21.12.12

I Migliori Anni della Nostra Vita *




Dan il-ktieb huwa miktub minn Ernesto Ferrero u ġie pubblikat minn “Feltrinelli” (l-ewwel edizzjoni Mejju 2005).  Sibt dan il-ktejjeb fuq l-ixkafef ta’ l-Istitut Kulturali Taljan, fejn wieħed jista’ jsib ħafna kotba reċenti.

Ktieb sabiħ mill-iktar interessanti għal dawk bħali li jħobbu l-letteratura Taljana.  Huwa rakkont f’kapitoli żgħar tal-ħajja ġewwa s-soċjetà editriċi Taljana “Einaudi”.

Fil-paġni wieħed isib introduzzjoni personali u analiżi tal-karattri varji li kienu protagonisti tal-kitba fl-Italja ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija.  Miktub b’sempliċità, intelliġenza u qosor.  Kull kittieb jiġi kkunsidrat mhux mill-għajn tal-kritiċi letterarji, iżda minn dawk li kienu jiġu fil-kuntatt dirett u personali magħhom.

Italo Calvino u Cesare Pavese jiġu deskritti mhux  mill-abbiltà tal-kitba tagħhom, iżda mill-mod kif kienu jaħdmu ma’ l-Einaudi.  Il-burdati, il-metodi tagħhom jiġu analizzati tajjeb u joħroġ b’mod iktar ċar il-karattru sħiħ tagħhom.

Għal dawk bħali li qraw il-kotba ta’ Calvino u Pavese b’ċertu assidwità żgur li jieħdu pjaċir.

L-istess rapport, iktar dettaljat, joħroġ ma’ Primo Levi.  Hawn għandna analiżi kuntrarja.  Mhux impjegat, iżda l-kittieb kwiet u umili li kien jersaq lejn is-soċjetà Einaudi jippreżenta l-manuskritti.  Ingħad, per eżempju, li meta mar l-ewwel darba bil-ktieb ċelebri tiegħu “Se questo è un uomo” li jittratta fuq il-ħajja ta’ l-awtur fil-kampijiet tal-konċentrament nażisti ġie rifjutat u kien biss sussegwentement wara ċertu snin li ġie aċċettat.

Fil-ktieb wieħed isib ukoll żewġ aspetti oħra verament interessanti.  L-ewwel, l-imġieba ta’ Ġulju Einaudi bħala editur u dan f’żewġ fażijiet – dak qabel l-ewwel il-kważi falliment tas-soċjetà, u dak wara.  Joħroġ b’mod ċar il-moħħ dixxiplinat, organizzat iżda impersonali għall-aħħar u kif dan inbidel wara meta tneħħa mid-direzzjoni sforz il-problemi ekonomiċi u sar umli, imma xorta determinat li jirbaħ lilu nnifsu u jibqa’ rilevanti fid-dinja letterarja.

It-tieni aspett huwa marbut ma’ l-organizzazzjoni interna.  Il-laqgħat ta’ kull nhar ta’ Erbgħa fejn id-diskussjoni kienet tkun marbuta mal-kotba li nqraw u x’qed jiġi dibattuti fid-dinja ekonomika, politika, kulturali u letterarja.  L-impjegati tal-post kienu motivati u mgħarrfa huma stess.  Kollha bl-aġenda partikolari tagħhom sabiex is-soċjetà tistampa tip ta’ kotba ġodda differenti.

Mhux biss, iżda l-laqgħat annwali ta’ kull sajf fil-muntanji sabiex ħidmet is-soċjetà tiġi analizzata ferm iktar fid-dettall, fejn kull impjegat irid jersaq u jistqarr merti u demeriti fuq ħidmietu.  Pariri u metodi ta’ ħidma li għadhom rilevanti sa’ llum, u li kull editor jagħmel tajjeb li jsegwi u jieħu f’idejh.

Il-ktieb huwa miktub b’imħabba kbira, b’mumenti umoristiċi, kif ukoll b’tixbiħat reliġjużi fejn l-impjegati jitqabblu ma’ benedittini magħluqa f’monasteri abbandunati.  L-awtur Ernesto Ferrero, li kien daħal ta’ ġuvnott ta’ ħamsa u għoxrin sena, bena rapport personali ma’ Giulio Einaudi, li żamm ħajtu kollha.  Ammirazzjoni kbira, kważi kważi, missier sever u dixxiplinat u iben addottat.  Il-ktieb jagħlaq fuq noti ta’ malinkonija, però huwa verament wieħed sabiħ.  Jien ħadt pjaċir naqrah u nirrakkomandah.

 * Dan l-artikolu deher fin-Nazzjon fl-2005.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...