26.12.12

Il-Milied ġej




1.        Dan il-pajjiż għad għandu fi ħdanu tradizzjonijiet mill-isbaħ marbuta mal-jum meta niċċelebraw it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Hemm l-aspett reliġjuż li għadu qawwi u miegħu qed jidħlu, biċċa biċċa u b’aktar saħħa wkoll, diversi attivitajiet ta’ solidarjetà li jagħmlu minn dan il-jum u dawn il-ġranet żmien mill-iktar speċjali. Il-poplu jħares ‘il quddiem għal dawn il-mumenti.  Iħares li jinġabar fiċ-ċelebrazzjonijiet speċjali tal-quddies ta’ filgħaxija, bil-priedka tat-tfajjel u bl-isbuħija tal-qari tal-profeti tat-Testment l-Antik u l-Vanġeli.  L-evanġelisti, li kollha jagħtu dimensjonijiet differenti, b’San Luqa li jagħti l-iktar dettalji u l-oħrajn li jimlew u jissudaw.  Poplu li jħares li jkollu l-ġabra fil-familja fl-ikliet li fihom in-nisa tad-dar, il-muturi interni u bieżla tagħna, juru l-aqwa abbiltajiet tagħhom.  Xorb tajjeb u ħelu itjeb li ma jkunx irid jonqos.  Mhux biss, imma kull familja tara kif tiġbor magħha lil dawk li taħseb li ser ikunu waħedhom inkella, jekk l-ispazju fuq il-mejda ma jippermettix, tieħu ħsieb li tipprovdilhom direttament.  Sena wara sena, dawn l-eventi umani jseħħu.  Ma’ kull tnax-il xahar però, inevitabilment, iċ-ċirkostanzi jinbidlu.

2.        Ħafna huma dawk fis-soċjetà tagħna li jagħrfu li, f’sena, jkunu għaddew minn ħafna.  Uħud mod, oħrajn mod ieħor.  Hemm min iħoss li tela’ ‘l fuq u hemm min jagħraf li, jiġri x’jiġri, jinsab miexi fi triq li ma jafx minn fejn se tgħaddih imma jaf fejn se tieħdu.  M’hemmx dubju li ħadd ma jista’, la jżomm l-arloġġ u wisq inqas l-eventi li l-ħajja tbaskatna fihom, volontarjament jew involontarjament.  Il-mard, l-isfortuni, il-mewt, it-tibdil fiċ-ċirkostanzi soċjali jew finanzjarji, kollha għandhom l-effetti tagħhom fuqna.  Biss, il-bniedem li jagħraf lilu nnifsu, li jifhem il-ħajja jaf li m’huwiex għal dejjem u wisq inqas huwa etern dak li għamel jew dak li ser jagħmel.  Anzi, għan-nisrani, il-ħajja fiha sens ikbar meta jżomm f’moħħu u f’qalbu li huwa qiegħed fid-dinja għall-eżamijiet.  Kull jum, kull mument ser isib quddiemu l-karta tal-eżami li jrid jiffaċċja u jgħaddi tajjeb minnha.  Uħud b’marki għolja, oħrajn b’inqas, però jaf li jrid ikompli għaddej jimxi ‘l quddiem, mingħajr ma jħares lura għax se jibqa’ jara provi oħra ġejjin.

3.        Illum iktar minn qatt qabel, il-bnedmin ta’ dawn il-gżejjer għandhom jagħrfu x’vantaġġ għandhom fir-reliġjon tagħhom, fil-wirt li din ħalliet fit-tessut u fil-ħajja soċjali tagħna.  Hemm sens u sustanza li jagħtu skop u direzzjoni.  Il-persuni li għandhom ix-xorti jgħixu fuq dawn it-tikek ta’ gżejjer jagħrfu, iktar u iktar, li għandna vantaġġi li ftit għandhom.  Għadna, fil-maġġoranza tagħna, bnedmin li nirrispettaw lil xulxin ferm iktar f’dawk li huma l-valuri ta’ kif għandna nġibu ruħna ma’ xulxin.  Hemm persuni li ma jaċċettawx li xi ħadd jista’, għal xi raġuni, f’xi settur tas-soċjetà jkun ġustifikat li jaġixxi b’mod żbaljat.  Ma naċċettawx atti kontra s-sewwa u l-ġustizzja.  Hemm riżentiment lejn dawk li jsawtu lil min huwa minn taħt.  Anzi, hija parti integrali mill-poplu Malti li, hu min hu, ħażin kemm hu ħażin, qatt ma jixraqlu li ħaddieħor jgħaddi minn fuqu.

4.        Hawn ideat, viżjoni tal-ħajja li ħaddieħor m’għandux.  Hawn sens ikbar ta’ dak li għandna niddefendu.  Inweġġgħu meta naraw dak li stati oħra għaddew, jew qegħdin jgħaddu minnu.  Il-kriżi finanzjarja wasslet għal ċerti sitwazzjonijiet.  Ġiebet miżerja għal dawk li ma ħaqqhomx.  Inħossu u rridu naraw kif ngħinu.  Ma nifhmux anqas kif ċerti pożizzjonijiet jiżviluppaw.  Kif nibqgħu naraw tfal jiġu maqtula fl-iskejjel tagħhom minn liġijiet li jippermettu li jinġarru l-armi tan-nar li joqtlu.  Ma naċċettawx li l-libertà għandha dawn it-tipi ta’ prezzijiet xi tħallas.  Mhux aċċettabbli għalina taħt ebda forma u ċirkostanza u issa, iktar minn qabel, nuru li ma nistgħux naqblu.  L-esperjenza fid-dinja hija varja u komplikata.  Jiddependi minna kif ngħixuha.

5.        It-trapass taż-żmien, anzi, jagħti aktar għarfien fil-ġranet tagħna lit-talba tal-Missierna.  Iktar ma wieħed javvanza, iktar jixħet piż fuq il-kliem: “Ikun li trid Int”.  Ripetizzjoni interna u esterna li tarak, kull darba, tieqaf tipprova tifhem.  Aktar snin jirċievu iktar piż mingħajr ma wieħed neċessarjament jifhem, salv li jaċċetta dejjem iktar li huma kliem li ma jifhimx biżżejjed.  Kliem li huma gwida għall-futur u, fl-istess ħin, aċċettazzjoni ta’ dak li jiġi għal dak li jkun mingħajr ma jagħrfu jekk mhux fil-mument li jseħħ.  U, f’dak il-ħin, irid jaċċetta li dak li seħħ ser jieħdu fit-triq li twasslu għas-sewwa.  Il-bniedem verament jifhem li huwa jipproponi, iżda min Ħalqu jiddisponi.  Din hija regola għal kull persuna umana.  Taf li iktar ma jdur l-arloġġ, aktar tkun trid dan isir.

6.        Il-Milied ġej fi żmien jumejn oħra.  Ġej għalina lkoll, biss jiddependi minna kemm ser inkunu effettivament ippreparati biex nieħdu l-aqwa ġid minn dak li ser immissu u ngħaddu minnu.  Ippreparati internament iktar milli esternament.  Aktar trid tal-ewwel milli tat-tieni.  Hemm impenn ikbar u iktar interessanti għax dak ta’ barra jsir ħafna drabi b’mod mekkaniku u ma jagħtix ir-riżultati li wieħed jistenna.  Il-Milied wasal.  Inkunu viġilanti aktar għas-sewwa, għall-ġustizzja u għall-messaġġ veru li wassal għalina Sidna Ġesù Kristu.  Iktar ma jsir dan, iktar tgħix ta’ bniedem fid-dinjità tiegħek u iktar tirrispetta dik tal-oħrajn.  Is-snin jgħaddu, aħna nkomplu mmissuhom, biss la għandna naqtgħu qalbna u wisq u wisq inqas naqtgħu lura mill-ħajja.  Nawgura, mill-qalb, il-Milied it-Tajjeb lil kulħadd.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...