14.3.20

Id-Dinja fl-2020.




1.     Għadu ma waslax f’idejja.  Kull sena, il-ġurnal “The Economist” jipprova jindika, jew aħjar, jipprova jbasar dak li jkun ġej għad-dinja.  Fil-bidu tagħha ssir ħafna analiżi u l-editur, flimkien mal-ġurnalisti tiegħu jiddikjaraw, skont huma, x’ser jiġri f’artikoli varji.  Tajjeb li dan isir għalkemm, ċertament, ħafna minn dak li jitbassar ma jseħħx.  Imma l-eżerċizzju uman huwa tajjeb, u jmexxi diversi biex jifhmu ftit aħjar xi problemi d-dinja tkun sejra tiffaċċja.

The World in 2019

2.     Qabel ma niġi għal sitwazzjonijiet varji, huwa tajjeb li wieħed iħares lura u jipprova jfakkar lilu nnifsu dak li għaddejna minnu.  Dak li d-dinja ta’ madwarna u pajjiżna għaddew minnu għandu jiġi analizzat kemm jista’ jkun oġġettivament u bil-fatti bħala gwida.  Fil-ħarġa tas-sena li għaddiet, taħt l-artikolu “Tales of the unexpected”, ir-riflessjoni kienet, l-ewwel: “Our predictions a year ago should have been bolder”, it-tieni: “For 2018 has turned out to be another year when what was once almost unthinkable has had a habit of happening”; u t-tielet: “The lesson for 2019? Expect disruption”.

Id-Dinja nbidlet?

3.     Tul is-sena li għaddiet rajna tibdil kbir.  Dak it-tibdil, li ħaddieħor ma kienx ibassar, u fil-verità ma setax b’xi mod ibassar.  Diffiċli tkun profeta, għalkemm, kif nafu, hawn ħafna li jersqu ‘l quddiem biex jgħidulna, skont huma, x’ser jiġri.  Uħud iqawwulna qalbna; oħrajn tagħhom, u diversi oħrajn jippruvaw jaqtgħuhielna.  Id-dinja dejjem skura; għal oħrajn, dejjem sabiħa.  Imma meta tara dak li nkiteb f’“The Economist”, wieħed jifhem ukoll li diversi jidħlu għal dan.  Ifittxu li jippreparaw ruħhom għal dak li jkun ġej.  Imma, kif jgħidu, dejjem kun preparat u stenna dak li ma tistenniex.  Żomm moħħ miftuħ beraħ.

Fl-Ewropa s-sena li għaddiet

4.     Fl-Ewropa rajna tibdil li ħadd ma ppreveda.  Bdejna bil-Parlament Ewropew.  Ħafna qed jaraw Parlament fejn il-Lemin iktar Lemin żied u b’partiti populisti jikbru tant li jiddominaw.  “The Economist” kien iddikjara li r-riżultat kien ser ikun hekk: “The headline, however, will be a familiar one: the populist surge.”  Ir-riżultat ma kienx f’din il-linja.  Iċ-Ċentru żamm, għalkemm ma żiedx, imma anqas ma rajna l-Lemin Lemin jikber daqstant.

Brexit u r-Renju Unit

5.     F’dan il-pajjiż, ma’ dan il-poplu rajna tibdil sħiħ tul is-sena li għaddiet.  Kien hemm dubji sħaħ u ġustifikati dwar dak li kien ser iseħħ, għalkemm dan dejjem fiċ-ċertezza li “Brexit will again dominate British politics in 2019”.  Illum nafu li l-Prim Ministru li bdiet is-sena 2019, Theresa Mary, irriżenjat, u wara elezzjoni interna laħaq Boris Johnson, li l-istess ġurnal kien bassar li l-ħatra tiegħu kienet “less likely”.  Illum nafu li dak li kien jidher dubjuż fis-sena, jiġifieri jekk ir-Renju Unit kienx ser joħroġ jew le, issa nafu li l-Partit Konservattiv għandu l-maġġoranza neċessarja li biha ser jiggarantixxi dan il-ħruġ.

Fl-Italja

6.     Għalkemm, fl-istess, il-ħsieb dwar dan il-pajjiż kien jibda bil-kliem: “Italy is seldom predictable”, però ħadd ma seta’ jbassar dak li seħħ tul is-sena.  Fil-fatt, il-ħsieb ta’ “The Economist” kien li “Mr Salvini has the luxury of being able to choose between sticking with the Five Stars and returning as undisputed leader of a right-wing alliance”.  Ir-realtà nbidlet ta’ taħt fuq, u kif rajna, kien Luigi di Maio li żamm il-mazz f’idejh.  Żamm il-poter u biddel l-alleati tiegħu.  Flok Matteo Salvini għażel lil Nicola Zingaretti tal-Partit Demokratiku.  Fejn ser imorru tul din is-sena, għad naraw.

F’pajjiżna

7.     F’dan il-ġurnal prestiġjuż, ma kien hemm ebda tbassir għalina fis-sena li għaddiet.  Imma l-eventi li rajna biddlu x-xenarju politiku sew.  Dak li konna qed nisimgħu lil uħud jgħidu li ser iseħħ ma seħħx, imma dak li ma konniex nistennew li jseħħ, fil-fatt seħħ.  Prim Ministru nbidel fi ftit ġimgħat u għal dan, ċertament, ħadd ma kien jaħlef li kien ser iseħħ.  Għadna fuq dan għax naqblu, u ngħidu: “For 2019 has turned out to be another year when what was once almost unthinkable has had a habit of happening.”  X’ser iseħħ f’din is-sena 2020 għad irridu naraw, imma r-regola tibqa’ li wieħed għandu jkompli jistenna dak li ma jistenniex.




No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...