26.3.20

Forsi nibdew nifhmu.




1.     Forsi tul il-ġimgħa li ġejja ser ikollna l-poplu, kollu kemm huwa, li jifhem li s-sitwazzjoni hija waħda gravi u diffiċli.  Forsi tul din il-ġimgħa, dawk li għadhom ma fehmux biżżejjed, jidħlilhom kompletament f’rashom li għandhom jobdu d-direttivi mediċi u tal-Gvern li qegħdin jingħataw.  Hemm bżonn, neċessità assoluta li kull persuna fuq dawn il-gżejjer jifhem li dak li ser jagħmel, jew li għamel, għandu effett pożittiv jew negattiv fuqu u fuq l-oħrajn.  Din mhix marda normali.  Mhix influwenza li nieħdu u tgħaddi.  Hija ferm iktar.  Tattakka direttament il-ħajja ta’ dawk li huma l-iktar għal qalbna u tagħna.

Nifhmu sehem ħaddiema

2.     Forsi wkoll, tul din il-ġimgħa, nifhmu kompletament xi sforzi kbar u erojċi qegħdin isiru minn dawk li jaħdmu biex iżommu l-istat tas-saħħa tagħna kontrollat.  Id-diversi persuni li jinsabu fl-isptarijiet tagħna.  Dawk li qed jissugraw ħajjithom biex isalvaw tal-oħrajn, hemm bżonn li nifhmu biex napprezzawhom sew.  Fuqhom, aħna niddependu.  Fuqhom irridu noqogħdu għad-direzzjonijiet li jgħaddulna.  Huwa dmir nazzjonali ta’ dawk li jikkunsidraw ruħhom tal-kelma, li jġibu ruħhom, fil-ħaja ta’ kull ġurnata, kif jgħidulna.  Ma hemmx ċajt jew logħob fuq dan.

Nifhmu l-Forzi tal-Ordni

3.     Forsi wkoll nifhmu iktar kemm huwa determinanti li naħdmu flimkien u f’koperazzjoni mal-forzi tal-ordni.  Diversi membri qegħdin fuq quddiem, iwettqu huma wkoll atti altruwisti.  Iwettqu atti li jżommu, lil dawk li għadhom ma jridux jifhmu, f’posthom.  Min huwa fi kwarantina, għal raġunijiet varji, irid jifhem li għandu jobdi.  Kif joħroġ, u jxerred barra l-mikrobi, ikun qiegħed jaġixxi b’mod mill-iktar żbaljat u irresponsabbli.  Forsi ħafna li ddeċidew li għandhom huma liġi għalihom, jibdew jifhu li għandhom joqogħdu għal dik ta’ kull persuna oħra.

Napprezzaw ‘l-Ispiżjara u d-Diplomatiċi

4.     Forsi f’dan napprezzaw ukoll ħidmet diversi li mhix tidher jew tissemma, jum wara jum.  Hemm ħafna bnedmin li qegħdu ħajjithom għas-servizz tal-oħrajn.  Jew biex jgħinuhom, billi jixtrulhom jew biex iżommu s-servizzi essenzjali għaddejjin.  Forsi nifhmu kemm l-ispiżeriji ta’ pajjiżna huma determinanti.  Nifhmu aħjar ħidmet l-ispiżjara li tul dawn il-jiem li għaddew, u li ġejjin, qed iżommu servizz uniku għaddej.  Ħafna drabi f’ħinijiet twal u f’sogru kontinwu f’min imur u jattendi għandhom.  Forsi wkoll nibdew napprezzaw ukoll id-diversi diplomatiċi tagħna li baqgħu għaddejjin iservu fl-ambaxxati, konsolati u rappreżentanzi tagħna.  Persuni, li minkejja d-diffikultajiet li għandhom, iżolati f’dinja barranija, f’postijiet fejn is-servizz tas-saħħa mhuwiex bħal tagħna, li jibqgħu jagħtu s-servizz tagħhom.

Laudato Sì

5.     Forsi wkoll, tul din il-ġimgħa, nibdew nifhmu kemm hemm bżonn inbiddlu l-politika ekonomika tagħna.  Kemm hemm bżonn nagħtu iktar attenzjoni għal dak li ma nagħtux kasu.  Kemm irridu nkunu iktar attendi għall-ekosistema tagħna, kif kien fetħilna għajnejna Papa Franġisku ħames snin ilu, meta kien qal: “Biex nieħdu ħsieb l-ekosistemi hemm bżonn ta’ ħarsa li tmur lil hemm mill-immedjat, għax meta nfittxu biss il-profitt ekonomiku mgħaġġel u ħafif, ħadd ma jinteressah tassew fil-preservazzjoni tagħhom.  Imma l-prezz tal-ħsara li ssir minħabba fit-traskuraġni egoistika, fis-sewwa kollu hu bil-wisq ogħla mill-profitt ekonomiku li wieħed jista’ jaqla’.”

Forsi nifhmu fil-politika

6.     Forsi, tul din il-ġimgħa, nibdew nifhmu iktar li dan iż-żmien ser itul.  Mhuwiex ser jispiċċa malajr.  L-attivitajiet umani, iridu jieqfu magħhom dawk tal-ħidma ekonomika.  Huwa, fiż-żgur, li l-ekonomija kif nafuha ser tieħu daqqa ta’ ħarta.  F’dan nittama li aktar jifhmu li mhuwiex ser ikun hemm soluzzjonijiet ta’ malajr.  Forsi l-Gvern jifhem iktar kemm huwa vitali għall-pajjiż li jdaħħal lill-Oppożizzjoni fil-ħidma nazzjonali.  Forsi tul din il-ġimgħa nifhmu iktar li rridu nibdlu l-istituzzjonijiet fil-ħidma u l-aġenda tagħhom biex niddiskutu iktar dak li huwa għaddej, u kif nistgħu nkunu strumenti għas-sewwa ta’ dan il-poplu.  Nittama li nibdew nifhmu iktar x’qed niffaċċjaw, sabiex insibu soluzzjonijiet għal din l-isfida nazzjonali li qegħda thedded il-ħajja tagħna lkoll.



No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...