14.3.20

Falliment ieħor fl-Ewropa?




1.     Waqt li, għal darb’oħra, il-pajjiż ġie aljenat fuq kwistjonijiet oħra.  Waqt li qegħdin inħarsu lejn sitwazzjonijiet interni fil-partiti politiċi, hemm għaddejjin problemi oħra.  Problemi soċjali u ekonomiċi li qed imissuna llum u ser ikomplu fix-xhur li ġejjin.  Nifhmu li hemm inkwiet li ġej mid-domanda ta’ kemm pajjiżna ser ikun stabbli fis-snin li ġejjin.  Nifhmu iktar għala l-Kamra tal-Kummerċ trid tvara numru ta’ proposti sabiex  niġu lura għal dak li nistgħu nkunu. 

Bidliet

2.     Ċertament hemm diversi passi li jridu jittieħdu sabiex il-pajjiż jieħu lura r-reputazzjoni tajba li kellu.  Il-Gvern mhuwiex jifhem kemm din hija prijorità qawwija.  Daħħal lilu nnifsu fil-pożizzjoni li jrid jieħu l-ħin tiegħu biex jaġixxi.  Trid għaqal, imma hemm bżonn iktar passi immedjati.  Li sparixxa Joseph Muscat, qisu ma kienx jeżisti, u issa ġie Robert Abela mhuwiex biżżejjed.  Pajjiżna għaddej minn diffikultajiet li mhumiex jingħadu lill-poplu, li qed jiġi aljenat mill-ġdid.

L-aqwa fl-Unjoni Ewropea

3.     Kien hemm il-Gvern ta’ qabel li kien qiegħed jgħidilna li minkejja dak kollu li sar minn Gvern Nazzjonalista, hu ser ikun ferm aħjar.  Dan wieħed irid jifhmu fil-kuntest tal-fatt li konna l-Partit li għamilna d-deċiżjoni għaqlija li daħħalna lil pajjiżna fl-Unjoni.  Minkejja l-fatt li ħadna vantaġġ f’diversi setturi.  Li żidna t-tessut soċjali u l-livell tad-demokrazija tagħna.  Li għandna vantaġġi kbar li jippermettulna mmorru fil-libertà f’diversi pajjiżi Ewropej u mondjali oħra.  Li għandna inqas taxxi xi nħallsu.  Li l-bibien tal-kummerċ infetħu beraħ.  Li rnexxielna jkollna biljuni, darbtejn, għad-dispożizzjoni tal-kaxxa ta’ pajjiżna.  Xorta l-Partit Laburista wiegħed li ser inkunu aħjar, li llum nafu li m’aħniex.

Ma seħħ xejn

4.     L-inkompetenza tal-Gvern Laburista Muscat kienet tant kbira li mhux talli ma sirniex l-għira tad-dinja, imma li spiċċajna kkunsidrati bħala l-inqas.  Mhux biss, imma dak il-Gvern ma ħasibx għal dak li ġej issa magħna.  Għax minkejja kull kritika li setgħet saret lill-Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi, il-passi li ttieħdu taħtu kienu r-raġuni għala f’dawn is-seba’ snin gawdejna ekonomikament.  Li kieku ma nġiebux il-fondi li nġiebu biex jintefqu, ma kienx ikun hawn dak li qiegħed isir.  U mhux biss, imma konna Gvern li ħa ħsieb jikkontrolla u jsolvi l-isfidi li l-immigrazzjoni rregolari ġġib magħha.

Falliment doppju u imminenti?

5.     F’dan il-kuntest, għandu jingħad: l-ewwel, li l-Gvern Muscat ma ħax ħsieb ikollu preparazzjoni tajba u effikaċi fid-diskussjonijiet dwar il-Fondi Ewropej.  Suppost li kien diġà jaf x’inhuwa ġej għalina.  Minflok, injora dak li għidna mill-Oppożizzjoni u baqa’ għaddej bil-konsegwenzi inevitabbli.  Pajjiżna ser ikollu inqas fondi għaż-żmien li ġej.  Huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi preżenti fl-Unjoni Ewropea, nafu li stajna morna ferm aktar aħjar.  Dan ser ifisser tnaqqis sostanzjali fir-ritmu ekonomiku tagħna, kif ukoll fil-bidliet soċjali li ma nistgħux inwettqu.

Immigrazzjoni irregolari

6.     Il-Gvern Laburista ta’ Muscat, fil-verità, fl-arroganza politika kbira u supperva tiegħu, żarma dak kollu li kien bena Gvern Nazzjonalista qabel.  Dan jgħodd sija fil-fondi Ewropej, kif ukoll fis-settur tal-immigrazzjoni rregolari.  Waqt li ħaddieħor jista’ jkun mimli jħares lejn iż-żokra, il-verità hijha li għandna sfida ferm u ferm qawwija quddiemna fl-immigrazzjoni.  Nikkalkulaw li l-Gvern ta’ Abela għandu responsabbiltà ta’ madwar tlett elef u ħames mitt ruħ li ġew tul dawn l-aħħar xhur.  Din hija figura għolja ħafna.  Waħda li tfakkar u ġġib kuntrast qawwi ma’ wegħda politika oħra li falla fiha l-Gvern Laburista li kien moħħu iktar biex iwaqqa’ għaċ-ċajt dak li wettaqna.  Infakkru li kien qal li ser jibgħat lil kull persuna li hawn lura, u li ser iġiegħel bilfors il-membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea jieħdu persuni mingħandna.  Dan falla fih, u bil-kbir.  Nafu x’aħna ngħidu.

Nippreparaw ruħna

7.     Proprju għalhekk li aktar ma jdum dan il-Gvern iktar ser jikbru, u mhux jonqsu, il-problemi li għandna.  Il-Partit Laburista falla kumplessivament f’dan, u l-effetti ser jibdew jinħassu.  Uħud qed jippruvaw jgħidulna l-kontra, oħrajn moħħhom biex iġellduna, oħrajn biex jaljenawna.  Dmirna f’dan huwa li nibdew nemmnu iktar fina nfusna.  Il-Partit Nazzjonalista għandu potenzjal qawwi, li jrid iħalli lilu nnifsu juża u jwettaq.  Għandna, għalhekk, inħarsu ‘l quddiem u nifhmu li ġejja responsabbiltà politika għalina.  Quddiem il-fallimenti politiċi li dan il-Gvern dieħel għalihom, irridu nippreparaw ruħna, u sew.




No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...