26.3.20

Aħbar mill-isbaħ.




1.     Għall-bnedmin tal-ġenerazzjoni tiegħi, ngħid li f’ċertu sens trabbejna fil-linja tal-ħsieb li għalkemm konna viċin tal-Vatikan, ebda Papa ma kien ser jgħaddi għandna.  Imbagħad ġie l-1990 u smajna l-aħbar li ma konniex qed nistennew.  Il-Papa, illum il-Qaddis San Ġwann Pawlu II, iddeċieda li jiġi hawn fostna.  F’Mejju ta’ dik is-sena ġie dar it-toroq tagħna, u pajjiżna waqaf.  Waqaf jistenna, jisma’, u fuq kollox jifraħ ma’ dak il-bniedem straordinarju.

Pollakk u Tedesk

2.     Kellu jkun Papa Pollakk li fetaħ il-bieb.  Ġie darbtejn jarana.  Kull darba ħalla marka qawwija.  Diskorsi preċiżi, markati biex imexxu lejn is-sewwa, lejn il-verità, lejn l-għarfien sħiħ tal-messaġġ nisrani.  Messaġġ li jintilef jekk ma jkunx hemm min jagħti xiehda għalih.  Warajh ġie l-Papa Benedittu XVI.  Bniedem differenti – aktar akkademiku, imma huwa wkoll mimli b’messaġġi.  Kull diskors tagħhom it-tnejn jimmerita li jinqara mill-ġdid.  Jimmeritaw li nirriflettu fuq il-kontenut tagħhom.  X’qalu u x’riedu jgħidulna.  Xi smajna, u wara wettaqna.

Mhux Taljan

3.     Għal snin twal kellna Papiet Taljani.  Bnedmin mimlija huma wkoll b’ideat u ħsibijiet.  Waqt li naqraw iktar ħidmiethom, nifhmu iktar dak li wettqu u dak li ppreparaw.  Ideat, enċikliċi, messaġġi, ittri u direzzjoni li l-proċess tal-Konċilju Vatikan it-Tieni sarraf fi Knisja mġedda.  Dan huwa kollu għad-dispożizzjoni tagħna, jekk irrdu.  Nistgħu nidħlu f’iktar dettall.  Nistgħu niġbdu l-attenzjoni ta’ din is-soċjetà, anke jekk inkunu f’minoranza; forsi nemmnu iktar fina nfusna, li aħna nistgħu nkunu żerriegħa tal-mustarda.  Biss, il-fatt jibqa’ li għal raġuni jew oħra, ma rajnihomx viċin aktar tagħna fuq dawn il-gżejjer.  Forsi l-fidi tagħna kienet ikbar?

Aħbar sabiħa oħra

4.     Ċertament l-aħbar li l-Papa Franġisku ser jiġi f’viżta pastorali f’Mejju ta’ din is-sena hija mill-isbaħ.  Papa li għandu għeruq Taljani, imma li ġej mill-Arġentina.  Papa li huwa espost lejna b’termini u mezzi differenti ħafna.  Bniedem li tista’ ssegwih il-Ħadd waqt l-Angelus, imma wkoll fuq Facebook u Twitter.  Kull jum għandu messaġġ li jingħata fil-quddiesa f’Santa Marta.  Wieħed li ma jħarisx lejn diskorsi twal.  Anqas elaborati u “akkademiċi”, imma fil-qosor.  Fehem, iktar minn diversi, in-nuqqas ta’ paċenzja ta’ dinja li ma taqrax, anki jekk il-messaġġ ikun taħt għajnejha.  Veloċità fix-xejn, f’telf ta’ direzzjoni li hemm bżonn li tinstab.

X’ser jgħidilna?

5.     Diġà għandna numru ta’ “profeti” li qed jgħidulna x’ser jgħidilna l-Papa meta jiġi hawn.  Diġà hawn min jipprova jċekken, jew iqiegħed f’kaxxa partikolari, sabiex ma jkollux bżonn jisma’.  Iqegħda biss fid-dimensjoni unika.  Imma hemm bżonn li nisimgħu.  Għax dan huwa Papa li l-vuċi tiegħu hija diretta u rilevanti ħafna għad-dinja kumplikata tagħna.  Huwa, f’ħafna, parti mill-proċess li fih tikber fi kliemu.  Tifhmu aħjar.  Tħares iktar fil-fond lejn kliemu.  Forsi ma nagħrfux biżżejjed li huwa iktar aċċessibbli milli naħsbu.  Jekk infittxuh, insibuh.

Intervisti

6.     Jekk qabel kien hemm bżonn enċiklika, jew udjenza, jew xi diskors speċjali, Jorge Mario Bergoglio huwa miftuħ f’intervisti varji, fi priedki qosra, diretti.  Jum wara jum niskopri dejjem iktar.  Bħalma kelli dan f’intervista twila ma’ Dominique Wolton, fil-ktieb “The Path to Change”.  Wieħed li qiegħed naqra biċċa biċċa.  Fih minjiera sinjura oħra ta’ ideat.  Fosthom, diskors tiegħu tal-5 ta’ Novembru 2016, li laqatni l-iktar, fejn jgħid: “At our last meeting, in Bolivia, we listed three tasks essential for progressing towards a humane alternative to the globalisation of indifference: 1. Placing the economy at the services of the people; 2) Working for peace and justice; and 3) defending Mother Earth.”

Missjoni

7.  Il-missjoni f’pajjiżna tal-Papa hija waħda reliġjuża.  Hija waħda diretta biex twassal messaġġi varji sabiex il-bnedmin jimxu mingħajr biża’ lejn it-triq tas-sewwa.  Biss, ma niżbaljawx jekk aħna, bħala politiċi, nagħtu widen akbar.  Nispiraw u niggwidaw ruħna biex nippruaw inkunu strumenti għall-ġid tal-proxxmu tagħna.








No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...