inkunu ċari fuqha sabiex nifhmu li għandna dmir lejn l-oħrajn biex inservuhom denjament fis-sewwa.

Nawgura s-sena t-tajba lill-qarrejja kollha, lilek Sur Editur u lill-impjegati kollha tagħna.


No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...