11.12.12

Ma jridux lil min imerihom




1.Il-problema li numru ta’ drabi nara ‘l-politika tagħna tiffaċċja hija marbuta mal-mod ta’ kif wieħed jersaq lejha.  Il-metodu, il-formazzjoni kulturali jorbtu u fl-istess ħin jikkundizzjonaw il-linja li wieħed jieħu.  Hawn min jidher jgħix f’dinja fejn dak li jgħid irid jiġġustifikah il-ħin kollu, u hawn min le.  Bnedmin li draw li jgħidu tagħhom u daqshekk.  Ma hemmx udjenza, u anqas iridu waħda li tifhem u tgħarbel.  Vuċijiet, li minnhom infushom huma solitarji u, fl-istess ħin, maqtugħa mir-realtà tal-ħajja ta’ kull ġurnata.  Tista’ tara li qed tgħid is-sewwa u dak li qiegħed tipproponi huwa ta’ sustanza jekk kemm-il darba jkun hemm min jgħidlek tiegħu.  Id-diffikultà ġejja proprju mill-formazzjoni edukattiva.

2.       Il-verità hija li l-fatt li numru ta’ persuni li ġejjin mill-klassi politika qed jitrabbew f’ambjent edukattiv fejn huma maqtugħa mill-bqija tas-soċjetà qiegħed iġib dawn il-konsegwenzi.  Il-ħsieb li l-ulied għandhom jiġu protetti tant li ma jgħarfux li hemm barra hemm dinja differenti, fejn hemm bnedmin li jbatu biex jgħixu, huwa għal kollox żbaljat.  Il-ħsieb li f’ċerti istituzzjonijiet edukattivi hemm vantaġġ kbir għax it-tfal jiġu edukati ‘l bogħod mill-ħajja ta’ kull ġurnata, mir-realtajiet varji li tfal oħra jġibu magħhom, fih l-effetti negattivi tiegħu.  Hemm, jekk wieħed ma joqgħodx attent, jitwieled distakk intern fil-qalb tal-bniedem.  Wieħed li jwassal għall-konsegwenza li min jaġixxi, min jieħu ċerti deċiżjonijiet jew huwa parteċipi f’dan il-proċess ma jindunax, u wisq anqas jirrealizza, x’ser ikunu l-effetti negattivi li ser iġib fuq l-oħrajn.

3.             L-effett ta’ dan, fil-Kamra tad-Deputati, jidher il-ħin kollu.  Hemm uħud li huma parti mill-għeruq tas-soċjetà li mhux biss jitkellmu f’isimha imma huma rappreżentanti tagħha, mentri hemm oħrajn li avolja għandhom jitkellmu f’isimha, minflok jgħidu u jwettqu dak li ma tridx.  Hemm verament distakk bejn il-bilanċ intern li kull persuna għandu jkollha.  Dak li jitwieled bejn il-libertà tal-azzjoni u r-responsabbiltà tagħha.  L-iżvilupp stramb huwa fid-direzzjoni ta’ libertà mingħajr il-konsegwenzi tagħha.  Aġir fil-libertà li huwa l-kontra ta’ dak li jkun, u fir-realtà, kontro-produċenti.  Min jaġixxi tajjeb jikseb il-frott ta’ għemilu.  Min kontra le, anke jekk iż-żewġ azzjonijiet ikunu saru f’isem l-eżerċizzju tal-libertà.

4.                Il-Parlament jagħti lil kull membru opportunità unika: dik li jitkellem u jaġixxi f’post fejn id-demokrazija tagħna trid li jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba.  Sfortunatament però, wieħed jinnota li qed titwieled dejjem iktar il-linja li min għandu din ir-responsabbiltà jista’ jitkellem ‘il bogħod mill-verità u l-fatti.  Jindirizza lill-poplu, u fl-istess ħin, jieħdu ‘l bogħod minn dak li hija r-realtà billi jgħid dak li ma hemmx jew jipprova jagħti x’jifhem li hemm, meta ma jkunx hemm.  Il-gidba, in-nuqqas ta’ verità, iddawwarha kif iddawwarha hekk tibqa’ u m’għandhiex xi forma ta’ ġustifikazzjoni, aktar u aktar meta qegħda tingħad fil-Parlament Malti.  Hemm politiċi li jridu jgħixu fid-dinja tagħhom, ma jimxux maż-żminijiet u l-agħar hu li jridu jġibu lil ħaddieħor f’dik id-dinja ta’ fantasija.

5.                Ngħid dan kollu, iktar u iktar din il-ġimgħa meta smajt diskors li pprova jmaqdar dak kollu li sar mill-Gvern.  Diġà l-linja, minnha nfisha, hija żbaljata.  Jista’ jogħġob widnejn uħud tal-istess fehma tal-persuna li qed jgħidu, però l-poplu hemm barra li jifhem u jgħarbel, inaqqaslu fil-kredibilità.  Kritika fl-arja maqtugħa hija, minnha nfisha, żbaljata.  Il-pajjiż jaf li sar ħafna xogħol tajjeb.  Jaf ukoll li, fid-dinja ta’ kuljum, mhux kollox jitwieled lest u perfett, imma jrid iż-żmien tiegħu.  Ebda bidla qawwija ma ġġib kollox jaħdem preċiż f’daqqa, imma trid il-ħin tagħha.  Xorta tibqa’ waħda qawwija, li minnha s-soċjetà ser issarraf il-ġid.  Ħadd ma ppretenda li l-leġislazzjoni varja li saret ser ikollha effett immedjat.  Meta daħħalna diversi artikoli ġodda biex nipproteġu aħjar lil uliedna fis-soċjetà kontra l-abbużi tal-lum, fosthom ir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri, ħadd ma seta’ jippretendi li dawn ser ikunu effettivissimi mill-bidu.

6.             Bħalma anqas meta saru l-bidliet radikali tal-Ġustizzja Riparatriċi.  Ħadd ma seta’ jippretendi li f’daqqa waħda ser jibdew jitwettqu l-mirakli.  L-istess għall-bini tal-Akkademja tal-Pulizija kompletament ġdida.  Kull bidla fis-soċjetà trid tieħu l-ħin tagħha.  Meta ssir f’daqqa, l-esperjenza turik li ma tirnexxix.  Meta ssir gradwalment, pass pass, allura jkollha suċċess.  Dan hu dak li l-bnedmin normali jafu.  Dan hu li l-politiċi b’esperjenza jirrikonoxxu.  Biss ħaddieħor, fl-għaġġla tiegħu, jibqa’ jgħid dak li m’għandux u jagħmel dak li minnu ma tistennix.  Kieku jħalli lil min imerih, forsi ma jiżbaljax daqshekk.  Forsi kieku jisma’ l-vuċijiet kollha u mhux biss dawk li jagħtuh pjaċir, allura jkun ferm aħjar għalih, u għalina.  Is-soċjetà tista’ tinbidel f’direzzjonijiet varji.  Dmirna huwa li narawha miexja lejn it-tajjeb u għalhekk ser nibqgħu mmeruhom f’dak li jgħidu.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...