27.12.12

Is-sanità tal-kitba*



1.       Tul din il-ġimgħa kelli x-xorti nsib il-ħin u nerġa’ nibda naqra ftit iktar mis-soltu.  Ġie f’idejja l-ktieb ta’ Mario Rigoni Stern bl-isem “Il sergente nella neve” (Is-surġent fis-silġ).  Fil-qosor, il-ktieb jirrakkonta dak li kellhom jgħaddu minnu diversi suldati Taljani li kienu fuq il-front Russu huma u jirtiraw lura lejn pajjiżhom.  Wara t-Tieni Gwerra Dinjija ġew pubblikati diversi kotba minn persuni li kienu sempliċi suldati, iżda li fl-esperjenza qarsa ta’ dak kollu li l-faxxiżmu sarraf, ħareġ fihom awturi li tieħu pjaċir taqrahom.  Kont naf u ċert li qrajt numru ta’ kotba ta’ oħrajn bħal Beppe Fenoglio li kiteb “Il Partigiano Johnny” jew Emilio Lussu li kiteb “Marcia su Roma e Dintorni” u “Un Anno sull’Alto Piano”, inkella Primo Levi, awtur ta’ “Se questo è un uomo”, biss ma kontx ċert li qrajt dan ta’ Rigoni Stern.  Għalhekk bi pjaċir dħalt għalih u qrajtu.

2.       Dan il-librett qanqalli ħafna ħsibijiet li, fil-verità, oriġinarjament Elio Vittorini (tal-magħrufa “Conversazioni in Sicilia” u “Uomini o no”) ma kienx proprju induna bil-potenzjal tiegħu.  Rigoni Stern twieled fil-belt ta’ Asiago fil-parti ta’ fuq tal-Italja fil-provinċja ta’ Vicenza, ħdejn Venezia.  Belt magħrufa sija għall-kwalità partikolari tal-ġobon tagħha, kif ukoll għall-battalja li ġiet kumbattuta hemm fl-Ewwel Gwerra Dinjija.  Ħa sehem attiv f’diversi kampanji militari li l-ġenn militari u politiku ta’ Benito Mussolini vvinta u li kienu kollha diżastru.  Biss, il-fatt li kien veteran xorta ma servihx fl-1943 meta, għax ġustament irrifjuta li jidħol fl-armata tar-Repubblika ta’ Salo, ġie mibgħut huwa wkoll f’kamp ta’ konċentrament apposta għall-priġunieri politiċi.  Fi tmiem il-gwerra, bl-avvanzata għal darb’oħra tal-armata Russa, spiċċa mexa lura lejn pajjiżu.  Mhux ċajta.

3.       Dan il-ktieb reġa’ fakkarni, bħalma għamlu oħrajn li semmejt hawn fuq, f’kemm bnedmin fl-Ewropa kellhom jgħaddu minn diffikultajiet verament inutili bil-ħolm bla sens ta’ żewġ persuni, li kienu Adolf Hitler u Benito Mussolini.  Il-ktieb jiddeskrivi sew u fid-dettalji umani ta’ dak kollu li kellhom jgħaddu diversi suldati huma u jirtiraw mill-gwerra fuq il-front Russu.  Għax għalkemm hemm min jista’ jimmaġina li hemm xi glorja jew trijonf, il-gwerer fir-realtà jġibu biss deni, vjolenza, mewt, tifrik u tneħħija ta’ kull dinjità umana.  Dawn il-kotba għandhom il-vantaġġ li jinqatgħu mill-kotba strettament u purament storiċi u jmorru direttament f’dak li huwa l-jum li kull suldat, kull bniedem, irid jiffaċċja.  Fil-kesħa Russa, fit-taħwid ta’ armata fl-irtirata, wieħed jista’ jmiss ir-reazzjonijiet u l-effetti negattivi fuq il-poplu, is-suldati ta’ żewġ fronti, tax-xeni ta’ bnedmin, persuni umani li f’mumenti jkunu ħajja, f’mumenti oħra jkunu maqtula, minxura mal-art jew imbiċċrin f’diversi biċċiet.  F’dan il-konflitt, f’dak li għadda minnu dan il-bniedem, sibt x’imkien li Rigoni Stern kien stqarr li l-akbar sodisfazzjon ta’ ħajtu kien dak li rnexxielu jieħu lura lejn pajjiżu l-ħamsin suldat kollha kemm huma.

4.       Nikteb iktar dan l-artikolu għax f’dawn il-jiem nibdew infakkru dak kollu li d-dinja u nkluż il-poplu Malti għaddejna minnu fit-traġedja umana tat-Tieni Gwerra Dinjija.  Diġà kkommemorajna l-attakki fuq Hiroshima u Nagasaki fil-Ġappun, daqt il-Konvoj ta’ Santa Marija u diversi mumenti oħra li fihom l-Ewropa u d-dinja sabu ruħhom fihom.  Li tiftakar u tfakkar għalija huwa verament importanti.  Importanti biex tfiehem x’sewwasew seħħ u mhux tgħaddi, f’din il-ġenerazzjoni li qegħda tgawdi l-paċi, xi forma ta’ leġġenda.

5.       Nikteb ukoll għax wieħed irid fuq kollox jagħmel il-punt ċar daqs il-kristall li l-faxxiżmu u n-nażiżmu lejn disastri jwasslu.  Min għadu jaħseb li kien hemm xi sens f’dawk il-manifesti politiċi tagħhom qiegħed jiżbalja bil-kbir.  Il-materjaliżmu, it-tneħħija ta’ kull forma ta’ dinjità umana, l-eloġji għal forom differenti ta’ makkjavelliżmu u l-mibgħeda razzjali huma kollha żbalji.  Bħalma huwa wkoll barra minn loku l-ħsieb li l-Istat għandu jiġi qabel il-persuna umana, drittijiet fundamentali tiegħu jew li, f’disprezz lejn id-dinjità tal-persuna umana, kull bniedem tista’ teħles minnu għax sostitwibbli.

6.       Rigoni Stern huwa parti minn ġenerazzjoni ta’ bnedmin li sofrew ħafna.  Kull bniedem jgħaddi minn xi forma ta’ diffikultà.  Fl-aħħar tal-jum, jekk ikun għadu ħaj, jagħraf li jkun tbaskat aħjar.  Ġie ssudat f’dak li jgħid u jaħseb.  Biss, dawk tat-Tieni Gwerra Dinjija tant raw atroċitajiet li ma kien faċli xejn għalihom li jiġu lura għall-ħajja normali.  Għas-sanità intellettwali, ta’ kull jum.  Mistoqsi għala kien kiteb dan il-ktieb jgħid li għamel dan sabiex iżomm lilu nnifsu milli jitlef is-sanità tiegħu.  Fil-kitba, u fit-triq li hija tieħdok, iżżommok għaddej tagħraf lilek innifsek u dak li int.  Għalhekk, il-letteratura mondjali hija fortunatament mimlija b’kotba tajbin, ta’ bnedmin li messew b’idejhom l-atroċitajiet tal-gwerra u ħallew warajhom dokument li jneħħi kull sbuħija li xi bniedem jista’ jara fiha.

 *Dan l-artikolu deher matul is-sajf fl-Illum.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...