23.12.12

Ġustinu, Dun Gorġ, l-Insara u l-Midja *




1.       Ħallejna warajna l-ġimgħa biċ-ċelebrazzjoni tal-qaddis Palestinjan San Ġustin Martri.  Għax l-1 ta’ Ġunju huwa l-jum fejn ta’ kull sena l-insara jiftakru fih.  Ġustinu tana wirt kbir ta’ għerf warajh.  Imwieled pagan, ikkonverta għar-reliġjon u baqa’ jeżerċita l-ħaġa li l-aktar ħabb – l-istudju tal-filosofija.  Fil-fatt fost kitbietu, li fortunatament għadhom għad-dispożizzjoni tagħna, huwa qabad il-filosofi ta’ qablu u analizzahom wieħed wieħed, punt punt.  Kitba ċara u li tixhed għall-għerf u l-moħħ ċar li kellu.  L-għan tiegħu kien u għadu interessanti – dak li jxandar il-konoxxenza tal-Kristjaneżmu fid-dawl tal-ħsieb li hija l-vera filosofija.

2.       F’waħda mill-aħjar kitbiet tiegħu magħrufa bħala “L-Ewwel Apoloġija” ndirizzata lill-Imperatur Antoninus Pius, uliedu u s-Senat Ruman, huwa jitlob li l-insara ma jibqgħux iktar ikkundannati għas-sempliċi fatt li jsejħu rwieħhom tali.  Jappella sabiex isir eżami preċiż, fil-fond u tajjeb ta’ dak li tfisser il-kelma.  Is-sistema ġudizzjarja kienet qegħda tikkundanna liċ-ċittadini Rumani tagħha mhux fuq is-sustanza ta’ ħsibijiethom, iżda sempliċement jekk jidentifikawx rwieħhom bħala nsara.  Ikkundannati għall-mewt għax identifikaw rwieħhom mod u mhux ieħor, u għalhekk sofrew il-martirju eluf ta’ innoċenti.  Ġustinu jirreżisti din il-linja politika bil-qawwa u jgħid lill-Imperatur: “Il-ġustizzja titlob li inti tqis u teżamina l-ħajja, sija ta’ min jiddikjara ruħu nisrani kif ukoll dak li le, sabiex minn imġiebtu tidher apparenti u ċara x’tip ta’ bniedem huwa.”

3.       L-argument ta’ Ġustinu jinżel iktar fil-fond meta jiddikjara li, kuntrarjament għal dak li ngħad fuqhom, it-tagħlim nisrani jitlob mill-bnedmin li jobdu l-awtorità ċivili.  Huwa jispjega b’mod mill-iktar ċar li l-insara huma ċittadini eżemplari, mgħallma sabiex jimxu mal-liġijiet u jikkomportaw rwieħhom tajjeb.  Mhux biss, anzi jinsisti li l-insara ġew mgħallma u għalhekk għandhom jagħtu lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri.  Ikompli jgħid lil Antoninus Pius: “Għalhekk lil Alla biss aħna naduraw, imma fi ħwejjeġ oħra nservuk b’ferħ, naċċettawk bħala re u ħakkiem tal-bnedmin, u nitolbok li teżerċita l-poter li għandek b’ġudizzju tajjeb.”

4.       Proprju fl-eqqel tas-saħħa ta’ l-Imperu Ruman, bnedmin bħal Ġustinu (li la kienu politiċi, la kienu suldati u lanqas xi uffiċjali ta’ l-Istat) waqfu bl-ideat tagħhom għall-poter materjali ta’ l-Istat.  Għamlu l-punt tagħhom ċar u ma beżgħux mill-forza fiżika ta’ ħaddieħor.  Sfidaw għas-sewwa.  Il-persekuzzjoni umana ta’ dawn l-ulied umli u intelliġenti ma għadniex nitkellmu dwarha għax għal xi wħud saru antikwati.  Għadda żmienha però rridu nammettu li preżentement għaddejja mewġa oħra u differenti ta’ persekuzzjoni.  Il-ħtija li tinxteħet, l-attakki u l-ostraċiżmu li jsiru fil-jiem moderni mill-midja sija fuq l-ideat insara kif ukoll fuq dawk li jħaddmuhom huma fl-ordni tal-ġurnata, sija direttament kif ukoll indirettament, ta’ xi wħud.

5.       L-imġieba u r-rettitudni morali bażata fuq filosofija tal-ħajja retta ta’ diversi persuni, illum il-ġurnata flok hija apprezzata hija disprezzata.  L-għażla bejn dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin, bejn il-valuri u l-vizzji qegħda bil-mod il-mod tiġi mwarrba.  Flok iswed u abjad għandna griż biss.  Ma hemmx anqas ir-rispett lejn min għandu dawn l-ideat retti u li fuqhom bnejna l-bażi tal-kostituzzjonijiet Ewropej ma huwa kkunsidrat.  Kull min ma jaqbilx mad-divorzju, ma’ l-abort, ma’ l-ewtanasja, maż-żwiġijiet bejn nies ta’ l-istess sess huwa deklassat u identifikat bħala inadegwat għax nisrani.

6.       Dawn l-ideat ħaddnuhom ir-Rumani.  Nittama li kull min iħoss li għandu kultura qara kitbiet Wistin ta’ Ippona li dettaljatament jispjega liema huma r-raġunijiet tat-tmiem ta’ dik il-belt kbira.  Wistin janalizza b’mod sekulari u lajk għala d-drawwiet u liġijiet ħżiena ta’ Ruma ġibuha fit-tmiem.  Kien xhud tal-verità.  Għax it-toroq tal-virtù, meta ma timxix magħhom, ikollok konsegwenzi soċjalment ħżiena.  Konsegwenzi li tintebaħ bihom frott l-esperjenza umana li tfisser li l-effetti ħżiena jbatuhom iċ-ċittadini mhux min jgħallem.  Meta wieħed jibni struttura soċjali ta’ Stat - hu liema hu - fuq pedament li jinjora l-esperjenzi qarsa li l-umanità ġarrbet fis-sekli passati jkun qiegħed jikteb it-tmiem tiegħu.

7.       Illum pajjiżna qiegħed jieqaf iħares u jipparteċipa fiċ-ċerimonja tal-kanonizzazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca ġewwa l-Vatikan.  Dun Ġorġ kien bniedem qaddis, però kien hekk għax bena organizzazzjoni fuq ordni morali superjuri.  Flok skarta t-tagħlim li l-bnedmin li jidentifikaw rwieħhom bħala nsara ġabru tul is-sekli, bena fuqhom.  Ħa l-aħjar tagħhom u bl-umiltà tiegħu ħa ħsieb li jiżra żerriegħa li ma tistax tieqaf tagħti frott.  Bħal San Ġustinu ma beżax jgħid u jgħix ta’ nisrani sa’ l-inqas dettall.

8.       Ġustinu bata l-martirju għax ħaddan ideat ġodda, dawk insara mibnija l-kontra ta’ dak li l-paganiżmu kellu.  Il-persekuzzjoni ta’ l-insara wasslet għall-qtil ta’ diversi innoċenti.  Illum m’hemmx l-areni rumani, anqas il-qtil tal-bnedmin, però għaddejja forma ta’ persekuzzjoni differenti.  Waħda li twaqqa’ għaċ-ċajt u tipproċessa pubblikament min iħaddanhom.  Nittama li l-kanonizzazzjoni u l-eżempju ta’ ħajjet Dun Ġorġ Preca jibdlu l-affarijiet u jkun hemm apprezzament mill-ġdid ta’ xi tfisser li tkun u tgħix ta’ nisrani mill-midja.  Għax in-nisrani huwa hekk għax jibni ħajtu fuq il-verità u fit-tfittxija kontinwa tagħha.  Għalhekk l-insara huma ċittadini eżemplari però mhux dejjem apprezzati.

* Dan l-Artikolu kien deher fl-2007.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...