21.12.12

“Questo è il mio Corpo” – Raniero Cantalamessa *






Ktieb mill-iktar interessanti miktub minn bniedem ta’ intelliġenza.  Raniero Cantalamessa kien predikatur tal-mibki Papa Ġwanni Pawlu II.  Huwa pprepara l-eżerċizzji tar-Randan għal diversi snin.  Bniedem ċar u profond fi ħsibijietu.  Kapaċi jagħtik direzzjonijiet u sfumaturi li żgur li jaqbżulek.

Mhux l-ewwel ktejjeb li qrajt tiegħu.  Ġew f’idejja oħrajn u qrajthom b’ħeffa u ħeġġa.  Dan ilu kważi sena jistenna fuq l-ixkafef wara li l-għażiża oħti xtratuli ma’ ġabra ikbar ta’ kotba miktuba mill-Papa attwali Benedittu XVI.

Il-paġni tiegħu huma mimlija għerf.  It-tema prinċipali l-Ewkaristija.  Ħsibijiet, ideat u riflessjonijiet miġbura apposta għar-Randan tas-sena li għaddiet għall-aħħar Randan tal-Papa Woytila.  Fil-fatt il-ktieb jibda proprju b’dan, b’ittra tat-18 ta’ Marzu 2005 ta’ l-imsemmi Papa jirringrazzjah fi kliemu “La ringrazio di cuore per la ricchezza di spunti meditative che ha saputo offrire e per l’affiato spirituale con cui li ha presentati.”

Għalhekk fih valur varju.  Varjetà ta’ aspetti.  Għax għalkemm fih innifsu huwa dokument storiku fis-sens li huwa l-aħħar tal-papat Pollakk, hemm ukoll faċċati oħrajn.  Huwa jesponi b’mod ċar it-tifsira ta’ l-Ewkaristija billi jirrifletti fuq żewġ talbiet, l’”Adoro te devote” u fl-aħħar kapitolu l-“Ave Verum”.  Hemm xalata ta’ ideat, ħsibijiet u punti ta’ riflessjoni li fl-aħħar iħalluk b’togħma mill-aktar ħelwa.  Huwa jirnexxielu jispjega l-valur tat-tqarbin u, billi jidħol fid-dettall, jirnexxilu jagħti dimensjonijiet qawwija lil min jieħu ħsieb jitqarben regolarment.  Il-ġid li min jitqarben jirċievi, jew min jagħti l-ħin tiegħu għall-adorazzjoni jassorbi, huwa diffiċli ħafna sabiex wieħed jinjorah, iktar u iktar wara li jaqra dan il-ktieb.  Anzi joħroġ dejjem iktar ċar li min huwa viċin is-Sagramenti, kif kien qal tajjeb Thomas Merton, jgħix il-ħajja sħiħa fil-missjoni li huwa jagħżel.

Il-ktieb m’huxiex trattat teoloġiku tqil, twil u komplikat.  Anzi, proprju l-kontra.  Huwa mimli bi spjegazzjonijiet mill-aktar sempliċi.   Il-kelma użata hija faċli u ftit huma dawk il-kliem li biex jifhimhom wieħed irid ikollu dizzjunarju ħdejh.

Tieħu pjaċir tieklu għax tifhem iktar kif il-fwieħa ta’ l-ingwent jixxerred f’kull rokna tad-dar u kif ma’ kull tqarbina wieħed ikun qiegħed jiżra’ biċċa mill-ħajja eterna.

L-awtur jispjega kif għidt u biex jirnexxilu jagħmel dan jirreferi għal numru ta’ inċidenti storiċi.  Ifakkar kemm il-jum tal-Ħadd dam sabiex jiġi rikonoxxut mill-Istat bħala dak tal-mistrieħ.  Kif l-Insara kienu jqumu kmieni filgħodu qabel titla’ x-xemx, jinġabru jitolbu qabel imorru għax-xogħol sabiex ma jinqabdux mill-persekuzzjoni u kif il-Ħadd sar li huwa llum meta l-Imperatur Kostantinu ddikjarah mhux iktar jum tal-ġimgħa iżda jum ta’ ferħ u ta’ mistrieħ.

L-istess jispjega l-Miraklu ta’ Bolsena ta’ l-1263.  Kif saċerdot fi triqtu lejn Ruma, waqt li kien qiegħed iqaddes, iddubita ruħu minn dak li kien qiegħed jagħmel u wara li refa’ l-Ostja Mqaddsa, minnha waqa’ qtar tad-demm.  Mhux biss, iżda kif dan l-inċident mexxa u xpruna lill-Papa Urbanu IV sabiex jistabbilixxi l-festa ta’ “Corpus Domini”.

Għalkemm dan il-ktieb qrajtu waqt irtir li rnexxieli nagħmel f’Tas-Silġ, huwa wieħed li jista’ jinqara minn ħafna nies għax huwa ċar u spjegattiv.  Nirrakkomandah lilkom ukoll, sabiex tieħdu pjaċir taqrawh bħalma ħadt jien.

*Dan l-artikolu deher fin-Nazzjon fl-2005.

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...