20.12.12

Ħielsa mill-faqar




1.       Id-dinja teknoloġika għandha ħafna vantaġġi.  Mhux kulħadd jużahom, inqas u inqas dawk li jħossuhom maqtugħa minnha.  Qisha tifforma parti minn xi mewġa ta’ barbariżmu ġdid.  U għalkemm hemm min ra dan bħala mezz esklussivament sekulari, llum l-affarijiet inbidlu sew.  Id-dinja nisranija daħlet hija wkoll.  L-effett huwa tixrid ta’ informazzjoni reliġjuża li qabel konna maqtugħin minnha.

2.       Fortunatament issib kuljum fuq dawn il-mezzi dak li għaddej fil-Knisja Kattolika.  Il-Papiet tagħna għandhom f’idejhom strumenti li jippermettu li nsegwuhom.  Nammetti però li mhux kull aħbar tista’ taqraha.  Irid ikolli ftit ħin li mhux dejjem insib.  Reċentement rajt siltiet mid-diskors tal-Papa Benedittu XVI li għamel għall-34 Konferenza Ġenerali tal-FAO (Food and Agriculture Organization).  Il-kliem tiegħu jibdew b’dikjarazzjoni sempliċi imma ta’ portata qawwija: “Iż-żmien wasal li permezz tiegħu nassiguraw, għall-paċi, li ebda raġel, mara jew tfal ma jkunu qatt iktar bil-ġuħ.”

3.       Deherli li l-Papa għamel użu eċċellenti minn laqgħa verament importanti sabiex elenka l-bilanċ neċessarju ta’ dritt bejn il-persuna umana, is-soċjetà u d-dinja.  Iddikjara b’saħħa li kull bniedem għandu d-dritt fundamentali li jgħix liberu mill-ġuħ.  Kompla bl-użu tal-lingwa Ingliża bil-kliem: “The united effort of the international community to eliminate malnutrition and promote genuine development necessarily calls for clear structures of management and supervision, and a realistic assessment of the resources needed to address a wide range of different situations.  It requires the contribution of every member of society – individuals, volunteer organizations, businesses, and local and national governments – always with due regard for those ethical and moral principles which are the common patrimony of all people and the foundation of all social life.”

4.       Dawn il-kliem jingħaqdu ma’ l-isforzi kontinwi tal-Knisja Kattolika favur il-ġlieda kontra l-faqar fid-dinja tagħna.  Dan twettqu b’diversi modi, sija b’diskors li ċċaqlaq il-kuxjenza tal-bniedem, kif ukoll bil-fatti, b’ħidma diretta fil-postijiet fejn hemm l-iktar bżonn.  Għax hija waħda mill-ikbar kwistjonijiet jew problemi li nibqgħu ma nsolvux.  Kif f’dan is0seklu għad għandna daqshekk differenzi fid-dinja bejn soċjetajiet differenti bħal tagħna u dak ta’ pajjiżi oħra fejn in-nies iridu jgħixu bix-xejn?

5.       Id-duttrina soċjali tal-Knisja hemm min, illum il-ġurnata, irid inessihielna kompletament.  Però hemm għadha, b’saħħitha, tiġi ppriedkata, miktuba u mxandra.  Sfortunatament hemm min jaħseb li din hija ġabra ta’ ħsieb li l-kattoliċi biss iridu jobdu u l-oħrajn huma eżenti.  Iżda r-realtà hija li s-sustanza tagħha hija tant qawwija li għandha tittieħed in konsiderazzjoni u mhux biss, iżda li tiġi mwettqa mill-mexxejja kollha ta’ dawn iż-żminijiet.  Il-prinċipji li toffri huma kollha ċwievet u pedamenti sabiex tinbena soċjetà ġusta li tippromwovi l-ġid komuni.

6.       L-ordni soċjali fid-dinja jiddependi mill-ġustizzja u l-paċi bejn il-popli.  It-tixrid tal-ġid materjali huwa neċessarju u d-duttrina soċjali nisranija tisħaq fuqu sew.  Ħafna drabi l-vuċi tal-Knisja permezz tal-Papa Benedittu XVI tiġi mwarrba u kklassifikata bħala antikwata u sorpassata, mentri għal min jindenja jaqra s-sostanza tagħha mhux hekk assolutament xejn.  Il-vuċi tagħha qegħda hemm għas-servizz veru u awtentiku tas-soċjetajiet varji fejn taħdem u hija impenjata sabiex tibdel u tirriforma l-kundizzjonijiet soċjali tal-bnedmin kollha sabiex ikollna tħaddim veru tal-ġustizzja soċjali u ekonomika.  F’dan il-Milied nittama li min għandu ftit tal-ħin fuq idejh jew jerġa’ jmur lura lejn dawn l-għeruq u jiffriska l-memorja jew jibda jaqrahom.  Ċert li dawn il-kliem huma strument effiċjenti biex wieħed jeħles u jnaqqas mill-faqar materjali u intellettwali li għad għandna.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...