14.3.20

Il-poplu ħaqqu fiduċja




1.     Dak li seħħ tul il-ġimgħa sewwed qalb il-poplu.  Mara, omm, titlef ħajjitha f’ċirkostanzi traġiċi.  Kont preżenti, ridt inkun għall-aħħar tislima li saritilha.  Diversi drabi, f’dik il-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, kont nara lilha u lil żewġha.  Dak li ngħad minn diversi dwarhom huwa kollu minnu.  Imma f’dan il-mument daqshekk diffiċli u iebes għalina lkoll, m’għandniex inċedu għall-argument żbaljat li fuq din l-art Maltija ma nistgħux nagħmlu l-affarijiet sewwa.  Nemmen li nistgħu, imma rridu d-determinazzjoni biex isir dak li huwa sewwa u ġust.

Aħna kapaċi nbiddlu

2.     F’dawn is-snin, l-esperjenzi tiegħi f’ħafna setturi kienu pożittivi.  Nibqa’ nemmen, minkejja d-dlam li ninsabu fih, li aħna kapaċi nbiddlu u ninbidlu.  Għandi fidi, fiduċja u tama kbira li bi sforz lura għal dak li huwa ġust, il-pajjiż jista’ jaqbad lura t-triq tal-bidliet it-tajba.  Jerġa’ lura mid-direzzjonijiet li ħa.  Għandna bżonn attenzjoni, prudenza, u għarfien ta’ dak li huwa sewwa.  Imma, fil-verità, fl-istorja tagħna aħna mimlijin b’mumenti li mhux biss nifhmu dak li għandu jsir, imma li effettivament inwettquh.  Kellna ċirkostanzi mimlija bi sfidi, ħafna drabi li ma nkunux ġibna b’idejna stess, li weġibna tant preċiż għalihom li qlibnihom favur tagħna.

Progress cannot come at the cost of human lives

3.     Hekk qrajna din il-ġimgħa fil-gazzetti tagħna.  Fil-mument li fih diversi forsi bdew jifhmu f’liema pożizzjoni wasalna, qed jappellaw lura għall-valuri fundamentali tagħna.  Nagħraf kemm hemm min seta’ jwaqqa’ għaċ-ċajt lil dawk, bħali, li jsostnu li l-ekonomija hija għas-servizz tal-bniedem, u mhux bil-kontra.  Imma llum nittama li għandhom jifhmu li l-politika żbaljata li l-Gvern Laburista Muscat ħaddan kienet il-kontra ta’ dan il-prinċipju tal-bniedem.  U li għax naqas sew mir-rispett lejn id-dinjità umana, lejn il-bżonn li wieħed jipproteġi ‘l-poplu ż-żgħir, li ġejna fejn qegħdin.  Il-flus iddettaw tant, li dak li kien hemm attenzjoni fuqu qabel, spiċċa.  Il-bilanċi ntiflu favur parti waħda tas-soċjetà.

Ordni soċjali ġust

4.     Ir-realtà hija li qed ngħixu f’diżordni soċjali.  L-ordni mhix, preżentement, iktar importanti.  Anzi, hemm il-linja politika li żarmat kull ma kien hemm biex, taħt kunċett żbaljat tal-libertà, tħalli lil uħud iwettqu dak li ma għandu qatt jiġi permess.  Imma dan għandu effett negattiv ikbar, għax ma twelidx ilbieraħ.  Ilu issa kważi tmien snin jimraħ.  F’dan, tant ippreċipitat u marret lura s-sitwazzjoni, li trid sforz kbir biex tbiddlu.  Meta tara dak li qed iseħħ ġeneralment fis-soċjetà dawn il-jiem, partikolarment fis-settur tal-kostruzzjoni u f’dak ġewwa l-Korp tal-Pulizija, tifhem iktar il-piż u r-responsabbiltà għal min irid u jista’ jbiddel.  Ċertament għandna bżonn nibdlu lura lejn ordni soċjali ġust.

Mhux b’rabja

5.     Ċertament, il-bidla trid issir mhux b’rabja.  Mhux f’reazzjoni għal dak li qed naraw, mingħajr ħsieb.  Irridu direzzjoni ċara.  Irridu, għalhekk, nibnu programm ta’ ħidma.  Wieħed li jifhem iktar il-kumplikazzjonijiet varji li għandna.  Għax ir-realtà qegħda turi s-serjetà dejjem ikbar ta’ dak li qabel kien mgħotti, u li issa ħiereġ għad-dawl.  Qed turi wkoll li l-isforzi għat-tneħħija hija mifruxa fuq żewġ fronti.  Waħda interna fil-Partit Laburista bil-kompożizzjoni preżenti.  L-oħra biex tipprova tbiddel, tgħatti u tirranġa dak li l-Gvern Laburista ta’ qabel ħalla b’wirt lil dan tallum.  It-tnejn iebsa ħafna.  Kemm hemm kapaċità, għajnuna u kollaborazzjoni biex il-partit u l-pajjiż jinbidlu mill-istess idejn li kienu responsabbli għalihom, iż-żmien irid juri.  S’issa, il-kobba iktar qegħda titħabbel.

The path to change

6.     Illum, fil-jum li niddedikaw lill-mara, għandna nqawwu iktar qalbna.  In-nisa tagħna għandhom sens u għaqal li s-soċjetà qegħda tapprezza aktar minn qabel.  Proprju għalhekk li t-triq għal, u lejn il-bidla, hija f’dan iktar essenzjali.  Nemmen li l-poplu tagħna, dan kapaċi jwettqu.  Kapaċi jibdel dak li huwa żbaljat.  Kapaċi jifhem u jwettaq il-valuri nazzjonali tagħna.  Iġib lura l-valuri li nbena fuqhom: dawk insara.  Dawk il-valuri fundamentali li b’attenzjoni, prudenza, determinazzjoni u fidi sħiħa fihom ħaddimna.  Hemm għadhom dawn l-għodod.  Hemm għadhom: f’qalb u f’moħħ dawk kollha, bħali, li jridu jibnu lura dak li ġie żarmat, tkisser u spiċċa.  Trid, għalhekk, tinbidel id-direzzjoni, lura għas-sewwa.  Għax nibqa’ nemmen li aħna kapaċi nibdlu.  Għax nibqa’ nemmen li l-poplu tagħna ħaqqu fiduċja.



No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...